Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 27 ta’ Ottubru 2010

 

Santa Briġida tal-Iżvezja

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-velja mlewna tal-Ġublew il-Kbir tas-Sena 2000, il-Venerabbli Qaddej ta’ Alla Ġwanni Pawlu II ipproklama lil Santa Briġida tal-Iżvezja Kompatruna tal-Ewropa kollha. Dalgħodu nixtieq nippreżenta l-figura tagħha, il-messaġġ tagħha, u r-raġunijiet li għalihom din il-qaddisa mara għandha ħafna x’tgħallem – sal-lum – lill-Knisja u lid-dinja.

 

Nafuhom tajjeb il-ġrajjiet tal-ħajja ta’ Santa Briġida, għax id-diretturi spiritwali tagħha ġabru l-bijografija tagħha biex jippromovu l-proċess tal-kanonizzazzjoni tagħha dritt wara mewtha, li seħħet fl-1373. Briġida kienet twieldet sebgħin sena qabel, fl-1303, f’Finster, l-Iżvezja, pajjiż tal-Ewropa ta’ Fuq li kien ilu tliet sekli li laqa’ l-fidi Nisranija bl-istess ħeġġa li biha l-Qaddisa kienet irċevietha mingħand il-ġenituri tagħha, nies twajba ħafna, li kienu ġejjin minn familji nobbli qrib tad-Dar irjali li kienet issaltan dak iż-żmien.

 

Nistgħu niddistingwu bejn żewġ perjodi fil-ħajja ta’ din il-qaddisa.

 

L-ewwel wieħed hu kkaratterizzat mill-kundizzjoni tagħha ta’ mara fi żwieġ hieni. Żewġha kien jismu Ulf u kien gvernatur ta’ distrett importanti tas-saltna tal-Iżvezja. Iż-żwieġ dam tmienja u għoxrin sena, sal-mewt ta’ Ulf. Minnu twieldu tmint itfal, li fosthom it-tieni waħda, Karin (Katerina), hi meqjuma bħala qaddisa. Dan hu sinjal elokwenti tal-impenn edukattiv ta’ Briġida b’riżq uliedha. Mill-bqija, l-għerf pedagoġiku tagħha kien apprezzat tant li r-Re tal-Iżvezja, Magnus, sejħilha fil-qorti tiegħu għal ċertu żmien, bl-għan li jintroduċi lill-mara żagħżugħa tiegħu, Bianca ta’ Namur, għall-kultura Żvediża.

 

Briġida, iggwidata spiritwalment minn reliġjuż erudit li laqqagħha mal-istudju tal-Iskrittura, ħalliet influwenza pożittiva ħafna fuq il-familja tagħha li, grazzi għall-preżenza tagħha, saret vera “knisja tad-dar”. Flimkien ma’ żewġha, addottat ir-Regola tat-Terzjarji Franġiskani. Ipprattikat b’ġenerożità opri ta’ karità lejn min kien fqir; waqqfet ukoll sptar. Flimkien ma’ martu, Ulf tgħallem itejjeb il-karattru tiegħu u jimxi ’l quddiem fil-ħajja Nisranija. Lura minn pellegrinaġġ twil f’Santiago di Compostela, li għamlet fl-1341 flimkien ma’ membri oħra tal-familja, il-koppja kompliet timmatura l-proġett li tgħix fil-kontinenza; imma ftit taż-żmien wara, fil-kwiet ta’ monasteru fejn kien irtira, Ulf għalaq il-ħajja tiegħu fuq din l-art.

 

Dan l-ewwel perjodu fil-ħajja ta’ Briġida jgħinna napprezzaw dik li llum nistgħu nsejħulha “spiritwalità konjugali” awtentika: flimkien, il-miżżewġin Insara jistgħu jagħmlu mixja ta’ qdusija, imwieżna mill-grazzja tas-Sagrament taż-Żwieġ. Mhux darba u tnejn, proprju kif seħħ fil-ħajja ta’ Santa Briġida u ta’ Ulf, hija l-mara li bis-sensibbiltà reliġjuża tagħha, bid-delikatezza u l-ħlewwa jirnexxilha tgħin lil żewġha jimxi fit-triq tal-fidi. Qed naħseb b’sens ta’ rikonoxximent f’tant nisa li, jum wara l-ieħor, sal-lum għadhom idawlu l-familji tagħhom bix-xhieda tal-ħajja Nisranija tagħhom. Jalla l-Ispirtu tal-Mulej iqanqal anki llum il-qdusija tal-miżżewġin Insara, biex juru lid-dinja l-ġmiel taż-żwieġ meta jingħax skont il-valuri tal-Vanġelu: l-imħabba, il-ħlewwa, l-għajnuna reċiproka, it-tnissil u l-edukazzjoni għammiela tal-ulied, il-qalb miftuħa u s-solidarjetà lejn id-dinja, is-sehem fil-ħajja tal-Knisja.

 

Meta Briġida sfat armla, beda ­t-tieni perjodu ta’ ħajjitha. Ma reġgħetx iżżewġet biex setgħet tinżel iktar fil-fond tal-għaqda tagħha mal-Mulej permezz tat-talb, il-penitenza u l-opri ta’ karità. Anki r-romol Insara, allura, jistgħu jsibu f’din il-Qaddisa mudell fuqiex jimxu. Fil-fatt, Briġida, mal-mewt ta’ żewġha, waqt li qassmet ġidha lill-foqra, anki jekk qatt ma għamlet il-konsagrazzjoni reliġjuża, daħlet fil-Monasteru Ċisterċensi ta’ Alvastra. Hawn bdew ir-rivelazzjonijiet divini, li baqgħu jseħbuha għall-bqija ta’ ħajjitha. Dawn kienu ddettati minn Briġida lis-segretarji-konfessuri tagħha, li qalbuhom mil-Iżvediż għal-Latin u ġabruhom f’edizzjoni ta’ tmien kotba, intitolati Revelationes (Rivelazzjonijiet). Ma’ dawn il-kotba jiżdied suppliment, li bħala titlu allura għandu Revelationes extravagantes (Rivelazzjonijiet supplimentari).

 

Ir-Rivelazzjonijiet ta’ Santa Briġida jippreżentaw kontenut u stil li jvarjaw ħafna. Xi drabi r-rivelazzjonijiet jidhru taħt għamla ta’ djalogi bejn il-Persuni divini, il-Verġni, il-qaddisin u anki x-xjaten; djalogi li fihom anki Briġida tidħol. Imma drabi oħra għandna r-rakkont ta’ viżjoni partikulari; u f’oħrajn insibu rakkont ta’ dak li l-Verġni Marija rrivelatilha dwar il-ħajja u l-misteri ta’ Binha. Il-valur tar-Rivelazzjonijiet ta’ Santa Briġida, li xi drabi kienu oġġett ta’ xi dubju, ġie ppreċiżat mill-Venerabbli Ġwanni Pawlu II fl-Ittra Spes ædificandi: “Waqt li tagħraf il-qdusija ta’ Briġida, il-Knisja, imqar jekk ma tippronunzjax ruħha fuq kull rivelazzjoni, tilqa’ l-awtentiċità kumplessiva tal-esperjenza interjuri tagħha” (n. 5).

 

Fil-fatt, meta naqraw dawn ir-Rivelazzjonijiet inħossuna sfidati fuq ħafna temi importanti. Ngħidu aħna, spiss insibu d-deskrizzjoni, b’dettalji pjuttost realistiċi, tal-Passjoni ta’ Kristu, li lejha Briġida sa minn dejjem kellha devozzjoni pprivileġġjata, għax fiha kienet tikkontempla l-imħabba bla tarf ta’ Alla għall-bnedmin. Fuq fomm il-Mulej li jkellimha, hi tqiegħed bil-kuraġġ dawn il-kelmiet imqanqla: “O ħbieb tiegħi, jiena nħobb bi ħlewwa hekk kbira lin-nagħġiet tiegħi li, kieku kien possibbli, nixtieq immut tant drabi oħra, għal kull waħda minnhom, b’dik l-istess mewt li sofrejt għall-fidwa tagħhom kollha” (Revelationes, Ktieb I, c. 59). Anki l-maternità doloruża ta’ Marija, li għamlitha Medjatriċi u Omm tal-ħniena, hija argument li spiss insibuh fir-Rivelazzjonijiet.

 

B’dawk il-kariżmi li rċiviet, Briġida kienet konxja li hi kienet destinatarja ta’ preferenza kbira min-naħa tal-Mulej: “Binti”, naqraw fl-ewwel ktieb tar-Rivelazzjonijiet, “jiena għażiltek għalija, ħobbni b’qalbek kollha… iktar minn dak kollu li jeżisti fid-dinja” (c. 1). Mill-bqija, Briġida kienet taf tajjeb, u kienet konvinta bil-kbir minn dan, li kull kariżma hi ddestinata biex tibni lill-Knisja. Proprju għalhekk, mhux waħda u tnejn mir-rivelazzjonijiet tagħha kienu indirizzati, f’għamla ta’ twissijiet anki ibsin, lejn l-Insara ta’ żmienha, inklużi l-Awtoritajiet reliġjużi u politiċi, biex jgħixu b’mod koerenti l-ħajja tal-fidi tagħhom; imma dan dejjem kienet tagħmlu b’atteġġjament ta’ rispett u ta’ fedeltà sħiħa lejn il-Maġisteru tal-Knisja, b’mod partikulari lejn is-Suċċessur tal-Appostlu Pietru.

 

Fl-1349, Briġida ħalliet darba għal dejjem l-Iżvezja u marret pellegrinaġġ Ruma. Mhux biss riedet tieħu sehem fil-Ġublew tal-1350, imma xtaqet ukoll tikseb mingħand il-Papa l-approvazzjoni tar-Regola ta’ Ordni reliġjuż li kellha fi ħsiebha twaqqaf, imsemmi għas-Santissmu Salvatur, u magħmul minn monaċi rġiel u nisa taħt l-awtorità tal-badessa. Dan l-element m’għandux għax jiskantana: fil-Medjuevu kienu jeżistu fondazzjonijiet monastiċi b’fergħa maskili u fergħa femminili, imma bil-prattika tal-istess regola waħda monastika, li kienet tipprevedi t-tmexxija tal-Badessa. Fil-fatt, fit-tradizzjoni kbira Nisranija, il-mara għandha d-dinjità tagħha, u – dejjem fuq l-eżempju ta’ Marija, Sultana tal-Appostli – il-post tagħha fil-Knisja, li, mingħajr ma jaħbat mas-saċerdozju ordnat, hu daqstant ieħor importanti għall-maturazzjoni spiritwali tal-Komunità. Barra minn hekk, il-kollaborazzjoni tal-ikkonsagrati rġiel u nisa flimkien, dejjem f’rispett lejn il-vokazzjoni speċifika tagħhom, qed terġa’ tikseb importanza kbira fid-dinja tal-lum.

 

F’Ruma, fil-kumpanija ta’ bintha Karin, Briġida nxteħtet għal ħajja ta’ appostolat intens u ta’ talb. U minn Ruma marret pellegrinaġġ f’diversi santwarji Taljani, b’mod partikulari f’Assisi, il-belt ta’ San Franġisk, li lejh Briġida minn dejjem kellha devozzjoni kbira. Fl-aħħar, fl-1371, inkurunat l-akbar xewqa tagħha: il-vjaġġ fl-Art Imqaddsa, fejn marret flimkien mal-ulied spiritwali tagħha, grupp li Briġida sejħet “il-ħbieb ta’ Alla”.

 

F’dawk is-snin, il-Papiet kienu f’Avignon, bogħod minn Ruma: Briġida b’qalbha maqsuma kienet iddur fuqhom titlobhom biex jirritornaw fis-sede ta’ Pietru, fil-Belt Eterna.

 

Mietet fl-1373, qabel ma l-Papa Girgor XI laħaq reġa’ lura għalkollox f’Ruma. Ġiet midfuna għal ftit żmien fil-Knisja Rumana ta’ San Lawrenz f’Panisperna, imma fl-1374 uliedha Birger u Karin ħaduha lura f’art twelidha, fil-Monasteru ta’ Vadstena, sede tal-Ordni reliġjuż imwaqqaf minn Santa Briġida, li malajr beda jikber qatigħ. Fl-1391 il-Papa Bonifaċju IX ikkanonizzaha solennement.

 

Il-qdusija ta’ Briġida, ikkaratterizzata mill-kotra tad-doni u tal-esperjenzi li xtaqt infakkar f’dan il-profil bijografiku-spiritwali qasir tagħha, tagħmel minnha figura eminenti fl-istorja tal-Ewropa. Bint l-Iskandinavja, Santa Briġida tagħti xhieda ta’ kif il-Kristjaneżmu nifed bis-sħiħ fil-ħajja tal-popli kollha ta’ dan il-Kontinent. Meta ddikjaraha Kompatruna tal-Ewropa, il-Papa Ġwanni Pawlu II awgura li Santa Briġida – li għexet fis-seklu 14, meta l-Kristjaneżmu tal-Punent kien għadu ma safax midrub mill-firda – tinterċedi bil-qawwa quddiem Alla, biex tiksbilna l-grazzja tant mixtieqa tal-għaqda sħiħa tal-Insara kollha. Skont din l-istess fehma, li hi tant għal qalbna, u biex l-Ewropa tagħraf dejjem tixrob mill-għeruq Insara tagħha, nixtiequ nitolbu, għeżież ħuti, aħna u nsejħu l-interċessjoni qawwija ta’ Santa Briġida tal-Iżvezja, dixxiplu fidil ta’ Alla u Kompatruna tal-Ewropa. Grazzi tal-attenzjoni.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard