Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 28 ta’ Marzu 2007

 

San Irinew ta’ Lyons

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-katekeżi tagħna fuq il-figuri kbar tal-Knisja tal-ewwel sekli llum naslu għall-personalità eminenti ta’ San Irinew ta’ Lyons. It-tagħrif bijografiku dwaru jaslilna mill-istess xhieda tiegħu, li għaddihielna Ewsebju fil-ħames ktieb tal-iStorja Ekkleżjastika. Irinew wisq probabbli twieled fi Żmirna (illum Izmir, fit-Turkija) lejn is-snin 135-140, fejn sa minn żgħożitu kien fl-iskola tal-Isqof Polikarpu, dixxiplu tal-Appostlu Ġwanni. Ma nafux meta mill-Asja Minuri mar il-Gallja, imma ċ-ċaqliq bilfors ħabat mal-ewwel żviluppi tal-komunità Nisranija f’Lyons: hawn, fis-sena 117, insibu lil Irinew fost il-kulleġġ tal-presbiteri. Proprju f’dik is-sena hu ntbagħat Ruma, messaġġier b’ittra tal-komunità ta’ Lyons lill-Papa Elewterju. Minħabba din il-missjoni Rumana Irinew safa vittma tal-persekuzzjoni ta’ Marku Awrelju, li fiha mietu tal-inqas 48 martri, fosthom l-istess Isqof ta’ Lyons, Potinu ta’ 90 sena, li miet wara l-ħruxijiet fil-ħabs. Hekk, mar-ritorn tiegħu, Irinew ġie magħżul Isqof tal-belt. Ir-Ragħaj il-ġdid iddedika ruħu kollu kemm hu għall-ministeru episkopali, li għalaq lejn is-sena 202-203, aktarx bil-martirju.

 

Irinew hu qabelxejn bniedem ta’ fidi u Ragħaj. Ta’ Ragħaj tajjeb għandu s-sens tal-qies, l-għana tad-duttrina, il-ħeġġa missjunarja. Bħala kittieb, fittex għan doppju: li jiddefendi d-duttrina vera mill-attakki tal-eretiċi, u li jesponi b’mod ċar il-veritajiet tal-fidi. Għal dan il-għan jikkorrispondu eżattament iż-żewġ opri li għandna tiegħu: il-ħames kotba Kontra l-ereżiji, u l-Espożizzjoni tal-predikazzjoni appostolika (li nistgħu nsejħulha wkoll l-eqdem “katekiżmu tat-tagħlim Nisrani”). Żgur mhux forsi, Irinew huwa l-kampjun tal-ġlieda kontra l-ereżiji. Il-Knisja tat-tieni seklu kienet mhedda mill-hekk imsejħa gnosi, duttrina li kienet tgħid li l-fidi mgħallma mill-Knisja kienet biss simboliżmu għas-sempliċi, li mhumiex kapaċi jifhmu ħwejjeġ tqal; meta min-naħa l-oħra, l-inizjati, l-intellettwali – kienu jissejħu gnostici – kienu fehmu x’hemm wara dawn is-simboli, u hekk kienu jsawru Kristjaneżmu elitarju, intellettwalista. Ovvjament dan il-Kristjaneżmu intellettwalista beda jinqasam dejjem iżjed f’diversi kurrenti bi ħsibijiet spiss strambi u esaġerati, imma li kienu jiġbdu l-interess ta’ ħafna. Element komuni ta’ dawn id-diversi kurrenti kien id-duwaliżmu, jiġifieri kienu jiċħdu l-fidi f’Alla Missier wieħed ta’ kulħadd, Ħallieq u Feddej tal-bniedem u tad-dinja. Biex ifissru l-eżistenza tal-ħażen fid-dinja, huma kienu jistqarru l-eżistenza, flimkien ma’ Alla tajjeb, ta’ prinċipju ieħor negattiv. Skonthom, dan il-prinċipju negattiv kien li jipproduċi l-ħwejjeġ materjali, il-materja.

 

Bl-għeruq tiegħu sodi fid-duttrina biblika tal-ħolqien, Irinew ħadha kontra d-duwaliżmu u l-pessimiżmu Injostiku li jiżvalutaw ir-realtajiet korporji. Hu saħaq b’mod deċiż fuq il-qdusija sa mill-bidu fil-materja, fil-ġisem, fil-laħam, u mhux b’inqas fl-ispirtu. Imma l-opra tiegħu tmur wisq iżjed milli sempliċiment teħodha kontra l-ereżija: fil-fatt nistgħu ngħidu li hu jippreżenta ruħu bħala l-ewwel teologu kbir tal-Knisja, li ħoloq it-teoloġija sistematika; hu stess jitkellem fuq is-sistema tat-teoloġija, jiġifieri fuq il-koerenza interna tal-fidi kollha. Fil-qalba tat-tagħlim tiegħu hemm il-kwistjoni tar-“Regola tal-fidi” u tat-trasmissjoni tagħha. Ir-“Regola tal-fidi” ta’ Irinew prattikament insibuha fil-Kredu tal-Appostli, u tagħtina l-muftieħ biex ninterpretaw il-Vanġelu. Is-Simbolu tal-Appostli, li hu għamla ta’ ġabra fil-qosor tal-Vanġelu, jgħinna nifhmu xi jfisser, kif għandna naqraw l-istess Vanġelu.

 

Fil-fatt, il-Vanġelu li pprietka Irinew huwa dak li hu rċieva mingħand Polikarpu, Isqof ta’ Żmirna, u l-Vanġelu ta’ Polikarpu ġej mill-Appostlu Ġwanni, li tiegħu Polikarpu kien dixxiplu. U hekk it-tagħlim veru mhuwiex dak ivvintat mill-intellettwali barra mill-fidi sempliċi tal-Knisja. Il-veru Vanġelu hu dak li jagħtuna l-Isqfijiet, li rċivewh minn katina ma taqta’ xejn sa mill-Appostli. Dawn ma għallmux għajr din il-fidi sempliċi, li hi wkoll il-vera profondità tar-rivelazzjoni ta’ Alla. Hekk – jgħidilna Irinew – ma hemm ebda tagħlim sigriet moħbi wara l-Kredu komuni tal-Knisja. Ma jeżisti ebda Kristjaneżmu superjuri tal-intellettwali. Il-fidi pubblikament mistqarra mill-Knisja hija l-fidi komuni ta’ kulħadd. Din il-fidi biss hi appostolika, jiġifieri ġejja mill-Appostli, allura minn Ġesù u minn Alla. Waqt li jħaddnu din il-fidi mxandra u mgħoddija pubblikament mill-Appostli lis-suċċessuri tagħhom, l-Insara għandhom josservaw dak li jgħidu l-Isqfijiet, għandhom iqisu speċjalment it-tagħlim tal-Knisja ta’ Ruma, pre-eminenti u antikissma. Din il-Knisja, minħabba l-qedem tagħha, għandha l-ikbar appostoliċità, fil-fatt taf il-bidu tagħha mill-kolonni tal-Kulleġġ Appostoliku, Pietru u Pawlu. Mal-Knisja ta’ Ruma għandhom ikunu fehma waħda l-Knejjes kollha, u jagħrfu fiha l-qies tal-vera tradizzjoni appostolika, tal-fidi waħda komuni tal-Knisja. B’dawn l-argumenti, hawn miġbura fil-qosor ħafna, Irinew ħadha qatta’ bla ħabel minn fuq s’isfel mal-pretensjonijiet ta’ dawn l-Injostiċi, ta’ dawn l-intellettwali: l-ewwel u qabel kollox huma ma għandhom ebda verità li hi superjuri għal dik tal-fidi komuni, għax dak li huma jgħidu mhuwiex ta’ oriġni appostolika, imma vvintawh huma; it-tieni, il-verità u s-salvazzjoni mhumiex privileġġ u monopolju tal-ftit, imma kulħadd jista’ jasal għalihom permezz tal-predikazzjoni tas-suċċessuri tal-Appostli, u fuq kollox tal-Isqof ta’ Ruma. B’mod partikulari – dejjem f’polemika mal-karattru “sigriet” tat-tradizzjoni Injostika u huwa u jinnota r-riżultati tagħha mmultiplikati u kontradittorji bejniethom – Irinew irid jurina l-kunċett ġenwin ta’ Tradizzjoni Appostolika x’inhu, u dan nistgħu niġbruh fi tliet punti.

 

a) It-Tradizzjoni Appostolika hi “pubblika”, mhux privata jew sigrieta. Għal Irinew ma hemm ebda dubju li l-kontenut tal-fidi trasmessa mill-Knisja hu dak li rċiviet mill-Appostli u minn Ġesù, mill-Iben ta’ Alla. Ma jeżisti ebda tagħlim ieħor ħlief dan. Għalhekk min irid jagħraf id-duttrina vera biżżejjed ikun jaf “it-Tradizzjoni li ġejja mill-Appostli u l-fidi mħabbra lill-bnedmin”: Tradizzjoni u fidi li “waslu għandna permezz tas-suċċessjoni tal-Isqfijiet” (Kontra l-ereżiji 3,3,3-4). Hekk, suċċessjoni tal-Isqfijiet – prinċipju personali – u Tradizzjoni Appostolika – prinċipju duttrinali – imorru flimkien.

 

b) It-Tradizzjoni Appostolika hi “waħda”. Fil-fatt, waqt li l-Injostiċiżmu hu maqsum f’għadd ta’ setet, it-Tradizzjoni tal-Knisja hi waħda fil-kontenuti fundamentali tagħha, li – kif rajna – Irinew isejjaħ appuntu regula fidei jew veritatis: u hekk, għax hija waħda, toħloq l-għaqda fost il-popli, permezz tal-kulturi differenti, permezz tal-popli differenti; huwa kontenut komuni bħalma hi l-verità, minkejja l-ħafna ilsna u kulturi differenti. Hemm frażi prezzjuża ħafna ta’ San Irinew fl-ewwel ktieb Kontra l-ereżiji: “Il-Knisja, imqar jekk imxerrda mad-dinja kollha, tħares bir-reqqa [il-fidi tal-Appostli], bħallikieku kienet tgħammar f’dar waħda; bl-istess mod temmen f’dawn il-veritajiet, bħallikieku kellha ruħ waħda u l-istess qalb; fi qbil sħiħ dawn il-veritajiet ixxandarhom, tgħallimhom u tgħaddihom, bħallikieku kellha fomm wieħed. L-ilsna tad-dinja huma ħafna, imma l-qawwa tat-Tradizzjoni hija waħda u l-istess: il-Knejjes imwaqqfa fl-artijiet tal-Ġermanja la rċivew u lanqas jgħaddu fidi differenti, lanqas dawk fl-artijiet ta’ Spanja jew fost iċ-Ċeltiċi jew fir-reġjuni tal-Lvant jew fl-Eġittu jew fil-Libja jew fiċ-ċentru tad-dinja” (1,10,1-2). Hawnhekk diġà nilmħu, ninsabu lejn is-sena 200, l-universalità tal-Knisja, il-kattoliċità tagħha u l-qawwa tal-verità li ġġib l-għaqda, li tgħaqqad dawn ir-realtajiet hekk differenti minn xulxin, tal-Ġermanja, ma’ Spanja, mal-Italja, mal-Eġittu, mal-Libja, fil-verità komuni li rrivelalna Kristu.

 

ċ) Fl-aħħar nett, it-Tradizzjoni Appostolika hi – kif jgħid hu fl-ilsien Grieg li bih kiteb il-ktieb tiegħu – “pnewmatika”, jiġifieri mmexxija mill-Ispirtu s-Santu (bil-Grieg “spirtu” hu pneuma). Fil-fatt din mhijiex trasmissjoni fdata f’idejn il-ħila ta’ bnedmin xi ftit jew wisq għorrief, imma f’idejn l-Ispirtu ta’ Alla, li jiggarantixxi l-fedeltà tat-trasmissjoni tal-fidi. Hija din il-“ħajja” tal-Knisja, jiġifieri li tagħmel lill-Knisja dejjem friska u żagħżugħa, għammiela b’għadd ta’ kariżmi. Knisja u Spirtu għal Irinew ma tistax tifridhom minn xulxin: “Din il-fidi”, naqraw mill-ġdid fit-tielet ktieb Kontra l-ereżiji, “aħna rċivejniha mill-Knisja u nħarsuha: il-fidi, bil-ħidma tal-Ispirtu ta’ Alla, bħal depożitu prezzjuż miżmum f’vażett ta’ valur, iżżomm dejjem żagħżugħa, u anki lill-vażett li qiegħda fih iġġedded… Fejn hemm il-Knisja, hemm l-Ispirtu ta’ Alla; u fejn hemm l-Ispirtu ta’ Alla, hemm il-Knisja u kull grazzja” (3,24,1).

 

Kif qed naraw, Irinew ma jillimitax ruħu għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ Tradizzjoni. It-Tradizzjoni li dwarha hu jitkellem, differenti għalkollox mit-tradizzjonaliżmu, hija Tradizzjoni dejjem immexxija minn ġewwa mill-Ispirtu s-Santu, li jagħtiha l-ħajja u jfissirha tajjeb lill-Knisja. Jekk noqogħdu għat-tagħlim tiegħu, il-fidi tal-Knisja tiġi trasmessa u tidher kif għandha tkun, jiġifieri “pubblika”, “waħda”, “pnewmatika”, “spiritwali”. Minn kull waħda minn dawn il-karatteristiċi nistgħu naslu għal dixxerniment għammiel dwar it-trasmissjoni awtentika tal-fidi fl-illum tal-Knisja. B’mod iżjed ġenerali, fit-tagħlim ta’ Irinew id-dinjità tal-bniedem, ġisem u ruħ, hi ankrata sħiħ fil-ħolqien divin, fix-xbieha ta’ Kristu u fl-opra permanenti ta’ tqaddis mill-Ispirtu s-Santu. Dan it-tagħlim hu bħal “triq għalliema” biex niċċaraw flimkien mal-persuni kollha ta’ rieda tajba l-oġġett u l-konfini tad-djalogu fuq il-valuri, u biex nagħtu imbuttatura dejjem ġdida lill-azzjoni missjunarja tal-Knisja, lill-qawwa tal-verità, li hi l-għajn tal-valuri veri kollha tad-dinja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard