L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Il-Papa Benedittu XVI f'Ħamis ix-Xirka 2007

 

 

 

QUDDIESA TAL-GRIŻMA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTO XVI

Bażilika Vatikana
Ħamis ix-Xirka, 5 t’April 2007

 

Għeżież Huti irġiel u nisa,

Il-kittieb Russu Leone Tolstoi jirrakkonta f’rakkont ċkejken dwar sultan sever li talab lis-saċerdoti u l-għorrief tiegħu biex juruh lil Alla sabiex hu wkoll ikun jistà jarah. L-għorrief ma kinux kapaċi jaqtgħu x-xewqa tiegħu. Allura wieħed rgħaj, li nzerta dak il-ħin rieġa lura minn l-għelieqi tiegħu, offra li jassumi id-dmir tas-saċerdoti u tal-għorrief. Minn għandu s-sultan fehem li għajnejh ma kinux biżżejjed biex jara lil Alla. Allura, però, huwa ried talinqas ikun jaf x’kien qiegħed jagħmel Alla. "Biex inkun nistà nwieġeb din il-mistoqsija tiegħek – qal ir-ragħaj lis-sultan – hemm bżonn li nibdlu lbiesna". B’nofs qalb, madankollu mbuttat mill-kurżità għall-informazzjoni mistennija, is-sultan aċċetta; ta ħwejġu rjali lir-ragħaj u ħalla lilu nnifsu jiġi mlibbes il-libsa fqajra tal-imsejken bniedem. U hekk hu li minnufih waslet it-tweġiba: "Dan huwa dak li jagħmel Alla". Fil-fatt, Bin Alla – Alla veru minn Alla veru – warrab fil-ġemb il-meravilji divini tiegħu: "…neżżà lilu nnifsu, waqt li assuma l-kundizzjoni ta’ qaddej u waqt li sar jixbaħ lill-bnedmin; deher f’forma umana, umilja lilu nnifsu … sal-mewt tas-salib" (cfr Fil 2,6ss). Alla wettaq – kif jgħidu s-Santi Padri – is-sacrum commercium, il-bidla sagra: assuma dak li kien tagħna, sabiex aħna nkunu nistgħu nirċievu dak li kien tiegħu, insiru nixbħu lil Alla.

San Pawl, fir-rigward ta’ dak li jseħħ fil-Magħmudija, juża b’mod espliċitu x-xbiha tal-libsa: "Meta intom tgħammidtu fi Kristu, intom ilbistu lil Kristu" (Gal 3,27). Dan huwa dak li jseħħ fil-Magħmudija; aħna nilbsu lil Kristu, huwa jirregalalna ħwejġu u din mhijiex ħaġa esterna. Ifisser li nidħlu f’komunjoni eżistenzjali miegħu, li l-esseri tiegħu u tagħna, jitwaħħdu flimkien. "Ma nkunx iktar jien li ngħix, imma Kristu li jgħix fija" – hekk Pawlu nnifsu fl-Ittra lill-Galatin (2,2) jideskrivi l-ġrajja tal-magħmudija tiegħu. Kristu libes ilbiesna: in-niket u l-ferħ tal-esseri uman, il-ġuħ, il-għatx, l-għejja, it-tamiet u d-delużjonijiet, il-biżà tal-mewt, l-inkwiet kollu tagħna sal-mewt. U tana l-"ilbies" tiegħu. Dak li fl-Ittra lill-Galatin huwa espress bħala sempliċi "fatt" tal-magħmudija – id-don tal-esseri l-ġdid – Pawlu jippreżentahulna fl-Ittra lill-Efesin bħala dmir permanenti: "Hemm bżonn twarrbu l-bniedem il-qadim bl-imġieba ta’ qabel! … Hemm bżonn li] tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skont Alla fil-ġustizzja  u fil-qdusija vera. Għalhekk, waqt li twarrbu l-falsità: għidu kull wieħed il-verità lill-proxxmu tagħkom; għaliex aħna membri ta’ xulxin. Fir-rabja, la tidimbux …" (Ef 4,22-26).

Din it-tejoloġija tal-Magħmudija terġà lura b’mod ġdid u b’insistenza ġdida fl-Ordinazzjoni saċerdotali. Bħal fil-Magħmudija jiġi rregalat "bdil tal-ilbies", bdil tad-destin, komunjoni eżistenzjali ġdida ma’ Kristu, hekk ukoll fis-saċerdozju għandna bdil; fl-amministrazzjoni tas-Sagramenti, is-saċerdot jaġixxi u issa jitkellem "in persona Christi". Fil-misteri sagri huwa ma jirrapreżentax lilu nnifsu u ma jitkellimx billi jesprimi lilu nnifsu, imma jitkellem għall-Ieħor – għal Kristu. Hekk fis-Sagramenti huwa jirrendi viżibbli b’mod drammatiku dak li jfisser li tkun m’mod ġenerali saċerdot; dak li esprimejna bl-"Adsum – jiena lest" tagħna waqt il-konsagrazzjoni saċerdotali: Jien ninsab hawn sabiex int tistà tiddisponi minni. Inqiegħdu lilna nfusna għad-dispożizzjoni ta’ Dak "li miet għal kulħadd, sabiex dawk li jgħixu ma jgħixux iktar għalihom infushom …" (2Kor 5,15). Inqiegħdu lilna nfusna għad-dispożizzjoni ta’ Kristu jfisser li nħallu lilna nfusna niġu miġbuda ġol- "għal kulħadd" tiegħu: waqt li nkunu miegħu nistgħu tassew inkunu "għal kulħadd".

In persona Christi – fil-waqt tal-Ordinazzjoni sdaċerdotali, il-Knisja irrenditilna viżibbli u afferrabbli din ir-realtà tal-"ilbies ġdid" ukoll esternament permezz ta’ li konna mlibbsa bil-paramenti liturġiċi. F’dan il-ġest estern hija riedet tirrendilna evidenti l-ġrajja interna u d-dmir li joħroġ minnu: nilbsu lil Kristu; nagħtu lilna nfusna lilu bħal ma Hu ngħata għalina. Din il-ġrajja, tiġi rappreżentata dejjem mill-ġdid f’kull Quddiesa permezz tal-ilbies tal-paramenti liturġiċi. L-ilbies tagħhom għandu jkun għalina iktar minn fatt estern: huwa d-dħul dejjem mill-ġdid fl-"iva" tal-inkarigu tagħna – f’dik "il-mhux iktar jien" tal-Magħmudija li l-Ordinazzjoni saċerdotali tirregalalna b’mod ġdid u fl-istess ħin titlobna. Il-fatt li ninsabu fuq l-altar, lebsin il-paramenti liturġiċi, għandu jirrendi viżibbli b’mod ċar lil dawk preżenti u lilna wkoll li ninsabu hemm "in persona ta’ xi Ħadd ieħor". L-ilbies saċerdotali, hekk kif mal-passaġġ taż-żmien ġie żviluppat, huwa espressjoni simbolika profonda ta’ dak li jfisser is-saċerdozju. Irrid għalhekk, għeżież ħuti, nispjega f’dan il-Ħamis ix-Xirka l-essenza tal-ministeru saċerdotali waqt li ninterpreta l-paramenti liturġiċi li, appuntu, minn naħa tagħhom iridu jispjegaw xi tfisser "nilbsu lil Kristu", nitkellmu u naġixxu in persona Christi.

L-ilbies tal-ilbies saċerdotali kien darba akkumpanjat minn talbiet li jgħinuna nifhmu aħjar l-elementi ndividwali tal-ministeru saċerdotali. Nibdew bl-amittu. Fl-imgħoddi – u fl-ordnijiet monastiċi wkoll illum – dan jiġi l-ewwel mqiegħed fuq ir-ras, bħal speċi ta’ barnuż, waqt li hekk isir simbolu tad-dixxiplina tas-sensi u tal-ħsieb meħtieġ għal ċelebrazzjoni ġusta tal-Quddiesa. Il-ħsibijiet m’għandhomx jixterdu ‘l hawn u ‘l hemm wara l-inkwiet u l-istennijiet tal-jum tiegħi: is-sensi m’għandhomx ikunu miġbuda minn dak li hemm, fil-Knisja, każwalment irid jisirqilhom għajnejhom u widnejhom. Qalbi għandha bi ħlewwa tinfetaħ għall-kelma ta’ Alla u tkun miġbura fit-talb tal-Knisja, sabiex ħsiebi jirċievi l-orjentament tiegħu mill-kliem tat-tħabbira u tat-talb. U l-ħarsa ta’ qalbi għandha tkun imdawra lejn il-Mulej li jinsab f’nofsna: dak huwa li tfisser ars celebrandi – il-mod ġust taċ-ċelebrazzjoni. Jekk jien mal-Mulej, allura bis-smigħ, bil-kliem u bl-aġir tiegħi niġbed ukoll lin-nies fil-komunjoni miegħu.

It-testi tat-talb li jinterpretaw l-alba u l-istola jmorru t-tnejn fl-istess direzzjoni.  Dawn iqanqlu l-ilbies festiv li l-missier ta lill-iben il-ħali li reġà lura f’daru imċerċer u maħmuġ. Meta nersqu lejn il-liturġija biex naġixxu fil-persuna ta’ Kristu nintebħu ilkoll kemm aħna ‘l bogħod minnu; kemm ħmieġ jeżisti f’ħajjitna. Huwa biss jistà jagħtina l-ilbies festiv, jirrendina denji li nippresiedu l-mejda tiegħu, li nkunu għas-servizz tiegħu. Hekk it-talbiet ifakkru wkoll il-kliem tal-Apokalissi li skonthom l-ilbies tal-144.000 magħżula mhux mertu tagħhom kienu denji ta’ Alla. L-Apokalissi jikkummenta li huma kienu ħaslu ħwejjiġhom fid-demm tal-Ħaruf u li b’dan il-mod huma kienu saru bojod bħad-dawl (cfr Ap 7,14). Ġa ċkejken staqsejt lili nnifsi: Imma meta taħsel xi ħaġa fid-demm, ma ssirx bla dubju ħamra! It-tweġiba hija: id-"demm tal-Ħaruf" huwa l-imħabba tal-Kristu msallab. U hija din l-imħabba li tirrendi ħwejjiġna maħmuġin bojod, li tirrendi ġenwin u mdawwal l-ispirtu mċajpar tagħna, li, minkejja d-dlamijiet kollha tagħna, tibdel lilna stess f’"dawl il-Mulej". Waqt li nilbsu l-alba għandna niftakru: Huwa bata għalija wkoll. U biss għaliex imħabbtu hija ikbar minn dnubieti kollha, nistà nirrapreżentah u nkun xhud ta’ dawlu.

Imma mal-libsa tad-dawl li l-Mulej irregalalna fil-Magħmudija u, b’mod ġdid, fl-Ordinazzjoni saċerdotali, nistgħu naħsbu wkoll fil-libsa tat-tieġ, li dwarha Hu jitkellem fil-parabbola tal-festin ta’ Alla. Fl-omeliji ta’ San Girgor il-Kbir sibt dwar dan ir-rigward riflessjoni impressjonanti. Girgor jiddistingwi bejn il-verzjoni ta’ Luqa tal-parabbola u dik ta’ Mattew. Huwa hu konvint li l-parabbola luqana titkellem dwar festin tat-tieġ eskatoloġiku, waqt li – skont hu – il-verżjoni mgħoddija minn Mattew tittratta l-antiċipazzjoni ta’ dan il-festin tat-tieġ fil-liturġija u fil-ħajja tal-Knisja. F’Mattew – u f’Mattew biss – infatti s-sultan jiġi fis-sala ffullata biex jara l-mistiedna tiegħu. U hawn f’dik il-folla jsib ukoll mistieden mingħajr il-libsa tat-tieġ, li jiġi mitfugħ ‘il barra fid-dlamijiet. Allura Girgor jistaqsi lilu nnifsu: "Imma xi speċi ta’ lbies huwa dak li kien jonqsu? Dawk kollha li huma magħqudin fil-Knisja irċivew il-libsa l-ġdida tal-magħmudija u tal-fidi; inkella ma jistgħux ikunu fil-Knisja. Allura x’kien għad jonqos? Liema lbies tat-tieġ kien għad irid jiżdied??" Il- Papa jwieġeb: "Il-libsa tal-imħabba". U sfortunatament, fost il-mistednin li kien regalat lilhom l-ilbies il-ġdid, il-libsa bajda tat-twelid mill-ġdid, is-sultan isib xi wħud li ma jkunux lebsin il-libsa kulur aħmar skur tal-imħabba doppja lejn Alla u lejn il-proxxmu. "F’liema kondizzjoni rridu nersqu għall-festa tas-sema, jekk ma nilbsux il-libsa tat-tieġ – jiġifieri l-imħabba li hi biss tirrendina sbieħ?", jistaqsi l-Papa. Persuna mingħajr imħabba hija mudlama minn ġewwa. Id-dlamijiet esterni, li dwarhom jitkellem il-Vanġelu, huma biss rifless tal-għama ntern tal-qalb (cfr Hom. 38, 8-13).

Issa li qed inħejju għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, hemm bżonn nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex lebsin din il-libsa tal-imħabba. Nitolbu lill-Mulej biex ibiegħed kull ostilità mill-intimu tagħna, biex ineħħilna kull sens ta' awtosuffiċjenza u biex tassew ilibbisna bil-libsa tal-imħabba, sabiex inkunu persuni mdawlin u li ma nappartenux lid-dlamijiet.

Fl-aħħarnett kelma qasira rigward il-pjaneta li tirrapreżenta l-madmad tal-Mulej li għalina bħala saċerdoti ġie mpost fuqna. U tfakkar il-kliem ta’ Ġesù li jistedinna biex inġorru l-madmad tiegħu u nitgħallmu minnu, li huwa "manswet u umli tal-qalb" (Mt 11,29). Iġġorr il-madmad tal-Mulej ifisser qabel kollox: titgħallem minnu. Tkun dejjem lest li tmur l-iskola għandu. Minghandu jeħtieġ nitgħallmu l-manswetudni u l-umiltà – l-umiltà ta’ Alla li tidher fil-fatt li huwa sar bniedem. San Giegor Nażjanżenu darba staqsa lilu nnifsu għaliex Alla ried isir bniedem. Il-parti l-iktar importanti u għaliha l-iktar tokkanti hija "Alla ried jifhem xi tfisser għalina l-ubbidjenza u ried jiżen kollox permezz tat-tbatija tiegħu, din l-invenzjoni ta’ mħabbtu għalina. B’dan il-mod, huwa jistà jagħraf b’mod dirett dwaru dak li aħna nisperimentaw – kemm huwa mitlub minna, kemm ħniena ħaqqna – waqt li jikkalkula a bażi tat-tbatija tiegħu d-dgħufija tagħna " (Discorso 30; Disc. teol. IV,6). Kultant inkunu rridu ngħidu lil Ġesù: Mulej, il-madmad tiegħek mhu ħafif xejn, Anzi huwa tqil b’mod tremend f’din id-dinja. Imma mbagħad waqt li nħarsu lejh li ġarr kollox – li fuqu pprova l-ubbidjenza, id-dgħufija, in-niket, id-dlam kollu, allura dan it-tgergir tagħna jintefa. Il-madmad tiegħu huwa dak li tħobb miegħu.. U iktar ma nħobbu lilu, u miegħu insiru persuni li nħobbu, eħfef isir għalina l-madmad apparentement tqil tiegħu.

Ejjew nitolbuh jgħinna biex insiru flimkien miegħu persuni li nħobbu, biex hekk nisperimentaw dejjem iktar kemm hija ħaġa sabiħa li nġorru l-madmad tiegħu. Amen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

 

 

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta