Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja tal-qedem.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 28 ta’ Ottubru 2009

 

Teoloġija Monastika u Teoloġija Skolastika

 

Għeżież ħuti,

 

Illum se nieqaf fuq paġna interessanti tal-istorja, li għandha x’taqsam mat-twarrid tat-teoloġija Latina fis-seklu 12, li seħħ permezz ta’ serje providenzjali ta’ koinċidenzi. Fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent f’dak iż-żmien kienet issaltan ċerta paċi, li setgħet tiżgura lis-soċjetà żvilupp ekonomiku u tisħiħ tal-istrutturi politiċi, u kienet tiffavorixxi attività kulturali ħajja grazzi wkoll għall-kuntatti mal-Lvant. Fi ħdan il-Knisja kien qed jinħass il-benefiċċju tal-azzjoni wiesgħa magħrufa bħala “riforma Gregorjana”, li, promossa b’ċerta qawwa fis-seklu ta’ qabel, kienet ġabet magħha safa evanġeliku ikbar fil-ħajja tal-komunità ekkleżjali, fuq kollox fil-kleru, u kienet raddet lill-Knisja u lill-Papat libertà awtentika ta’ azzjoni. Barra minn hekk, xtered ukoll tiġdid spiritwali wiesa’, imwieżen mill-iżvilupp għammiel tal-ħajja kkonsagrata: twieldu u tferrxu Ordnijiet reliġjużi ġodda, waqt li dawk li diġà kienu jeżistu reġgħu waqfu qatigħ fuq saqajhom.

 

Reġgħet warrdet ukoll it-teoloġija bil-kisba ta’ għarfien ikbar tan-natura tagħha: irfinat il-metodu, affrontat problemi ġodda, imxiet ’il quddiem fil-kontemplazzjoni tal-Misteri ta’ Alla, ipproduċiet opri fundamentali, nebbħet għal inizjattivi importanti tal-kultura, mill-arti għal-letteratura, u ħejjiet għall-kapulavuri tas-seklu ta’ wara, is-seklu ta’ Tumas ta’ Aquino u ta’ Bonaventura ta’ Bagnoregio. Tnejn kienu l-ambjenti li fihom seħħet din l-attività teoloġika ħajja: il-monasteri u l-iskejjel tal-ibliet, l-ischolæ, li wħud minnhom ma kellhomx ma jdumu ma jagħtu l-ħajja lill-Universitajiet, li huwa waħda mill-“invenzjonijiet” tipiċi tal-Medjuevu Nisrani. Ibda sewwasew minn dawn iż-żewġ ambjenti, il-monasteri u l-ischolæ, nistgħu nitkellmu fuq żewġ mudelli differenti ta’ teoloġija: it-“teoloġija monastika” u t-“teoloġija Skolastika”. Ir-rappreżentanti tat-teoloġija monastika kienu monaċi, ġeneralment Abbatijiet, mogħnija b’għerf u b’ħeġġa evanġelika, iddedikati essenzjalment biex iqanqlu u jxettlu iżjed ix-xewqa kollha mħabba għal Alla. Ir-rappreżentanti tat-teoloġija Skolastika kienu rġiel kolti, mixħutin għar-riċerka; magistri xewqana li juru kif il-Misteri ta’ Alla u tal-bniedem għandhom bażi u jinbnew fuq ir-raġonevolezza, jitwemmnu bil-fidi, ċertament, imma jinftiehmu wkoll bir-raġuni. Il-finalitajiet differenti jispjegaw id-differenza tal-metodi u fil-mod tagħhom kif jibnu t-teoloġija.

 

Fil-monasteri tas-seklu 12 il-metodu teoloġiku kien marbut prinċipalment mat-tifsir tal-Iskrittura Mqaddsa, tas-sacra pagina biex ngħiduha bħall-awturi ta’ dak iż-żmien; kienet tiġi pprattikata b’mod speċjali t-teoloġija biblika. Jiġifieri, il-monaċi kienu kollha semmiegħa u qarrejja devoti tal-Iskrittura Mqaddsa, u waħda mill-ħidmiet ewlenin tagħhom kienet il-lectio divina, jiġifieri l-qari tal-Bibbja fi spirtu ta’ talb. Għalihom is-sempliċi qari tat-Test sagru ma kienx biżżejjed biex setgħu jidħlu fis-sens profond tiegħu, l-għaqda interjuri u l-messaġġ traxxendentali. Għalhekk, kien hemm bżonn li jipprattikaw “qari speċjali”, magħmul b’doċilità għall-Ispirtu s-Santu. Fl-iskola tal-Padri, il-Bibbja hekk kienet tiġi interpretata allegorikament, biex f’kull paġna, mit-Testment il-Qadim kif ukoll mill-Ġdid, jiskopru x’tgħid dwar Kristu u dwar l-opra tiegħu tas-salvazzjoni.

 

Is-Sinodu tal-Isqfijiet tas-sena l-oħra fuq il-“Kelma ta’ Alla fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja” reġa’ fakkar fl-importanza tal-viżjoni spiritwali tal-Iskrittura Mqaddsa. Għal dan il-għan, għandna ngħożżu t-teoloġija monastika, l-eseġesi biblika li baqgħet għaddejja bla waqfien, kif ukoll l-opri minsuġa mir-rappreżentanti tagħha, kummentarji axxetiċi prezzjużi għall-kotba tal-Bibbja. Għalhekk, mal-preparazzjoni letterarja t-teoloġija monastika kienet iżżid dik spiritwali. Għaldaqstant kienet taf li qari purament teoriku u profan ma kienx biżżejjed: biex wieħed jidħol fil-qalba tal-Iskrittura Mqaddsa, irid jaqraha fl-ispirtu li fih inkitbet u nħolqot. Il-preparazzjoni letterarja kienet meħtieġa biex wieħed jifhem it-tifsira eżatta tal-kelmiet u jiffaċilita l-għarfien tat-test, u jirfina s-sensibbiltà grammatikali u filoloġika. L-istudjuż Benedittin tas-seklu l-ieħor Jean Leclercq hekk semmieha l-kitba li biha jippreżenta l-karatteristiċi tat-teoloġija monastika: L’amour des lettres et le désir de Dieu (L-imħabba tal-kliem u x-xewqa ta’ Alla). Fil-fatt, ix-xewqa li wieħed jagħraf u jħobb lil Alla, li tiġina meta l-Kelma tiegħu nilqgħuha, nimmeditawha u nħaddmuha, twassalna biex infittxu ninżlu iktar fil-fond tat-testi bibliċi fid-dimensjonijiet kollha tagħhom. Hemm imbagħad attitudni oħra li fuqha jisħqu dawk li jipprattikaw it-teoloġija monastika, u dan hu atteġġjament intimu ta’ talb, li jrid jiġi qabel, isieħeb u jikkompleta l-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa. Għax, fl-aħħar mill-aħħar, it-teoloġija monastika hija smigħ tal-Kelma ta’ Alla, ma tistax ma ssaffix qalbek biex tilqagħha u, fuq kollox, ma tistax ma tkebbishiex bil-ħeġġa biex tiltaqa’ mal-Mulej. It-teoloġija allura ssir meditazzjoni, talb, għanja ta’ ġieħ u twassal għal konverżjoni vera. Mhux ftit rappreżentanti tat-teoloġija monastika waslu, permezz ta’ din it-triq, għall-ogħla qċaċet tal-esperjenza mistika, u huma stedina għalina wkoll biex ħajjitna nitimgħuha bil-Kelma ta’ Alla, ngħidu aħna, permezz ta’ smigħ iżjed attent tal-qari u tal-Vanġelu speċjalment fil-Quddiesa tal-Ħadd. Barra minn hekk, importanti nżommu ċertu ħin ta’ kuljum għall-meditazzjoni tal-Bibbja, biex il-Kelma ta’ Alla tkun musbieħ li jdawwal il-mixja tagħna ta’ kuljum fuq din l-art.

 

Mill-banda l-oħra, it-teoloġija Skolastika – kif kont qed ngħid – kienet ipprattikata fl-ischolæ, li nħolqu maġenb il-katidrali kbar ta’ dak iż-żmien, għat-tħejjija tal-kleru, jew madwar mgħallem tat-teoloġija u d-dixxipli tiegħu, biex jifformaw professjonisti tal-kultura, fi żmien li fih l-għerf kien dejjem iżjed apprezzat. Fil-metodu tal-Iskolastiċi kienet ċentrali l-quæstio, jiġifieri l-proplema li jsib quddiemu l-qarrej meta jiġi biex jaffronta l-kelmiet tal-Iskrittura u tat-Tradizzjoni. Quddiem il-problema li jqiegħdu dawn it-testi awtorevoli, iqumu mistoqsijiet u jinbet id-dibattitu bejn l-imgħallem u l-istudenti. F’dan id-dibattitu jitfaċċaw minn naħa l-argumenti tal-awtorità, u mill-oħra dawk tar-raġuni, u d-dibattitu jiżviluppa fis-sens li, fl-aħħar, tinstab sintesi bejn awtorità u raġuni biex wieħed jasal għall-għarfien iżjed profond tal-kelma ta’ Alla. Dwar dan, San Bonaventura jgħid li t-teoloġija hi “per additionem” (ara Commentaria in quatuor libros sententiarum, I, proem., q. 1, concl.), jiġifieri t-teoloġija żżid id-dimensjoni tar-raġuni mal-kelma ta’ Alla u hekk toħloq fidi iżjed profonda, iżjed personali u għalhekk anki iżjed konkreta fil-ħajja tal-bniedem. F’dan is-sens, instabu diversi soluzzjonijiet u ssawru konklużjonijiet li bdew jibnu sistema ta’ teoloġija. L-organizzazzjoni tal-quæstiones wasslet għall-ġabra ta’ sintesijiet dejjem iżjed wiesgħa, jiġifieri bdew jinkitbu d-diversi quæstiones bit-tweġibiet li ħarġu minnhom, u hekk ħolqu sintesi, l-hekk imsejħa summæ, li kienu, fir-realtà, trattati wiesgħa teoloġiċi-dommatiċi li nibtu mill-konfront tar-raġuni umana mal-kelma ta’ Alla. It-teoloġija Skolastika mmirat li tippreżenta l-għaqda u l-armonija tar-Rivelazzjoni Nisranija b’metodu, appuntu msejjaħ “skolastiku”, tal-iskola, li għandu fiduċja fir-raġuni umana: il-grammatika u l-filoloġija qegħdin għas-servizz tal-għerf teoloġiku, imma iktar minn hekk hija l-loġika, jiġifieri dik id-dixxiplina li tistudja l-“funzjonament” tar-raġunament uman, hekk li tidher ċara l-verità ta’ dik il-propożizzjoni li tkun saret. Sal-lum, meta naqraw is-summæ Skolastiċi nibqgħu milqutin mill-ordni, miċ-ċarezza, mis-sekwenza loġika tal-argumenti, u mill-profondità ta’ ċerti intuwizzjonijiet. B’lingwaġġ tekniku, tiġi attribwita lil kull kelma tifsira preċiża u, bejn li temmen u li tifhem, jitwaqqaf moviment reċiproku ta’ kjarifikazzjoni.

 

Għeżież ħuti, hija u ttenni l-istedina tal-Ewwel Ittra ta’ Pietru, it-teoloġija Skolastika tqanqalna biex inkunu dejjem lesti nagħtu tweġiba lil min jistaqsina l-għala tat-tama li għandna (ara 3:15). Inħossu l-mistoqsijiet bħallikieku kienu tagħna u hekk inkunu kapaċi wkoll nagħtu tweġiba. Tfakkarna li bejn fidi u raġuni hemm ħbiberija naturali, imwaqqfa fuq l-ordni tal-ħolqien innifsu. Il-Qaddej ta’ Alla Ġwanni Pawlu II, fil-ftuħ tal-Enċiklika Fides et ratio jikteb: “Il-fidi u r-raġuni qishom iż-żewġ ġwienaħ li bihom l-ispirtu tal-bniedem jogħla biex jikkuntempla l-verità”. Il-fidi hi miftuħa għall-isforz tal-għarfien min-naħa tar-raġuni; ir-raġuni, min-naħa tagħha, tagħraf li l-fidi ma tissagrifikahiex, anzi timbuttaha bi ħlewwa lejn ixfqa usa’ u ogħla. Hawn tidħol il-lezzjoni dejjiema tat-teoloġija monastika. Fidi u raġuni, fi djalogu reċiproku, jivvibraw bil-ferħ meta t-tnejn huma mħeġġa mit-tiftix tal-għaqda intima ma’ Alla. Meta l-imħabba tagħti l-ħajja lid-dimensjoni tat-talb fit-teoloġija, l-għarfien, miksub bir-raġuni, jitwessa’ aktar. Il-verità nfittxuha b’umiltà, nilqgħuha bi stagħġib u gratitudni: f’kelma waħda, l-għarfien jikber biss jekk inħobbu l-verità. L-imħabba ssir intelliġenza u t-teoloġija awtentika għerf tal-qalb, li jmexxi u jwieżen il-fidi u l-ħajja ta’ kull min jemmen. Nitolbu allura biex il-mixja tal-għarfien u tal-approfondiment tal-Misteri ta’ Alla tkun dejjem imdawla mill-imħabba divina.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard