Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 28 ta’ April 2010

 

San Leonardu Murialdo u San Ġużepp Benedittu Cottolengo

 

Għeżież ħuti,

 

Qed noqorbu lejn l-għeluq tas-Sena Saċerdotali u, f’dan l-aħħar Erbgħa ta’ April, nixtieq nitkellem dwar żewġ saċerdoti qaddisa u eżemplari fl-għotja tagħhom lil Alla u fix-xhieda ta’ karità, li huma għexu fil-Knisja u għall-Knisja, lejn l-aħwa l-iżjed fil-bżonn: San Leonardu Murialdo u San Ġużeppi Benedittu Cottolengo. Tal-ewwel qed infakkru l-110 snin minn mewtu u l-40 sena mill-kanonizzazzjoni; tat-tieni fetħu ċ-ċelebrazzjonijiet għat-2 ċentinarju mill-Ordinazzjoni saċerdotali tiegħu.

 

Murialdo twieled f’Turin fis-26 ta’ Ottubru 1828: hu l-istess Turin ta’ San Ġwann Bosco, tal-istess San Ġużepp Cottolengo, art għammiela b’tant eżempji ta’ qdusija ta’ fidili lajċi u ta’ saċerdoti. Leonardu kien it-tmien iben ta’ familja sempliċi. Minn ċkunitu, flimkien ma’ ħuh, daħal fil-kulleġġ tal-Patrijiet Pjaristi ta’ Savona għall-kors elementari, l-iskejjel medji u l-kors superjuri; hemm sab edukaturi mħejjija tajjeb, fi klima ta’ reliġjożità mibnija fuq katekeżi serja, bi prattika ta’ devozzjonijiet regolari. Imma fl-adolexxenza tiegħu għadda minn kriżi eżistenzjali u spiritwali qawwija li wasslitu biex jerġa’ lura qabel fil-familja u jikkonkludi l-istudji tiegħu f’Turin, waqt li nkiteb għas-sentejn studju tal-filosofija. Ir-“ritorn għad-dawl” seħħ – kif jirrakkonta hu – wara xi xhur, bil-grazzja ta’ qrara ġenerali, li fiha reġa’ skopra l-ħniena bla tarf ta’ Alla; hawn, ta’ 17-il sena, wasal għad-deċiżjoni li jidħol saċerdot, bħala tweġiba ta’ mħabba lil Alla li kien ħatfu bi mħabbtu. Ġie ordnat fl-20 ta’ Settembru 1851. Proprju f’dak il-perjodu, bħala katekista tal-Oratorju tal-Anġlu Kustodju, kien magħruf u apprezzat minn Don Bosco, li kkonvinċieh jaċċetta t-tmexxija tal-Oratorju ġdid ta’ San Lwiġi a Porta Nuova li baqgħet f’idejh sal-1865. Hemm ġie f’kuntatt mal-problemi serji tal-klassijiet l-iżjed foqra, żar id-djar tagħhom, u rawwam fih sensibbiltà soċjali, edukattiva u appostolika qawwija li wasslitu mbagħad biex jiddedika ruħu b’mod awtonomu għal bosta inizjattivi għall-ġid taż-żgħażagħ. Katekiżmu, skola, attivitajiet rikreattivi kienu l-bażi għall-metodu edukattiv tiegħu fl-Oratorju. Dejjem Don Bosco riedu miegħu fl-okkażjoni tal-Udjenza li kkonċedielu l-Beatu Piju IX fl-1858.

 

Fl-1873 waqqaf il-Kongregazzjoni ta’ San Ġużepp, li l-għan appostoliku tagħha, sa mill-bidu, kien il-formazzjoni taż-żgħażagħ, speċjalment dawk l-iżjed foqra u mitluqa. L-ambjent ta’ Turin f’dak iż-żmien kien immarkat mit-twarrid intens ta’ opri u ta’ ħidmiet ta’ karità li Murialdo baqa’ jippromovi sa mewtu, li seħħet fit-30 ta’ Marzu 1900.

 

Nixtieq infakkar li l-qalba ċentrali tal-ispiritwalità ta’ Murialdo hija l-konvinzjoni tal-imħabba ħanina ta’ Alla: Missier dejjem twajjeb, paċenzjuż u ġeneruż, li bil-maħfra juri l-kobor u l-immensità tal-ħniena tiegħu. Din ir-realtà San Leonardu daqha fuq livell mhux intellettwali, imma eżistenzjali, permezz tal-laqgħa ħajja mal-Mulej. Hu dejjem qies ruħu bniedem li gawda mill-grazzja ta’ Alla ħanin: għalhekk huwa għex is-sens hieni tal-gratitudni lejn il-Mulej, l-għarfien seren tal-limitazzjonijiet tiegħu, ix-xewqa ħerqana għall-penitenza, l-impenn kontinwu u ġeneruż ta’ konverżjoni. Ħajtu kollha hu kien jaraha mhux biss imdawla, immexxija, imwieżna minn din l-imħabba, imma kontinwament mgħaddsa fil-ħniena bla tarf ta’ Alla. Kiteb hekk fit-Testment spiritwali tiegħu: “Jiena mdawwar bil-ħniena tiegħek, o Mulej… Kif Alla jinsab dejjem u kullimkien, hekk hu dejjem u kullimkien imħabba, hu dejjem u kullimkien ħniena”. Meta fakkar il-mument ta’ kriżi li kellu f’żgħożitu, qal: “Ara kif it-twajjeb Alla ried mill-ġdid juri fid-dawl kollu tagħhom it-tjieba u l-ġenerożità tiegħu b’mod għalkollox singulari. Mhux biss daħħalni mill-ġdid fil-ħbiberija tiegħu, imma sejjaħli għal għażla ta’ preferenza: sejjaħli għas-saċerdozju, u dan xhur biss wara r-ritorn tiegħi lejh”. Għalhekk San Leonardu għex il-vokazzjoni saċerdotali bħala don mogħti lilu b’xejn mill-ħniena ta’ Alla b’sens ta’ rikonoxxenza, ferħ u mħabba. Kiteb dan ukoll: “Alla għażel lili! Hu sejjaħli, saħansitra imbuttani għall-ġieħ, għall-glorja, għall-hena bla qies li nkun ministru tiegħu, li nkun ‘Kristu ieħor’… U fejn kont jiena meta int fittixtni, Alla tiegħi? F’qiegħ l-abbiss! Jien kont hemm, u hemm Alla ġie jfittixni; hemm semmagħni leħnu…”.

 

San Leonardu jisħaq fuq il-kobor tal-missjoni tas-saċerdot li għandu “jkompli l-opra tal-fidwa, l-opra l-kbira ta’ Ġesù Kristu, l-opra tal-Feddej tad-dinja”, jiġifieri dik li “jsalva l-erwieħ”, u hekk ifakkar dejjem lilu nnifsu u lil ħutu r-reliġjużi fir-responsabbiltà ta’ ħajja koerenti mas-sagrament li rċevew. Imħabba ta’ Alla u mħabba lejn Alla: din kienet il-qawwa tal-mixja tiegħu ta’ qdusija, il-liġi tas-saċerdozju tiegħu, it-tifsira l-aktar profonda tal-appostolat tiegħu qalb iż-żgħażagħ foqra u l-għajn tat-talb tiegħu. San Leonardu Murialdo ntelaq b’fiduċja fil-Providenza, u wettaq b’ġenerożità r-rieda divina, fil-kuntatt ma’ Alla u f’dedikazzjoni għaż-żgħażagħ foqra. B’dan il-mod hu rabat is-skiet kontemplattiv mal-ħerqa bla heda tal-azzjoni, il-fedeltà għad-dmirijiet ta’ kuljum mal-ġenjalità tal-inizjattivi, il-qawwa fid-diffikultajiet mas-serenità tal-ispirtu. Din hija t-triq tiegħu ta’ qdusija biex ngħixu l-kmandament tal-imħabba, lejn Alla u lejn il-proxxmu.

 

Bl-istess spirtu ta’ karità għex, erbgħin sena qabel Murialdo, San Ġużepp Benedittu Cottolengo, fundatur tal-opra li hu stess sejħilha “Dar Ċkejkna tal-Providenza Divina” u llum hi magħrufa wkoll bħala “Cottolengo”. Il-Ħadd li ġej, fiż-Żjara pastorali tiegħi f’Turin, se mmur inqim il-fdalijiet ta’ dan il-Qaddis u niltaqa’ wkoll mar-residenti tad-“Dar Ċkejkna”.

 

Ġużeppi Benedittu Cottolengo twieled Bra, fil-provinċja ta’ Cuneo, fit-3 ta’ Mejju 1786. L-ewwel wild minn 12, li sitta minnhom mietu ta’ età żgħira, sa minn ċkunitu wera sensibbiltà kbira għall-foqra. Ħaddan it-triq tas-saċerdozju, li fiha mxew bħalu wkoll żewġ ħutu. Is-snin ta’ żgħożitu kienu dawk tal-avventura Napoleonika u tat-taqlib li kellu jseħħ wara fil-qasam reliġjuż u soċjali. Cottolengo sar saċerdot tajjeb, imfittex minn ħafna penitenti u, f’Turin ta’ żmienu, predikatur ta’ eżerċizzi spiritwali u konferenzi lill-istudenti universitarji, fejn kien ikollu dejjem suċċess notevoli. Fl-età ta’ 32 sena, ġie maħtur kanonku tas-Santissma Trinità, kongregazzjoni ta’ saċ        erdoti li kellha d-dmir li tuffiċċja fil-Knisja tal-Corpus Domini u tagħti dekor liċ-ċerimonji reliġjużi tal-belt, imma ma kienx iħossu komdu f’dik il-pożizzjoni. Alla kien qed iħejjih għal missjoni partikulari, u, proprju b’laqgħa mhux mistennija u deċiżiva, urieh liema kellu jkun id-destin futur tiegħu fit-tħaddim tal-ministeru.

 

Il-Mulej dejjem jagħtina sinjali fil-mixja tagħna biex imexxina skont ir-rieda tiegħu għall-ġid veru tagħna. Għal Cottolengo dan seħħ, b’mod drammatiku, il-Ħadd filgħodu tat-2 ta’ Settembru 1827. Waslet Turin minn Milan il-karozza tat-trasport, maħnuqa bħal dejjem bin-nies, fejn kien hemm mgħaffġa wkoll familja sħiħa Franċiża li fiha l-mara, b’ħamest itfal, kienet fi tqala avvanzata u b’deni għoli. Wara li kienet ħabbtet il-bibien ta’ bosta sptarijiet, dik il-familja sabet fejn toqgħod f’dormitorju pubbliku, imma s-sitwazzjoni għal dik il-mara baqgħet sejra għall-agħar u xi ħadd mar ifittxilha qassis. Bi pjan misterjuż iltaqgħu ma’ Cottolengo, u kien proprju hu, b’qalb tqila u magħfusa, li akkumpanja fil-mument tal-mewt lil din l-omm żagħżugħa, fost l-uġigħ tal-familja kollha tagħha. Wara li kien wettaq dan id-dmir iebes, b’qalbu maqsuma, mar jitlob quddiem is-Santissmu Sagrament: “Alla tiegħi, għaliex? Għaliex ridtni xhud ta’ dan? Xi trid minni? Hemm bżonn nagħmel xi ħaġa!”. Meta qam, beda jdoqq il-qniepen kollha, xegħel ix-xemgħat, u lil dawk li l-kurżità għelbithom u daħlu jaraw x’ġara laqagħhom b’dan il-kliem: “Il-grazzja saret! Il-grazzja saret!”. Minn dakinhar Cottolengo nbidel: il-ħiliet kollha tiegħu, speċjalment dik ekonomika u organizzattiva, użahom biex jibda inizjattivi ta’ għajnuna lil dawk l-iżjed fil-bżonn.

 

Hu għaraf jinvolvi fl-inizjattiva tiegħu għexieren fuq għexieren ta’ kollaboraturi u voluntiera. Mexa lejn il-periferija ta’ Turin biex iwessa’ l-opra tiegħu, u ħoloq għamla ta’ villaġġ, li fih ma’ kull binja li rnexxielu jibni rabat isem sinifikattiv: “dar tal-fidi”, “dar tat-tama”, “dar tal-karità”. Ta bidu għall-istil tal-“familji”, fejn ħoloq komunitajiet veri ta’ persuni, voluntiera rġiel u nisa, reliġjużi u lajċi, magħquda biex jaffrontaw u jissuperaw flimkien id-diffikultajiet li kienu jitfaċċaw. Kull wieħed u waħda f’dik id-Dar Ċkejkna tal-Providenza Divina kellu xogħol preċiż x’jagħmel: min jaħdem, min jitlob, min jaqdi, min jgħallem, min jamministra. Sew dawk f’saħħithom u sew il-morda kienu jaqsmu l-istess piż tal-ħajja ta’ kuljum. Anki l-ħajja reliġjuża maż-żmien ġiet speċifikata, skont il-bżonnijiet u l-esiġenzi partikulari. Ħaseb ukoll f’seminarju, għall-formazzjoni speċifika tas-saċerdoti tal-Opra tiegħu. Dejjem kien lest jimxi wara l-Providenza Divina u jaqdiha, u qatt ma indubjaha. Kien jgħid: “Jiena ma niswa għal xejn u lanqas naf x’għandi nagħmel. Imma l-Providenza Divina ċertament taf xi trid. Kulma għandi nagħmel hu li naqdiha. Ejjew nimxu ’l quddiem in Domino”. Għall-foqra tiegħu u dawk l-iżjed fil-bżonn, dejjem kien isejjaħ lilu nnifsu “l-ħaddiem tal-id tal-Providenza Divina”.

 

Maċ-ċittadelli ċkejknin ried iwaqqaf ukoll ħames monasteri ta’ sorijiet kontemplattivi u wieħed tal-eremiti, u kien iqishom fost l-aktar proġetti importanti tiegħu: għamla ta’ “qalb” li kellha tħabbat għall-Opra kollha. Miet fit-30 ta’ April 1842, b’dawn il-kelmiet fuq fommu: “Misericordia, Domine; Misericordia, Domine. O Providenza Twajba u Qaddisa… Verġni Mqaddsa, issa jmiss lilek”. Ħajtu, kif kiteb ġurnal ta’ żmienu, kienet kollha “jum wieħed intens ta’ mħabba”.

 

Għeżież ħbieb, dawn iż-żewġ saċerdoti qaddisa, li dwarhom tajt xi tagħrif, għexu l-ministeru tagħhom fl-għotja totali ta’ ħajjithom għall-iżjed foqra, l-iżjed fil-bżonn, dawk tal-aħħar post, u dejjem sabu l-għeruq profondi, l-għajn bla qies tal-azzjoni tagħhom fir-relazzjoni ma’ Alla, u minn imħabbtu xorbu, fil-konvinzjoni qawwija li ma tistax tħaddem il-karità mingħajr ma tgħix fi Kristu u fil-Knisja. Ħa jissoktaw l-interċessjoni tagħhom u l-eżempju tagħhom idawlu l-ministeru ta’ tant saċerdoti li jingħataw b’ġenerożità għal Alla u għall-merħla fdata f’idejhom, u jgħinu lil kull wieħed u waħda minna ningħataw bil-ferħ u l-ġenerożità għal Alla u għall-proxxmu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard