L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Il-Papa Benedittu XVI f'Ħamis ix-Xirka 2009

 

 

 

QUDDIESA TAL-GRIŻMA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTO XVI
Basilika Vatikana
Ħamis ix-Xirka, 9 t’April 2009



Għeżież ħuti, irġiel u nisa,


Miċ-Ċenaklu, il-lejla ta qabel il-passjoni tiegħu, il-Mulej talab għad-dixxipli tiegħu miġbura madwaru, waqt li fl-istess ħin kien qiegħed jara bil-quddiem il-komunità tad-dixxipli tas-sekli kollha, għal “dawk li se jemmnu fija permezz ta’ kelmthom” (Ġw 17, 20). Fit-talba għad-dixxipli taż-żmenijiet kollha Hu ra wkoll lilna u talab għalina. Ejjew nisimgħu, x’talab għat-Tnax u għalina hawn miġbura: “Ikkonsagrahom fil-verità. Il-kelma tiegħek hija verità. Bħal ma inti bgħatt lili fid-dinja, jien ukoll bgħatthom fid-dinja; għalihom jiena nikkonsagra lili nnifsi, sabiex ikunu wkoll huma ikkonsagrati fil-verità” (17, 17ss). Il-Mulej jitlob is-santifikazzjoni tagħna, il-konsagrazzjoni tagħna fil-verità. U jibgħatna biex inkomplu l-missjoni stess tiegħu. Imma f’din it-talba hemm kelma li tiġbed l-attenzjoni tagħna, tidhrilna ftit li xejn komprensibbli. Ġesù jgħid: “Għalihom nikkonsagra lili nnifsi”. Din xi tfisser? Ġesù mhuwiex forsi minnu nnifsu “il-Qaddis ta’ Alla”, bħal ma stqarr Pietru fis-siegħa deċiżiva ta’ Kafarnaw (cfr Ġw 6, 69)? Kif jistà Hu issa jikkonsagra, iqaddes lilu nnifsu?


Biex nifhmu dan, jeħtieġ l-ewwelnett li niċċaraw xi jridu jgħidu fil-Bibbja l-kliem “qaddis” u “titqaddes”/ “jikkonsagra”. “Qaddis” – b’din il-kelma wieħed jiddeskrivi qabel kollox in-natura ta’ Alla nnifsu, il-mod tiegħu li jkun għal kollox partikolari, divin, li għalih huwa propju. Huwa biss huwa l-Qaddis veru u awtentiku fis-sens oriġinarju. Kull qdusija oħra tiġi minnu, hija sehem fil-mod tal-eżistenza tiegħu. Huwa hu d-dawl purissmu, il-Verità u t-Tajjeb bla tebgħa. Tikkonsagra xi ħaġa jew lil xi ħadd mela tfisser tagħti lill-ħaġa jew lill-persuna fi propjetà lil Alla, twarrabha mill-qasam ta’ dak li hu tagħna u tqiegħdha fl-atmosfera tiegħu, hekk li ma tibqax tappartieni iktar lilna, u linqas għaliha nfisha, imma tiġi mgħaddsa f’Alla. Tali ċaħda minn xi ħaġa biex nikkonsenjawha lil Alla, insejħulha mbagħad ukoll sagrifiċċju: din ma tkunx iktar propjetà tiegħi , imma propjetà tiegħu. Fit-Testment il-Qadim, il-għotja ta’ persuna lil Alla, jiġifieri is-“santifikazzjoni” tagħha tidentifika lilha nfisha bl-Ordinazzjoni saċerdotali, u b’dan il-mod tiddefenixxi ruħha wkoll fiex jikkonsisti s-saċerdozju: dan huwa passaġġ ta’ propjetà, esseri mwarrab mid-dinja u mogħti lil Alla. B’dan jenfasizzaw ruħhom iż-żewġ direzzjonijiet li jagħmlu parti mill-proċess tas-santifikazzjoni/konsagrazzjoni. Dan huwa ħruġ mill-ambjenti tad-dinja – “esseri mwarrab fil-ġemb” għal Alla. Imma propju minħabba dan din mhix segregazzjoni. Li nkunu mogħtija lil Alla tfisser sa ċertu punt li nkunu maħtura biex nirrapreżentaw lill-oħrajn. Is-saċerdot jiġi mwarrab mill-konnessjonijiet tad-dinja u rregalat lil Alla, u propju hekk, biex nibdew minn Alla, għandu jkun disponibbli għall-oħrajn, għal kulħadd. Meta Ġesù jgħid: “Jien nikkonsagra lili nnifsi”, huwa jagħmel lilu nnifsu saċerdot u vittma. Għalhekk Bultmann għandu raġun meta jittraduċi l-istqarrija: “Jien nikkonsagra lili nnifsi” b’ “Jien nissagrifika lili nnifsi”. Issa nifhmu xi jseħħ meta Ġesù jgħid: “Jien nikkonsagra lili nnifsi għalihom”? Dan huwa l-att saċerdotali li fih Ġesù – il-Bniedem Ġesù, li huwa ħaġa waħda mal-Iben ta’ Alla – jagħti lilu nnifsu lill-Missier għalina. Din hija l-espressjoni tal-fatt li Hu huwa fl-istess ħin saċerdot u vittma. Nikkonsagra lili nnifsi – nissagrifika lili nnifsi: din il-kelma profonda li tħallina nitfgħu ħarsa fl-intimu tal-qalb ta’ Ġesù Kristu, għandha dejjem tkun mill-ġdid oġġett tar-riflessjoni tagħna. Fiha hemm miġbur il-misteru kollu tal-fidwa tagħna. U hemm inkluż ukoll l-oriġni tas-saċerdozju tal-Knisja, tas-saċerdozju tagħna.


Issa biss nistgħu nifhmu sal-qiegħ it-talba, li l-Mulej ippreżenta lill-Missier għad-dixxipli – għalina. “Ikkonsagrahom fil-verità”: dan huwa l-inseriment tal-appostli fis-saċerdozju ta’ Ġesù Kristu, l-istituzzjoni tas-saċerdozju ġdid tiegħu għall-komunità tal-fidili taż-żmenijiet kollha “Ikkonsagrahom fil-verità”: din hija l-vera talba tal-konsagrazzjoni għall-aqppostli. Il-Mulej jitlob li Alla nnifsu jiġbidhom lejh, ġol-qdusija tiegħu. Jitlob li Hu jiġbidhom minnhom infushom u jeħodhom bħala propjeta tiegħu sabiex minnu ‘l hemm, huma jkunu jistgħu jiżvolġu s-servizz saċerdotali għad-dinja. Din it-talba ta’ Ġesù tidher darbtejn b’forma kemmxejn modifikata. Hemm bżonn li nisimgħu d-darbtejn b’attenzjoni kbira, biex nibdew nifhmu talinqas b’mod vag il-ħaġa sublimi li hawn qiegħda titwettaq. “Ikkonsagrahom fil-verità”. Ġesù jżid: “Kelmtek hija verità”. Id-dixxipli jiġu hawn miġbuda fl-intimu ta’ Alla permezz tal-immersjoni fil-kelma ta’ Alla. Il-kelma ta’ Alla hija, biex ngħidu hekk, il-banju li jippurifikahom, il-poter ħallieq li jibdilhom fli jkunu ta’ Alla. U allura, kif inhuma l-affarijiet f’ħajjitna? Aħna tassew imdakkra mill-kelma ta’ Alla? Huwa minnu li hija tassew l-ikel li bih ngħixu, iktar milli mhumiex il-ħobż u l-ħwejjeġ l-oħra ta’ din id-dinja? Nafuha tassew? Inħobbuha? Nieħdu ħsieb interjorment ta’ din il-kelma sal-punt li hija tassew tittimbra ħajjitna u tifforma ħsiebna? Jew mhux pjuttost li ħsiebna dejjem mill-ġdid jimmodella ruħu b’dak kollu li jingħad u li jsir? Mhumiex forsi spiss ħafna l-opinjonijiet predominanti il-kriterji li skonthom aħna nkejlu? Ma nibqgħux jewwilla forsi, fl-aħħar minn l-aħħar, fis-superfiċjalità ta’ dak kollu li, is-soltu, jimponi ruħu fuq il-bniedem tallum? Nietzsche waqqà għaċ-ċajt l-umiltà u l-ubbidjenza bħala virtujiet servili, li permezz tagħhom il-bnedmin jiġu mgħakksa psikoloġikament. Qiegħed minflokhom il-kburija u l-libertà assoluta tal-bniedem. Veru, jeżistu karikaturi ta’ umiltà żbaljata, li marridux nimitaw. Imma teżisti wkoll is-suppervja distruttiva u l-preżunzjoni, li jfarrku kull komunità u jintemmu fil-vjolenza. Nafu aħna nitgħallmu minn Kristu l-umiltà retta, li tikkorrispondi mal-verità tal-eżistenza tagħna, u dik l-ubbidjenza, li tissottometti ruħha għall-verità, għar-rieda ta’ Alla? “Ikkonsagrahom fil-verità; kelmtek hija verità”: Din il-kelma tal-inseriment fis-saċerdozju tillumina ħajjitna u ssejħilna biex insiru dejjem mill-ġdid dixxipli ta’ dik il-verità, li tinfetaħ fil-kelma ta’ Alla.


Fl-interpretazzjoni ta’ din is-sentenza nistgħu nagħmlu wkoll pass ulterjuri. Forsi Kristu ma qalx dwaru: “Jiena l-verità” (cfr Ġw 14, 6)? U mhux forsi huwa stess il-Kelma ħajja ta’ Alla, li għaliha jirreferu l-kliem singolu l-ieħor kollu? Ikkonsagrahom fil-verità – dan irid, mela, jgħid, fl-ikbar profondità: irrendihom ħaġa waħda miegħi, Kristu. Orbothom miegħi. Iġbidhom ġewwa fija. U fil-fatt: jeżisti fl-aħħar minn l-aħħar biss saċerdot uniku fil-Patt il-Ġdid, l-istess Ġesù Kristu. Dan huwa s-saċerdozju tad-dixxipli, għalhekk, jistà jkun biss sehem fis-saċerdozju ta’ Ġesù. Il-fatt li aħna saċerdoti mhuwiex mela ħaġ’oħra għajr mod ġdid u radikali ta’ unifikazzjoni ma’ Kristu. Sostanzjalment din ġiet irregalata lilna għal dejjem fis-Sagrament. Imma dan is-siġill ġdid tal-eżistenza jistà jsir għalina ħaqq ta’ kundanna, jekk ħajjitna ma tiżviluppax billi tidħol fil-verità tas-Sagrament. Il-wegħdiet li nġeddu llum jġħidu dwar dan li r-rieda tagħna għanadha dejjem tkun orjentata: “Domino Iesu arctius coniungi et conformari, vobismetipsis abrenuntiantes”. L-unifikazzjoni ma’ Kristu tassumi ċ-ċaħda. Tinħtieġ li ma rridux nimponu triqtna u r-rieda tagħna; li ma nixtiqux insiru dan jew dak l-ieħor, imma li nintelqu fih, kullimkien u fi kwalunkwè mod li Hu jkun irid jinqeda bina. “Ngħix, madankollu ma ngħixx iktar jien, imma Kristu li jgħix fija”, qal San Pawl dwar dan (cfr Gal 2, 20). Fl-“iva” tal-ordinazzjoni saċerdotali għamilna din iċ-ċaħda fondamentali għar-rieda li nkunu awtonomi, għall-“awtorejalizzazzjoni”. Imma hemm bżonn li jum wara l-ieħor inwettqu din il-kbira “iva” f’bosta “iva” ċkejknin u fiċ-ċaħdiet żgħar. Din l-“iva” ta’ passi żgħar, li flimkien jikkostitwixxu l-“iva” l-kbira, tistà titwettaq mingħajr qrusa u mingħajr ma niħassru lilna nfusna biss kemm-il darba Kristu jkun tassew iċ-ċentru ta’ ħajjitna. Jekk nidħlu f’familjarità vera miegħu, allura, tassew nisperimentaw f’nofs iċ-ċaħdiet, li għall-ewwel jistgħu iqanqlu niket, il-ferħ krexxenti tal-ħbiberija miegħu, is-sinjali żgħar u kultant ukoll kbar ta’ mħabbtu, li kontinwament jirregalalna. “Min jitlef lilu nnifsu, isibu” Jekk nażżardaw nitilfu lilna nfusna għall-Mulej, nisperimentaw kemm hija tassew minnha kelmtu.


Ngħoddsu fil-verità, fi Kristu – minn dan il-proċess jifforma parti t-talb, li fih neżerċitaw lilna nfusna fil-ħbiberija miegħu u wkoll nitgħallmu nagħrfuh: il-mod ta’ kif inhu, kif jaħseb, kif jaġixxi. Titlob jiġifieri timxi f’għaqda personali ma’ Kristu, waqt li nesponu quddiemu ħajjitna ta’ kuljum, il-kisbiet u l-fallimenti tagħna, it-taħbit tagħna u l-ferħ tagħna – din hija sempliċi preżentazzjoni tagħna nfusna quddiemu. Imma sabiex ma jsirx meditazzjoni tagħna nfusna, huwa mportanti li nitgħallmu kontinwament nitolbu waqt li nitolbu mal-Knisja. Tiċċelebra l-Ewkaristija jiġifieri titlob. Ejjew niċcelebraw l-Ewkaristija b’mod ġust, jekk bi ħsiebna u bl-esseri tagħna nidħlu fil-kliem, li l-Knisja tipproponilna. Fihom hija preżenti t-talba tal-ġenerazzjonijiet kollha li jaħfnuna biha fit-triq lejn il-Mulej. U bħala saċerdoti jinsabu fiċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika dawk li, bit-talb tagħhom, jsawru t-triq għat-talb tal-fidili tallum. Kemm-il darba ma nkunux magħquda b’mod intern mal-kliem tat-talb, kemm-il darba nħalluhom jiggwidawna u jittrasformawna, allura l-fidili wkoll isibu l-aċċess għal dak il-kliem. Allura lkoll kemm aħna nsiru tassew “ġisem wieħed u ruħ waħda” ma’ Kristu.


Tkun mgħaddas fil-verità u l-istess fil-qdusija ta’ Alla – dan ifisser għalina wkoll naċċettaw il-karattru esiġenti tal-verità; nopponu fil-ħwejjeġ kbar kif ukoll f’dawk żgħar għall-gidba, li b’mod hekk differenti hija preżenti fid-dinja; naċċettaw ix-xogħol iebes tal-verità, sabiex il-ferħ iktar profond tagħha jkun preżenti fina. Meta nitkellmu dwar l-aħna konsagrati fil-verità, m’għandniex linqas ninsew li f’Ġesù Kristu verità u mħabba huma ħaġa waħda. Inkunu mgħaddsin fih ifisser li nkunu mgħaddsa fit-tjieba tiegħu, fl-imħabba vera. L-imħabba vera mhijiex irħisa, tistà tkun ukoll tassew esiġenti. Opponu reżistenza lill-ħażin, biex twasslu lill-bniedem il-vera ġid. Jekk insiru ħaġa waħda ma’ Kristu, nitgħallmu nagħrfuh propju fil-batuti, fil-fqar, fiż-żgħar ta’ din id-dinja; allura nsiru persuni li jaqdu lill-aħwa rġiel u nisa tiegħu, u fihom jiltaqgħu miegħu stess.


“Ikkonsagrahom fil-verità” – din hija l-ewwel parti ta’ dik il-kelma ta’ Ġesù. Imma mbagħad Huwa jżid: “Nikkonsagra lili nnifsi, sabiex ukoll huma jkunu kkonsagrati fil-verità” – jiġifieri verament (Ġw 17, 19). Jien naħseb li din it-tieni parti għandha sinifikat speċifiku tagħha. Jeżistu fir-reliġjonijiet tad-dinja modi ritwali multepliċi ta’ “santifikazzjoni”, ta’ konsagrazzjoni ta’ persuna umana. Imma dawn ir-riti kollha jistgħu jibqgħu sempliċement ħaġa formali. Kristu jitlob għad-dixxipli tiegħu l-vera santifikazzjoni, li tibdel l-eżistenza tagħhom, lilhom infushom; li ma tibqax forma ritwali, imma tkun tassew propjetà li ssir ta’ Alla nnifsu. Nistgħu wkoll ngħidu: Kristu talab għalina s-Sagrament li jmissna fil-profondità tal-eżistenza tagħna. Imma talab ukoll sabiex din il-bidla jum wara jum fina tittraduċi ruħha f’ħajja; sabiex fil-jum ta’ kuljum tagħna u fil-ħajja konkreta tagħna ta’ kuljum inkunu tassew mimlija bid-dawl ta’ Alla.


Lejlet l-Ordinazzjoni saċerdotali tiegħi, 58 sena ilu, ftaħt l-Iskrittura Mqaddsa, għaliex ridt nerġà nirċievi kelma tal-Mulej għal dak il-jum u għal mixja futura tiegħi ta’ saċerdot. Il-ħarsa tiegħi waqgħet fuq din is-silta: “Ikkonsagrahom fil-verità, kelmtek hija verità”. Allura indunajt: il-Mulej qiegħed ikellimni. L-istess ħaġa sseħħ preċiżament fija għada. F’analiżi aħħarija ma niġux ikkonsagrati permezz ta’ riti, ukoll jekk hemm bżonn ta’ riti. Ix-xogħol li fih se jgħaddasna l-Mulej, huwa Hu nnifsu – il-Verità nfisha. Ordinazzjoni saċerdotali tfisser: tiġi mgħaddas fih. Fil-Verità. Nappartieni lilu b’mod ġdid u bl-istess mod lill-oħrajn, “sabiex tiġi saltnatek”. Għeżież ħbieb f’din is-siegħa tat-tiġdid tal-wegħdiet irridu nitolbu lill-Mulej biex jagħmel li nsiru bnedmin ta’ verità, bnedmin ta’ mħabba, bnedmin ta’ Alla. Ejjew nitolbuh biex dejjem jattirana iktar ġewwa fih, sabiex insiru tassew saċerdoti tal-Patt il-Ġdid. Amen.
 

 Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta