Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 30 ta’ Ġunju 2010

 

San Ġużepp Cafasso

 

Għeżież ħuti,

 

M’ilniex li għalaqna s-Sena Saċerdotali: żmien ta’ grazzja, li wassal u għad iwassal frott prezzjuż lill-Knisja; opportunità biex fit-talb tagħna niftakru f’dawk kollha li wieġbu għal din il-vokazzjoni partikulari. Imxew magħna f’din it-triq, bħala mudelli u interċessuri, il-Qaddis Kurat ta’ Ars u figuri oħra ta’ saċerdoti qaddisa, dwal veri fl-istorja tal-Knisja. Illum, kif ħabbart l-Erbgħa li għadda, nixtieq infakkar oħra, li tispikka fil-grupp ta’ “qaddisin soċjali” f’Turin tas-seklu 19: San Ġużepp Cafasso.

 

It-tifkira tiegħu hi doveruża għax proprju ġimgħa ilu ħabat il-150 anniversarju minn mewtu, li seħħet fil-belt ewlenija tal-Piemonte fit-23 ta’ Ġunju 1860, fl-età ta’ 49 sena. Barra minn hekk, bi pjaċir infakkar li l-Papa Piju XI, fl-1 ta’ Novembru 1924, waqt li approva l-mirakli għall-kanonizzazzjoni ta’ San Ġwann Marija Vianney u ppubblika d-digriet ta’ awtorizzazzjoni għall-beatifikazzjoni ta’ Cafasso, qabbel ma’ xulxin dawn iż-żewġ figuri saċerdotali b’dawn il-kelmiet: “Mhux mingħajr dispożizzjoni speċjali u ta’ ġid min-naħa tat-Tjieba Divina assistejna għal dan il-qawmien ta’ żewġ kwiekeb fuq ix-xefaq tal-Knisja Kattolika, il-kappillan ta’ Ars, u l-Venerabbli Qaddej ta’ Alla, Ġużeppi Cafasso. Proprju lil dawn iż-żewġ figuri sbieħ, għeżież, providenzjalment opportuni, irridu llum nippreżentaw; ċkejkna u umli, fqajra u sempliċi, imma daqstant ieħor glorjuża l-figura tal-kappillan ta’ Ars, u l-figura l-oħra sabiħa, kbira, kumplessa, għanja ta’ saċerdot, mgħallem u formatur ta’ saċerdoti, il-Venerabbli Ġużeppi Cafasso”. Huma ċirkustanzi li joffrulna l-okkażjoni biex insiru nafu l-messaġġ, ħaj u attwali, li joħroġ mill-ħajja ta’ dan il-qaddis. Hu ma kienx kappillan bħall-kurat ta’ Ars, imma kien fuq kollox formatur ta’ kappillani u qassisin djoċesani, anzi ta’ qassisin qaddisin, fosthom San Ġwann Bosco. Ma waqqafx, kif għamlu saċerdoti qaddisin oħra tas-seklu 19 fil-Piemonte, istituti reliġjużi, għax il-“fondazzjoni” tiegħu kienet l-“iskola ta’ ħajja u ta’ qdusija saċerdotali” li wettaq, bl-eżempju u t-tagħlim, fil-“Konvitt Ekkleżjastiku ta’ San Franġisk ta’ Assisi” f’Turin.

 

Ġużeppi Cafasso twieled Castelnuovo d’Asti, l-istess raħal ta’ San Ġwann Bosco, fil-15 ta’ Jannar 1811. Kien it-tielet fost erba’ wlied. L-aħħar waħda, oħtu Marjanna, kienet omm il-Beatu Ġużeppi Allamano, fundatur tal-Missjunarji tal-Konsolata. Twieled fil-Piemonte tas-seklu 19, ikkaratterizzata minn problemi soċjali kbar, imma anki minn ħafna qaddisin li ħabirku biex isibu rimedju għalihom. Huma kienu marbutin bejniethom bi mħabba sħiħa lejn Kristu u minn karità qawwija ma’ dawk l-iżjed foqra: il-grazzja tal-Mulej taf ixxerred u tkattar iż-żerriegħa tal-qdusija! Cafasso segwa l-istudji sekondarji u s-sentejn tal-filosofija fil-Kulleġġ ta’ Chieri u, fl-1830, għadda għas-Seminarju teoloġiku, fejn, fl-1833, ġie ordnat saċerdot. Erba’ xhur wara għamel l-ingress tiegħu fil-post li għalih kellu jibqa’ t-“tappa” fundamentali u waħdanija tal-ħajja saċerdotali tiegħu: il-“Konvitt Ekkleżjastiku ta’ San Franġisk ta’ Assisi” f’Turin. Daħal biex jipperfezzjona ruħu fil-pastorali, u hawn sarraf fi frott il-ħiliet tiegħu ta’ direttur spiritwali u mill-ispirtu kbir tiegħu ta’ karità. Fil-fatt, il-Konvitt ma kienx biss skola ta’ teoloġija morali, fejn il-qassisin żgħażagħ, ġejjin fuq kollox mill-kampanja, kienu jitgħallmu jqarru u jipprietkaw, imma kien ukoll skola vera u proprja ta’ ħajja saċerdotali, fejn il-presbiteri kienu jiffurmaw ruħhom fl-ispiritwalità ta’ Sant’Injazju ta’ Loyola u fit-teoloġija morali u pastorali tal-Isqof kbir Sant’Alfons Marija de’ Liguori. L-għamla ta’ qassis li Cafasso ltaqa’ magħha fil-Konvitt u li hu stess ikkontribwixxa biex isaħħaħ – fuq kollox bħala Rettur – kienet dik tal-veru ragħaj b’ħajja interjuri għanja u żelu profond fil-kura pastorali: fidil lejn it-talb, ħabrieki fil-predikazzjoni, fil-katekeżi, mogħti għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija u għall-ministeru tal-Qrar, skont il-mudell imlaħħam minn San Karlu Borromeo, minn San Franġisk de Sales u promoss mill-Konċilju ta’ Trento. Espressjoni sabiħa ta’ San Ġwann Bosco tiġbor fil-qosor it-tifsira tax-xogħol edukattiv f’dik il-Komunità: “Fil-Konvitt konna nitgħallmu nkunu qassisin”.

 

San Ġużepp Cafasso fittex li jwettaq dan il-mudell fil-formazzjoni tas-saċerdoti żgħażagħ, biex, min-naħa tagħhom, huma mbagħad isiru formaturi ta’ saċerdoti, reliġjużi u lajċi oħra, f’katina speċjali u effikaċi. Mill-katedra tiegħu ta’ teoloġija morali kien jedukahom biex ikunu konfessuri u diretturi spiritwali tajbin, ħsiebhom fil-veru ġid spiritwali tal-persuna, animati minn bilanċ kbir fix-xandir tal-ħniena ta’ Alla u, fl-istess waqt, minn sens qawwi u ħaj ta’ x’inhu d-dnub. Tlieta kienu l-virtujiet ewlenin ta’ Cafasso bħal għalliema, kif ifakkar San Ġwann Bosco: kalma, għerf u prudenza. Għalih il-verifika tat-tagħlim li jkun għadda kien isibha fil-ministeru tal-qrar, li għalih hu stess kien jiddedika ħafna sigħat kuljum; għandu kienu jmorru jiġru isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi, lajċi eminenti u nies sempliċi: lil kulħadd kien jaf joffri l-ħin meħtieġ. Imbagħad, għal ħafna, li saru qaddisin u fundaturi ta’ istituti reliġjużi, huwa kien kunsillier spiritwali għaref. It-tagħlim tiegħu qatt ma kien astratt, imsejjes mhux biss fuq il-kotba li kienu jintużaw f’dak iż-żmien, imma mwieled mill-esperjenza ħajja tal-ħniena ta’ Alla u mill-għarfien profond tar-ruħ tal-bniedem li hu kiseb fiż-żmien twil li qatta’ fil-konfessjonarju u fid-direzzjoni spiritwali: tiegħu kienet tassew skola ta’ ħajja saċerdotali.

 

Is-sigriet tiegħu kien sempliċi: kien bniedem ta’ Alla; fl-għemejjel żgħar ta’ kuljum jagħmel “dak li jista’ jkun tal-ikbar glorja għal Alla u ta’ ġid għall-erwieħ”. Kien iħobb b’mod sħiħ lill-Mulej, kien immexxi minn fidi b’għeruq sodi, imwieżen minn talb profond u fit-tul, kien jgħix karità sinċiera ma’ kulħadd. Kien jaf it-teoloġija morali, imma daqstant ieħor kien jaf is-sitwazzjonijiet u l-qalb tan-nies, li kien jistinka għall-ġid tagħhom, bħar-ragħaj it-tajjeb. Dawk kollha li kellhom ix-xorti li jkunu qrib tiegħu ħallewh jibdilhom f’ragħajja tajba bħalu u f’konfessuri validi. Kien juri b’mod ċar lis-saċerdoti kollha l-qdusija li kellhom jilħqu proprju fil-ministeru pastorali. Il-Beatu Dun Klement Marchisio, fundatur tal-Ulied ta’ San Ġużepp, stqarr: “Kont tidħol fil-Konvitt brikkun kbir u b’ras sħuna, mingħajr ma tkun taf xi jfisser tkun qassis, u kont toħroġ differenti għall-aħħar, tifhem għalkollox x’inhi d-dinjità tas-saċerdot”. Kemm saċerdoti ġew mibdulin minnu fil-Konvitt u mbagħad baqa’ jsegwihom spiritwalment! Fost dawn – kif diġà għidt – jispikka San Ġwann Bosco, li kellu lilu bħala direttur spiritwali tiegħu għal 25 sena sħaħ, mill-1835 sal-1860: l-ewwel bħala kjeriku, imbagħad bħala qassis u fl-aħħar bħala fundatur. L-għażliet fundamentali kollha tal-ħajja ta’ San Ġwann Bosco kellhom bħala kunsillier u gwida lil San Ġużepp Cafasso, imma b’mod preċiż ħafna: Cafasso qatt ma pprova jagħġen lil Don Bosco f’dixxiplu “fuq ix-xbieha u s-sura tiegħu” u Don Bosco ma kkupjax lil Cafasso; bla dubju imitah fil-virtujiet umani u saċerdotali – iddefinieh “mudell ta’ ħajja saċerdotali” –, imma skont l-attitudnijiet personali u l-vokazzjoni partikulari tiegħu; sinjal tal-għerf tal-imgħallem spiritwali u tal-intelliġenza tad-dixxiplu: tal-ewwel ma imponiex ruħu fuq tat-tieni, imma rrispettah fil-personalità tiegħu u għenu jaqra liema kienet ir-rieda ta’ Alla għalih. Għeżież ħbieb, dan hu t-tagħlim prezzjuż għal dawk kollha li huma impenjati fil-formazzjoni u l-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar u anki sejħa qawwija dwar kemm hu importanti li jkollna gwida spiritwali fil-ħajja tagħna, li jgħinna nifhmu dak li Alla jrid minna. B’sempliċità u profondità, il-Qaddis tagħna kien jistqarr: “Il-qdusija kollha, il-perfezzjoni u l-ġid kollu ta’ persuna qegħdin f’li jagħmel perfettament ir-rieda ta’ Alla (…). Hienja aħna jekk naslu biex insawbu hekk il-qalb tagħna f’dik ta’ Alla, ngħaqqdu tant ix-xewqat tagħna, ir-rieda tagħna ma’ tiegħu, li minnhom insawru qalb u rieda waħda: irridu dak li jrid Alla, nixtequh b’dak il-mod, f’dak iż-żmien, f’dawk iċ-ċirkustanzi li jrid hu, u rridu dan kollu għal xejn iżjed għajr għax dan iridu Alla”.

 

Imma hemm element ieħor li jikkaratterizza l-Qaddis tagħna: l-attenzjoni għal dawk tal-aħħar post, b’mod partikulari l-ħabsin, li f’Turin tas-seklu 19 kienu jgħixu f’postijiet diżumani u diżumanizzanti. Anki f’dan is-servizz delikat, li hu wettaq għal iżjed minn għoxrin sena, kien dejjem ir-ragħaj it-tajjeb, jifhem u jagħder: kwalità li l-ħabsin ħassewha, tant li spiċċaw intrebħu minn dik l-imħabba sinċiera, li l-bidu tagħha kien Alla nnifsu. Il-preżenza sempliċi ta’ Cafasso kienet tagħmlilhom il-ġid: tikkalma, tmiss il-qlub imwebbsa mill-ġrajjiet tal-ħajja u fuq kollox iddawwal u triegħed il-kuxjenzi indifferenti. Fl-ewwel żminijiet tal-ministeru tiegħu qalb il-ħabsin, hu ta’ spiss kien jirrikorri għall-predikazzjonijiet kbar li kienu jaslu biex jinvolvu kważi l-popolazzjoni kollha tal-ħabs. Maż-żmien, ipprivileġġja l-katekeżi żgħira, imwassla fil-kollokji u fil-laqgħat personali: rispettuż għall-ġrajjiet ta’ kull persuna, kien jaffronta t-temi l-kbar tal-ħajja Nisranija, jitkellem fuq il-fiduċja f’Alla, fuq it-twaħħid mar-rieda tiegħu, fuq is-siwi tat-talb u tas-sagramenti, li finalment iwasslu għall-Qrar, il-laqgħa ma’ Alla li għalina jsir ħniena infinita. L-ikkundannati għall-mewt kienu oġġett ta’ għożża mill-aktar speċjali umana u spiritwali. Hu akkumpanja lejn il-forka, wara li qararhom u qarbinhom, 57 ikkundannat għall-mewt. Akkumpanjahom bi mħabba profonda sal-aħħar nifs tal-ħajja tagħhom fuq din l-art.

 

Miet fit-23 ta’ Ġunju 1860, wara ħajja offruta kollha kemm hi lill-Mulej u mogħtija għall-ġid tal-proxxmu. Il-Predeċessur tiegħi, il-Venerabbli Qaddej ta’ Alla Papa Piju XII, fid-9 ta’ April 1948, ipproklamah Patrun tal-ħabsijiet Taljani u, bl-Eżortazzjoni appostolika Menti nostræ, fit-23 ta’ Settembru 1950, ipproponieh bħala mudell għas-saċerdoti impenjati fil-Qrar u fid-direzzjoni spiritwali.

 

Għeżież ħuti, ħa jkun San Ġużepp Cafasso sejħa għal kulħadd biex ninżlu iktar fil-fond tal-mixja tagħna lejn il-perfezzjoni tal-ħajja Nisranija, il-qdusija; b’mod partikulari, ifakkar lis-saċerdoti fl-importanza li jiddedikaw ħin għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u għad-direzzjoni spiritwali, u lil kulħadd l-attenzjoni li għandu jkollna lejn dawk l-iktar fil-bżonn. Ħa tgħinna l-interċessjoni tal-Imqaddsa Verġni Marija, li San Ġużepp Cafasso kien devotissmu tagħha u kien iħobb isejħilha “l-Omm għażiża tagħna, il-faraġ tagħna, it-tama tagħna”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard