Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 29 ta’ Awwissu 2007

 

San Girgor ta’ Nissa

I: Ħajtu u kitbietu

 

Għeżież ħuti,

 

Fl-aħħar katekeżijiet tkellimt fuq żewġ Dutturi kbar tal-Knisja tar-raba’ seklu, Bażilju u Girgor Nazjanzenu, Isqfijiet tal-Kappadoċja, fit-Turkija tal-lum. Illum se nżidu t-tielet wieħed, ħu Bażilju, San Girgor ta’ Nissa, li kien bniedem ta’ karattru meditattiv, b’ħiliet kbar ta’ riflessjoni, u ta’ intelliġenza qawwija, miftuħa għall-kultura ta’ żmienu. U hekk wera li kien ħassieb oriġinali u profond fl-istorja tal-Kristjaneżmu.

 

Twieled lejn it-335; il-formazzjoni Nisranija tiegħu ħa ħsiebha b’mod partikulari ħuh Bażilju – li hu sejjaħlu “missier u mgħallem” (Ep. 13,4) – u oħtu Makrina. Għamel l-istudji tiegħu, fejn apprezza b’mod partikulari l-filosofija u r-rettorika. Għall-ewwel iddedika ruħu għat-tagħlim u żżewweġ. Imbagħad hu wkoll, bħal ħuh u oħtu, ingħata kollu kemm hu għall-ħajja axxetika. Iżjed tard ġie maħtur Isqof ta’ Nissa, u wera ruħu bħala ragħaj żelanti, hekk li ġibed lejh l-istima tal-komunità. Mixli mill-avversarji eretiċi tiegħu b’użu ħażin tal-flus, għal ftit taż-żmien kellu jħalli s-sede episkopali tiegħu, imma mbagħad reġa’ daħal trijonfalment fiha (ara Ep. 6) u kompla jħabrek fit-taqbida biex jiddefendi l-fidi vera.

 

Fuq kollox wara l-mewt ta’ Bażilju, kważi ġabar il-wirt spiritwali tiegħu, u kkopera b’risq it-trijonf tal-ortodossija. Ħa sehem f’diversi sinodi; fittex li jsewwi t-tilwim bejn il-Knejjes; ħa sehem attiv fir-riorganizzazzjoni ekkleżjastika u, bħala “kolonna tal-ortodossija”, kien protagonista fil-Konċilju ta’ Kostantinopli tat-381, li ddefinixxa d-divinità tal-Ispirtu s-Santu. Kellu diversi inkarigi uffiċjali min-naħa tal-Imperatur Teodosju, ta omeliji u diskorsi funebri importanti ħafna, iddedika ruħu biex jinseġ diversi opri teoloġiċi. Fit-394 reġa’ ħa sehem f’sinodu li nżamm Kostantinopli. Ma nafux meta miet.

 

Girgor jesprimi b’mod ċar il-fini tal-istudji tiegħu, l-ogħla għan li lejh immira fil-ħidma tiegħu ta’ teologu: ħajtu ma jaħlihiex fi ħwejjeġ fiergħa, imma jsib id-dawl li jgħinu jgħarbel dak li hu tassew ta’ siwi (ra Omelija fuq l-Ekkleżjastiku 1). Dan l-ogħla ġid hu sabu fil-Kristjaneżmu, li grazzi għalih hu possibbli “x-xebha man-natura divina” (L-istqarrija Nisranija). Bl-intelliġenza kbira tiegħu u l-firxa wiesgħa ta’ għarfien li kellu tal-filosofija u t-teoloġija, hu ddefenda l-fidi Nisranija kontra l-eretiċi, li kienu jiċħdu d-divinità tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu (bħal Ewnomju u l-Maċedonjani), u kienu qed jikkompromettu l-umanità perfetta ta’ Kristu (bħal Apolinnari). Ikkummenta l-Iskrittura Mqaddsa, fejn waqaf fit-tul fuq il-ħolqien tal-bniedem. Din kienet għalih tema ċentrali: il-ħolqien. Fil-ħlejqa hu kien jara l-mera tal-Ħallieq u hawn kien isib it-triq lejn Alla. Imma hu kiteb ukoll kiteb importanti fuq il-ħajja ta’ Mosè, li hu jippreżentah bħala bniedem miexi lejn Alla: dan it-tlugħ lejn il-Muntanja Sinaj isir għalih xbieha tat-tlugħ tagħna fil-ħajja ta’ bnedmin lejn il-ħajja vera, lejn il-laqgħa ma’ Alla. Hu ta interpretazzjoni wkoll tat-talba tal-Mulej, il-Missierna, u tal-Beatitudnijiet. Fid-Diskors kbir kateketiku tiegħu espona l-linji fundamentali tat-teoloġija, mhux għal teoloġija akkademika magħluqa fiha nfisha, imma biex joffri lill-katekisti sistema ta’ riferiment li jkunu jistgħu jħaddmu fit-tagħlim tagħhom, kważi l-qafas li fih imbagħad tista’ tiċċaqlaq l-interpretazzjoni pedagoġika tal-fidi.

 

Barra minn hekk, Girgor jibqa’ magħruf għat-tagħlim spiritwali tiegħu. It-teoloġija kollha tiegħu ma kinitx riflessjoni akkademika, imma espressjoni ta’ ħajja spiritwali, ta’ ħajja ta’ fidi li huwa għex. Bħala “missier tal-mistika” mill-aqwa ppreżentalna f’diversi trattati – bħal L-istqarrija Nisranija u Il-perfezzjoni Nisranija – il-mixja li l-Insara għandhom jagħmlu biex jilħqu l-ħajja vera, il-perfezzjoni. Faħħar il-verġinità kkonsagrata (Il-verġinità), u ppropona mudell mill-aqwa għaliha fil-ħajja ta’ oħtu Makrina, li għalih baqgħet dejjem gwida, xempju (ara Ħajja ta’ Makrina). Għamel diversi diskorsi u omeliji, u kiteb għadd ta’ ittri. Fil-kummentarju tiegħu fuq il-ħolqien tal-bniedem, Girgor juri kif Alla, “l-aqwa fost l-artisti, jagħġen in-natura tagħna b’mod li jagħmilha tajba għat-taħriġ tar-regalità. Permezz tas-superjorità li għandha r-ruħ, u permezz tal-istess għamla tal-ġisem, hu jqassam kollox b’mod li l-bniedem tassew jixraqlu s-setgħa ta’ sultan” (Il-ħolqien tal-bniedem 4). Imma naraw kif il-bniedem, maqbud fix-xibka tad-dnubiet, spiss jabbuża mill-ħolqien, u ma jħaddimx regalità vera. Għalhekk, fil-fatt, biex allura jħaddan responsabbiltà vera lejn il-ħlejjaq, għandu jkun mimli b’Alla u jgħix fid-dawl tiegħu. Il-bniedem huwa mera ta’ dak il-ġmiel tal-bidu li jinsab f’Alla: “Dak kollu li ħalaq Alla kien tajjeb ħafna”, jikteb l-Isqof qaddis. U jżid: “Dan jixhdu r-rakkont tal-ħolqien (ara Ġen 1:31). Fost il-ħwejjeġ tajbin ħafna kien hemm ukoll il-bniedem, mogħni bi ġmiel bil-wisq ikbar mill-ħwejjeġ sbieħ kollha. Fil-fatt, x’seta’ jkun isbaħ minn min kien jixbah il-ġmiel safi u li ma jitħassarx?… Mera u xbieha tal-ħajja ta’ dejjem, hu kien sabiħ tassew, anzi mill-isbaħ, bis-sinjal tal-ħajja jiddi fuq wiċċu” (Omelija fuq il-Kantiku 12).

 

Il-bniedem ġie mweġġaħ minn Alla u mqiegħed ’il fuq minn kull ħlejqa oħra: “Mhux is-sema ġie magħmul fuq ix-xbieha ta’ Alla, mhux il-qamar, mhux ix-xemx, mhux il-ġmiel tal-kwiekeb, l-ebda waħda oħra mill-ħwejjeġ li jidhru fil-ħolqien. Int biss [ruħ tal-bniedem] ġejt maħluqa xbieha tan-natura li togħla ’l fuq iżjed minn kull intellett, xebha mal-ġmiel li ma jitħassarx, marka tad-divinità vera, li fik hemm il-ħajja hienja, xbieha tad-dawl veru, li meta tħares lejh int issir dak li Huwa hu, għax permezz tar-rifless tar-raġġ li jiġi mis-safa tiegħek int tixbah lil Dak li jilma fik. L-ebda ħaġa li teżisti ma hi hekk kbira li tista’ titkejjel pariġġ il-kobor tiegħek” (ibid., 2). Ejjew nimmeditaw dan l-eloġju lill-bniedem. Naraw anki kif lill-bniedem id-dnub ibaxxih. U nfittxu li nerġgħu lura għall-kobor tal-bidu: huwa biss jekk iżomm lil Alla preżenti, li l-bniedem jista’ jasal għal dan il-kobor veru tiegħu.

 

Għalhekk, il-bniedem jagħraf fih innifsu r-rifless tad-dawl divin: bit-tisfija ta’ qalbu, hu jirritorna għal kif kien fil-bidu, xbieha safja ta’ Alla, Ġmiel eżemplari (ara Diskors kateketiku 6). Hekk il-bniedem, waqt li jissaffa hu, jista’ jara lil Alla, bħal dawk li huma safja f’qalbhom (ara Mt 5:8): “Jekk, bi spirtu ta’ ħajja diliġenti u attenta, taħsel il-kruhat kollha li hemm fuq qalbek, jerġa’ jilma fik il-ġmiel divin… Int u tikkontempla lilek innifsek, tilmaħ fik innifsek lil Dak li hu x-xewqa ta’ qalbek, u tkun hieni” (Il-Beatitudnijiet 6). Mela jeħtieġ innaddfu bil-ħasil il-kruhat li hemm fuq qalbna u nerġgħu nsibu fina nfusna d-dawl ta’ Alla.

 

Għalhekk il-bniedem għandu bħala għan tiegħu l-kontemplazzjoni ta’ Alla. Fiha biss jista’ jsib il-milja tiegħu. Biex b’xi mod jista’ jantiċipa dan il-għan sa minn din il-ħajja, hu għandu jimxi ’l quddiem bla ma jieqaf lejn ħajja spiritwali, ħajja ta’ djalogu ma’ Alla. Fi kliem ieħor – u din hija l-lezzjoni l-iżjed importanti li San Girgor ta’ Nissa jagħtina – il-milja sħiħa tal-bniedem qiegħda fil-qdusija, f’ħajja li hu jgħix fil-laqgħa ma’ Alla, li allura ssir dawl ukoll għall-oħrajn, anki għad-dinja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard