Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja tal-qedem.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 30 ta’ Diċembru 2009

 

Pietru Lombardu

 

Għeżież ħuti,

 

F’din l-aħħar udjenza tas-sena nixtieq inkellimkom fuq Pietru Lombardu: teologu li għex fis-seklu 12, u li gawda minn popolarità kbira, għax opra tiegħu, intitolata Sentenzi, ġiet addottata bħala manwal ta’ teoloġija għal sekli sħaħ.

 

Allura min kien Pietru Lombardu? Imqar jekk it-tagħrif fuq ħajtu hu skars, xorta nistgħu nibnu l-linji essenzjali tal-bijografija tiegħu. Twieled bejn il-ħdax u t-tnax-il seklu, qrib Novara, fit-Tramuntana tal-Italja, f’territorju li darba kien tal-Longobardi: proprju għalhekk intuża għalih l-aġġettiv “Lombardu”. Kien ġej minn familja ta’ kundizzjonijiet modesti, kif nistgħu niddeduċu mill-ittra ta’ preżentazzjoni li Bernard ta’ Clairvaux kiteb lil Gildwinu, superjur tal-Abbazija ta’ San Vitor f’Pariġi, biex jitolbu jospita bla ħlas lil Pietru, li ried imur f’dik il-belt għal motivi ta’ studju. Fil-fatt, imqar fil-Medjuevu mhux biss in-nobbli jew l-għonja setgħu jistudjaw u jkollhom rwoli importanti fil-ħajja ekkleżjali u soċjali, imma anki persuni ta’ oriġni umli, bħal ngħidu aħna Girgor VII, il-Papa li waqaf lill-Imperatur Neriku IV, jew Mawrizju ta’ Sully, l-Arċisqof ta’ Pariġi li bena n-Notre-Dame u li kien iben bidwi fqajjar.

 

Pietru Lombardu beda l-istudji tiegħu f’Bologna, imbagħad mar Reims, u fl-aħħar Pariġi. Sa mill-1140 għallem fl-iskola prestiġjuża ta’ Notre-Dame. Stmat u apprezzat bħala teologu, tmien snin wara ġie mqabbad mill-Papa Ewġenju III jeżamina d-duttrini ta’ Gilbertu Porretano, li kienu qed iqajmu ħafna diskussjonijiet, għax kienu meqjusa mhux ortodossi għalkollox. Sar saċerdot, ġie maħtur Isqof ta’ Pariġi fl-1159, sena qabel mewtu, li seħħet fl-1160.

 

Bħall-imgħallmin kollha tat-teoloġija ta’ żmienu, anki Pietru kiteb diskorsi u testi ta’ kummentarju għall-Iskrittura Mqaddsa. Imma l-kapulavur tiegħu hu magħmul mill-erba’ kotba tas-Sentenzi. Huwa test li nibet bl-għan li jgħallem. Skont il-metodu teoloġiku użat f’dawk iż-żminijiet, qabelxejn wieħed kellu bżonn li jkun jaf, jistudja u jikkummenta l-ħsieb tal-Missirijiet tal-Knisja u ta’ kittieba oħra meqjusin awtorevoli. Pietru allura ġabar dokumentazzjoni wiesgħa ħafna, magħmula prinċipalment mit-tagħlim tal-Missirijiet kbar Latini, fuq kollox ta’ Santu Wistin, u miftuħa għall-kontribut ta’ teologi ta’ żmienu. Fost l-oħrajn, hu nqeda wkoll b’opra enċiklopedika ta’ teoloġija Griega, li ma kinitx ilha wisq magħrufa fil-Punent: Il-fidi Ortodossa, miktuba minn San Ġwann Damaxxenu. Il-mertu kbir ta’ Pietru Lombardu hu li poġġa f’ordni l-materjal kollu, li kien ġabar u għażel b’reqqa, f’qafas sistematiku u armonjuż. Fil-fatt, waħda mill-karatteristiċi tat-teoloġija hi li torganizza b’mod unitarju u ordnat il-wirt tal-fidi. Għalhekk hu qassam is-sentenzi, jiġifieri l-għejun Patristiċi fuq id-diversi argumenti, f’erba’ kotba. Fl-ewwel ktieb jittratta lil Alla u l-Misteru tat-Trinità; fit-tieni, l-opra tal-ħolqien, tad-dnub u tal-Grazzja; fit-tielet, il-Misteru tal-Inkarnazzjoni u l-opra tal-Fidwa, b’espożizzjoni wiesgħa fuq il-virtujiet. Ir-raba’ ktieb hu ddedikat lis-sagramenti u lir-realtajiet tal-aħħar, dawk tal-ħajja ta’ dejjem, jew Novissmi. Il-viżjoni ta’ ġabra flimkien li kiseb fihom tinkludi kważi l-veritajiet kollha tal-fidi Kattolika. Din il-ħarsa sintetika u l-preżentazzjoni ċara, ordnata, skematika u dejjem koerenti, jispjegaw is-suċċess straordinarju tas-Sentenzi ta’ Pietru Lombardu. Huma kienu jgħinu lill-istudenti biex jifhmu aħjar, u lill-għalliema li kienu jinqdew bihom kienu joffrulhom spazju wiesa’ ta’ approfondiment. Teologu Franġiskan, Alessandru ta’ Hales, li għex ġenerazzjoni wara dik ta’ Pietru, daħħal f’dawn is-Sentenzi taqsim ieħor, li għamilha iktar faċli li wieħed jikkonsultahom u jistudjahom. Anki l-ikbar teologi tas-seklu 13, Albertu l-Kbir, Bonaventura ta’ Bagnoregio u Tumas ta’ Aquino, bdew il-ħidma akkademika tagħhom jikkummentaw l-erba’ kotba tas-Sentenzi ta’ Pietru Lombardu, waqt li komplew jagħnuhom bir-riflessjonijiet tagħhom. It-test ta’ Lombardu kien il-ktieb li jintuża fl-iskejjel kollha tat-teoloġija, sas-seklu 16.

 

Nixtieq nisħaq kif il-preżentazzjoni organika tal-fidi hija esiġenza fundamentali. Fil-fatt, il-veritajiet singoli tal-fidi jiddawlu minn xulxin u, f’viżjoni totali u unitarja tagħhom, tidher l-armonija tal-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla u ċ-ċentralità tal-Misteru ta’ Kristu. Fuq l-eżempju ta’ Pietru Lombardu, nistieden lit-teologi u s-saċerdoti kollha jżommu dejjem quddiem għajnejhom il-viżjoni sħiħa tat-tagħlim Nisrani kontra r-riskji ta’ frammentazzjoni u ta’ żvalutazzjoni ta’ ċerti veritajiet fi żmienna. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, kif ukoll il-Kompendju tal-istess Katekiżmu, joffrulna proprju dan il-qafas sħiħ tar-Rivelazzjoni Nisranija, li għandna nilqgħuh b’fidi u bi gratitudni. Nixtieq għalhekk nagħmel il-qalb lil kull fidil u lill-komunitajiet Insara biex japprofittaw minn dawn l-għodod biex isiru jafu u jinżlu iktar fil-fond tal-kontenut tal-fidi tagħna. Hekk din tidher quddiemna bħala sinfonija mill-isbaħ, li tkellimna dwar Alla u dwar imħabbtu u tħeġġiġna biex b’rieda soda nesprimu l-fidi u t-tweġiba ħabrieka tagħna.

 

Biex kollna idea tal-interess li sal-lum għadu kapaċi jqanqal il-qari tas-Sentenzi ta’ Pietru Lombardu, nipproponi żewġ eżempji. Imnebbaħ mill-kummentarju ta’ Santu Wistin għall-ktieb tal-Ġenesi, Pietru jistaqsi r-raġuni għaliex il-ħolqien tal-mara sar mill-kustilja ta’ Adam u mhux minn rasha jew minn riġlejha. U jfisser: “Ġiet imsawra mhux ħakkiema u lanqas ilsira tar-raġel, imma sieħba tiegħu” (Sentenzi 3, 18, 3). Imbagħad, dejjem jibni fuq it-tagħlim Patristiku, iżid: “F’dan l-għemil naraw il-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja. Kif fil-fatt il-mara ġiet imsawra mill-kustilja ta’ Adam waqt li dan kien rieqed, hekk il-Knisja twieldet mis-sagramenti li bdew inixxu mill-kustat ta’ Kristu rieqed fuq is-Salib, jiġifieri mid-demm u mill-ilma, li bihom ġejna mifdija mill-kastig u mnaddfa mill-ħtija” (Sentenzi 3, 18, 4). Huma riflessjonijiet profondi u validi sal-lum meta t-teoloġija u l-ispiritwalità taż-żwieġ Nisrani niżlu sew fil-fond tal-analoġija mar-relazzjoni ta’ għerusija bejn Kristu u l-Knisja tiegħu.

 

F’silta oħra tal-opra ewlenija tiegħu, Pietru Lombardu, xħin jittratta l-merti ta’ Kristu, jistaqsi: “Għal liema raġuni, mela, [Kristu] ried ibati u jmut, jekk il-virtujiet tiegħu kienu diġà biżżejjed biex jiksbulu l-merti kollha?”. It-tweġiba tiegħu hi inċiżiva u effikaċi: “Għalik, u mhux għalih innifsu!”. Imbagħad ikompli b’mistoqsija oħra u tweġiba oħra, li jidhru bħal riproduzzjoni tad-diskussjonijiet li kienu jinżammu tul il-lezzjonijiet tal-imgħallmin tat-teoloġija tal-Medjuevu: “U f’liema sens hu bata u miet għalija? Biex il-passjoni tiegħu u l-mewt tiegħu jkunu għalik eżempju u kawża. Eżempju ta’ virtù u ta’ umiltà, kawża ta’ glorja u ta’ libertà; eżempju mogħti minn Alla ubbidjenti sal-mewt; kawża tal-ħelsien tiegħek u tal-hena tiegħek” (Sentenzi 3, 18, 5).

 

Fost il-kontributi l-iżjed importanti offruti minn Pietru Lombardu lill-istorja tat-teoloġija, nixtieq infakkar it-trattati tiegħu fuq is-sagramenti, fejn ta definizzjoni kważi defenittiva tagħhom: “Jissejjaħ sagrament f’sens proprju dak li hu sinjal tal-grazzja ta’ Alla u forma viżibbli tal-grazzja inviżibbli, b’mod li jġorr ix-xbieha tagħha u hu kawża tagħha” (4, 1, 4). B’din id-defenizzjoni, Pietru Lombardu jiġbor l-essenza tas-sagramenti: huma kawża tal-grazzja, għandhom il-ħila li jikkomunikaw tabilħaqq il-ħajja divina. It-teologi ta’ wara ma telqux minn idejhom iżjed din il-viżjoni u użaw ukoll id-distinzjoni bejn element materjali u element formali, introdotta mill-“Imgħallem tas-Sentenzi”, kif ġie msejjaħ Pietru Lombardu. L-element materjali hu r-realtà sensibbli u viżibbli, dak formali hu l-kliem imlissen mill-ministru. It-tnejn huma essenzjali għal ċelebrazzjoni sħiħa u valida tas-sagramenti: il-materja, ir-realtà li biha l-Mulej imissna b’mod li jidher, u l-kelma li tagħti t-tifsira spiritwali. Fil-Magħmudija, ngħidu aħna, l-element materjali hu l-ilma li jissawwab fuq ir-ras tat-tarbija u l-element formali huma l-kelmiet “Jiena ngħammdek fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”. Barra minn hekk, Lombardu għamilha ċara li s-sagramenti biss jgħaddu b’mod oġġettiv il-grazzja divina u li huma sebgħa: il-Magħmudija, il-Konfirmazzjoni, l-Ewkaristija, il-Penitenza, id-Dilka tal-Morda, l-Ordni u ż-Żwieġ” (ara Sentenzi 4, 2, 1).

 

Għeżież ħuti, importanti nagħrfu kemm hi prezzjuża u indispensabbli għal kull Nisrani l-ħajja sagramentali, li fiha l-Mulej permezz ta’ din il-materja, fil-komunità tal-Knisja, imissina u jibdilna. Kif jgħid il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, is-sagramenti huma “qawwiet li joħorġu mill-Ġisem ta’ Kristu, dejjem ħaj u jagħti l-ħajja, għemejjel tal-Ispirtu s-Santu” (n. 1116). F’din is-Sena Saċerdotali, li qed niċċelebraw, nistieden lis-saċerdoti kollha, fuq kollox il-ministri li għandhom f’idejhom il-kura tal-erwieħ, biex ikollhom huma stess, l-ewwel, ħajja sagramentali intensa biex ikunu ta’ għajnuna għall-fidili. Ħa tkun iċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti mmarkata minn dinjità u dekor, biex tiffavorixxi l-ġabra personali u l-parteċipazzjoni komunitarja, is-sens tal-preżenza ta’ Alla u l-ħeġġa missjunarja. Is-sagramenti huma t-teżor kbir tal-Knisja u minna lkoll hu mistenni li niċċelebrawhom bi frott spiritwali. Fihom, hemm ġrajja dejjem sorprendenti li tmiss lil ħajjitna: Kristu, permezz tas-sinjali li jidhru, jiġi jiltaqa’ magħna, isaffina, jibdilna u jagħtina sehem fil-ħbiberija divina tiegħu.

 

Għeżież ħbieb, wasalna fi tmien din is-sena u ninsabu fuq l-għatba tas-sena l-ġdida. Nawguralkom li l-ħbiberija ma’ Sidna Ġesù Kristu sseħibkom kull ġurnata ta’ din is-sena li se tibda. Jalla din il-ħbiberija ta’ Kristu tkun dawl u gwida tagħna, u tgħinna nkunu bnedmin ta’ paċi, tal-paċi tiegħu. Is-Sena t-tajba lilkom ilkoll!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard