Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 29 ta’ Settembru 2010

 

Santa Matilde ta’ Hackeborn

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq inkellimkom fuq Santa Matilde ta’ Hackeborn, waħda mill-akbar figuri tal-Monasteru ta’ Helfta, li għexet fis-seklu 13. Is-soru oħtha Santa Ġertrude l-Kbira, fir-VI ktieb tal-opra Liber specialis gratiæ (Il-ktieb tal-grazzja speċjali), li fih insibu rakkont tal-grazzji speċjali li Alla ta lil Santa Matilde, hekk tistqarr: “Dak li ktibna hu ftit wisq ħdejn dak li ħallejna barra. Għall-glorja ta’ Alla waħdu u għall-ġid tal-proxxmu qed inxandru dawn il-ħwejjeġ, għax ma jidhrilniex li jkun sew li nżommu s-skiet, dwar tant grazzji li Matilde rċiviet mingħand Alla mhux tant għaliha nfisha, imma fil-fehma tagħna, għalina u għal dawk li għad jiġu warajna” (Mechthild von Hackeborn, Liber specialis gratiæ, VI, 1).

 

Din l-opra nġabret minn Santa Ġertrude u minn soru oħra ta’ Helfta u għandha storja unika. Matilde, fl-età ta’ 50 sena, kienet għaddejja minn kriżi spiritwali kbira, magħquda ma’ tbatijiet fiżiċi. Kif kienet f’din il-qagħda fetħet qalbha ma’ żewġ sorijiet ħbieb tagħha dwar il-grazzji uniċi li bihom Alla kien mexxieha sa minn ċkunitha, imma hi ma kinitx taf li dawn kienu qed jieħdu nota ta’ kollox. Meta saret taf b’dan, iddejqet ħafna u tħawdet. Imma l-Mulej kompla jiżguraha, u wrieha li dak li kien qed jinkiteb kien għall-glorja ta’ Alla u l-ġid tal-proxxmu (ara ibid., II, 25; V, 20). U hekk, din l-opra hija l-għajn ewlenija li minnha nistgħu niksbu t-tagħrif dwar il-ħajja u l-ispiritwalità tal-Qaddisa tagħna.

 

Magħha nidħlu fil-familja tal-Baruni ta’ Hackeborn, waħda mill-aktar familji nobbli, għonja u setgħana tat-Turinġja, imħallta mal-Imperatur Federiku II, u nirfsu fil-Monasteru ta’ Helfta fiż-żmien l-aktar glorjuż tal-istorja tiegħu. Il-Baruni kien diġà ta lill-monasteru waħda minn uliedu, Ġertrude ta’ Hackeborn (1231/1232 – 1291/1292), mogħnija b’personalità li tispikka, Badessa għal erbgħin sena, li kellha l-ħila tagħti impronta partikulari lill-ispiritwalità tal-monasteru, għax wasslitu biex iwarrad b’mod tal-għaġeb bħala ċentru ta’ mistika u ta’ kultura, skola ta’ formazzjoni xjentifika u teoloġika. Ġertrude offriet lill-monaċi istruzzjoni intellettwali għolja, li biha setgħu jrawmu fosthom spiritwalità mibnija fuq l-Iskrittura Mqaddsa, fuq il-Liturġija, fuq it-tradizzjoni Patristika, fuq ir-Regola u l-ispiritwalità Ċisterċensi, bi preferenza partikulari għal San Bernard ta’ Clairvaux u Guliermu ta’ St-Thierry. Kienet tassew mgħallma, eżemplari f’kollox, fir-radikalità evanġelika u fiż-żelu appostoliku. Matilde, sa minn tfulitha, laqgħet u ggustat il-klima spiritwali u kulturali li ħolqot oħtha, u mbagħad kompliet toffri l-impronta personali tagħha.

 

Matilde twieldet fl-1241 jew l-1242 fil-Kastell ta’ Helfta; kienet it-tielet bint tal-Baruni. Ta’ seba’ snin ma’ ommha marret tagħmel żjara lil oħtha Ġertrude fil-Monasteru ta’ Rodersdorf. Tant issaħħret minn dak l-ambjent li xtaqet bil-ħerqa kollha tagħmel parti minnu. Daħlet bħala edukanda u fl-1258 saret monaka fil-kunvent wara li sadanittant kienet ittrasferiet ruħha għal Helfta, fl-artijiet tal-Hackeborn. Spikkat għall-umiltà, il-ħeġġa, l-imħabba, l-onestà u l-innoċenza tal-ħajja tagħha, il-familjarità u l-intensità li bihom kienet tgħix ir-relazzjoni tagħha ma’ Alla, mal-Verġni Mbierka, mal-qaddisin. Kienet imżejna bi kwalitajiet naturali u spiritwali l-aktar għolja, bħalma huma “x-xejnza, l-intelliġenza, l-għarfien tal-istudji umanistiċi, il-leħen ta’ ħlewwa tal-għaġeb: kollox kien jagħmilha adatta biex tkun għall-monasteru teżor ta’ veru f’kull aspett” (Ibid.Prœmio). Hekk, “ir-rużinjol ta’ Alla” – kif isejħulha – meta kienet għadha żagħżugħa ħafna, saret direttriċi tal-iskola tal-monasteru, direttriċi tal-kor, mgħallma tan-novizzi, servizzi li hi qdiet b’talent u żelu bla heda, mhux biss għall-ġid tas-sorijiet, imma ta’ kull min xtaq jixrob mill-għerf u t-tjieba tagħha.

 

Imdawla mid-don divin tal-kontemplazzjoni mistika, Matilde nisġet għadd ta’ talbiet. Hija mgħallma ta’ duttrina fidila u ta’ umiltà kbira, kunsilliera, konsolatriċi, gwida fid-dixxerniment: “Hi”, naqraw, “kienet ixxerred it-tagħlim b’mod hekk kotran li qatt ma konna għadna rajna bħalu fil-monasteru, u għandna biża’ kbir li qatt mhu ħa jidher xejn simili. Is-sorijiet kienu jinġabru madwarha biex jisimgħu l-kelma ta’ Alla, qishom qed jisimgħu predikatur. Kienet il-kenn u l-faraġ ta’ kulħadd, u kellha, b’don singulari ta’ Alla, il-grazzja li tirrivela bil-libertà kollha s-sigrieti tal-qalb ta’ kull persuna. Ħafna persuni, u mhux biss fil-Monasteru, imma anki minn barra, reliġjużi u sekulari, li kienu jiġu mill-bogħod, ħassew li din il-verġni qaddisa kienet ħelsithom mit-tbatijiet tagħhom u għallmithom tant talbiet li jekk jinġabru flimkien, kienu jgħaddu l-volum ta’ salterju” (ibid., VI, 1).

 

Fl-1261 waslet fil-kunvent tifla ta’ ħames snin jisimha Ġertrude: ġiet fdata lil Matilde biex tieħu ħsiebha, li dak iż-żmien kienet għadha kemm għalqet 20 sena, li edukatha u mexxietha fil-ħajja spiritwali sa ma għamlitha mhux biss id-dixxiplu eċċellenti, imma l-kunfidenta tagħha. Fl-1271 jew l-1272 daħlet fil-monasteru anki Matilde ta’ Magdeburg. U hekk il-post laqa’ erba’ nisa kbar – żewġ Ġertrude u żewġ Matilde –, glorja tal-monakiżmu Ġermaniku. Fil-ħajja twila li qattgħet fil-monasteru, Matilde kienet imġarrba minn tbatijiet kontinwi u intensi li magħhom żiedet il-penitenzi ibsin li għażlet li tagħmel għall-konverżjoni tal-midinbin. B’dan il-mod ħadet sehem fil-passjoni tal-Mulej sal-aħħar ta’ ħajjitha (ara ibid., VI, 2). It-talb u l-kontemplazzjoni kienu l-humus vitali tal-ħajja tagħha: ir-rivelazzjonijiet, it-tagħlim tagħha, is-servizz tagħha lill-proxxmu, il-mixja tagħha fil-fidi u fl-imħabba hawn isibu l-għeruq u l-kuntest tagħhom. Fl-ewwel ktieb tal-opra Liber specialis gratiæ, dawk li ġabruh jiġbru dak li qasmet magħhom Matilde fil-festi tal-Mulej, tal-qaddisin u, b’mod speċjali, tal-Verġni Mbierka. Impressjonanti l-ħila li kellha din il-qaddisa li tgħix il-Liturġija fit-tqassim kollu tagħha, anki dak l-iżjed sempliċi, u hekk wasslitha fil-ħajja monastika ta’ kuljum. Xi xbihat, espressjonijiet, applikazzjonijiet kultant jidhru mbiegħda mis-sensibbiltà tagħna, imma, jekk tqis il-ħajja monastika u l-uffiċċju tagħha ta’ mgħallma u direttriċi tal-kor, tifhem il-ħila unika tagħha ta’ edukatriċi u formatriċi, li tgħin lil ħutha s-sorijiet jgħixu b’mod intens, ibda mil-Liturġija, kull mument tal-ħajja monastika.

 

Fit-talb liturġiku Matilde tagħti importanza partikulari lis-sigħat kononiċi, liċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, fuq kollox lit-Tqarbin imqaddes. Hawn spiss kienet tiġi maħtufa f’estasi f’intimità profonda mal-Mulej fil-Qalb imkebbsa u ħelwa tiegħu, fi djalogu tal-għaġeb, li fih titolbu jdawwalha minn ġewwa, waqt li titerċedi b’mod speċjali għall-komunità tagħha u ħutha s-sorijiet. Fiċ-ċentru hemm il-misteri ta’ Kristu li fihom il-Verġni Marija tfakkarha l-ħin kollu biex timxi fuq it-triq tal-qdusija: “Jekk int tixtieq il-vera qdusija, kun qrib ta’ Ibni; huwa l-istess qdusija li tqaddes kollox” (Ibid., I, 40). F’din l-intimità tagħha ma’ Alla hemm preżenti d-dinja kollha, il-Knisja, il-benefatturi, il-midinbin. Għaliha s-Sema u l-art jingħaqdu.

 

Il-viżjonijiet tagħha, it-tagħlim tagħha, il-ġrajjiet ta’ ħajjitha huma mfissra b’espressjonijiet li jevokaw il-lingwaġġ liturġiku u bibliku. Hawn nifhmu l-għarfien profond tagħha tal-Iskrittura Mqaddsa, li kienet il-ħobż tagħha ta’ kuljum. Lejha tmur kontinwament, kemm biex tagħti valur lit-testi bibliċi moqrija fil-liturġija, kemm biex tfittex simboli, termini, pajsaġġi, xbihat, persunaġġi. Il-preferenza tagħha hi għall-Vanġelu: “Il-kelmiet tal-Vanġelu kienu għaliha ikel tal-għaġeb u kienu jqanqlu f’qalbha sentimenti ta’ ħlewwa hekk kbira li spiss bil-ħeġġa li kien ikollha ma kienx jirnexxilha ttemm il-qari… Il-mod li bih kienet taqra dawk il-kelmiet kien hekk ħerqan li f’kulħadd kienet tqanqal id-devozzjoni. Hekk ukoll, meta kienet tkanta fil-kor, kienet tkun kollha mitlufa f’Alla, imkaxkra minn ħerqa hekk kbira li xi drabi kienet turi s-sentimenti tagħha bil-ġesti… Drabi oħra, qisha maħtufa f’estasi, ma kinitx tismagħhom lil dawk li kienu jsejħulha jew iċaqilquha, u b’diffikultà kienet terġa’ tikseb is-sens tal-ħwejjeġ esterjuri” (Ibid., VI, 1). F’waħda mill-viżjonijiet, Ġesù nnifsu rrakkomandalha l-Vanġelu; fetħilha l-pjaga tal-Qalb l-aktar ħelwa tiegħu, u qalilha: “Ara ftit kemm hi bla tarf imħabbti: jekk trid tafha tajjeb, fl-ebda post m’int ħa ssibha espressa iżjed ċar milli fil-Vanġelu. Ħadd qatt ma sema’ jitlissnu sentimenti iżjed qawwija u iżjed ħelwa minn dawn: Kif ħabbni l-Missier, hekk ħabbejtkom jien (Joan. XV, 9)” (Ibid., I, 22).

 

Għeżież ħbieb, it-talb personali u liturġiku, speċjalment il-Liturġija tas-Sigħat u l-Quddiesa, huma fl-għeruq tal-esperjenza spiritwali ta’ Santa Matilde ta’ Hackeborn. Hi ħalliet tmexxiha l-Iskrittura Mqaddsa u jitmagħha l-Ħobż Ewkaristiku, u hekk imxiet fl-għaqda intima mal-Mulej, dejjem fil-fedeltà sħiħa lejn il-Knisja. Din hi għalina wkoll stedina qawwija biex insaħħu iktar il-ħbiberija tagħna mal-Mulej, fuq kollox permezz tat-talb ta’ kuljum u s-sehem attent, fidil u attiv fil-Quddiesa. Il-Liturġija hija skola kbira ta’ spiritwalità.

 

Id-dixxiplu Ġertrude tiddeskrivi b’espressjonijiet qawwija l-aħħar waqtiet fil-ħajja ta’ Santa Matilde ta’ Hackeborn, ibsin ħafna, imma mdawlin mill-preżenza tat-Trinità Qaddisa, tal-Mulej, tal-Verġni Marija, u tal-qaddisin kollha, anki ta’ oħtha mid-demm Ġertrude. Meta waslet is-siegħa li fiha l-Mulej ried jiġbidha lejh, hi talbitu li tibqa’ tgħix ftit ieħor fit-tbatija għas-salvazzjoni tal-erwieħ u lil Ġesù għoġbu wisq dan l-aħħar sinjal ta’ mħabbitha.

 

Matilde kellha 58 sena. Qattgħet l-aħħar biċċa tat-triq ikkaratterizzata minn tmien snin ta’ mard serju ħafna. L-opra tagħha u l-fama tal-qdusija xterdu ħafna. Meta waslet is-siegħa tagħha, “Alla tal-Maestà bla tarf… ħlewwa waħdanija tar-ruħ li tħobbu… għannielha: Venite vos, benedicti Patris mei… Ejjew, intom, imberkin minn Missieri, ejjew ħudu s-saltna… u xerikha fil-glorja tiegħu” (Ibid., VI, 8).

 

Santa Matilde ta’ Hackeborn tafdana lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u lill-Verġni Marija. Tistedinna nweġġħu lill-Iben bil-Qalb tal-Omm u nweġġħu lil Marija bil-Qalb tal-Iben: “Insellimlek, o Verġni l-aktar meqjuma, f’dik in-nida l-aktar ħelwa, li mill-Qalb tat-Trinità Qaddisa niżlet fik; insellimlek fil-glorja u fit-tgawdija li fihom issa int tithenna għal dejjem, int li fuq il-ħlejjaq kollha tal-art u tas-sema, ġejt magħżula sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja! Amen” (Ibid., I, 45).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard