Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 27 ta’ Mejju 2009

 

San Teodoru Studita

 

Għeżież ħuti,

 

Il-qaddis li qed niltaqgħu miegħu llum, San Teodoru Studita, jeħodna fil-qalba tal-Medjuevu Biżantin, f’perjodu pjuttost imqalleb mill-perspettiva reliġjuża u politika. San Teodoru twieled fis-sena 759 f’familja nobbli u devota: ommu, Teoktista, u ziju tiegħu, Platun, Abbati tal-Monasteru ta’ Sakkudion fil-Bitinja, huma meqjuma bħala qaddisin. Kien proprju zijuh li orjentah lejn il-ħajja monastika, li hu ħaddan fl-età ta’ 22 sena. Ġie ordnat saċerdot mill-Patrijarka Tarasju, imma mbagħad kiser il-komunjoni miegħu minħabba fid-dgħufija li wera fil-każ taż-żwieġ adulteru tal-Imperatur Kostantinu VI. Il-konsegwenza kienet l-eżilju ta’ Teodoru, fis-sena 796, lejn Tessalonika. Ir-rikonċiljazzjoni mal-awtorità imperjali seħħet is-sena ta’ wara taħt l-Imperatriċi Irene, li t-tjieba tagħha wasslet lil Teodoru u Platun biex jittrasferixxu ruħhom għall-Monasteru urban ta’ Studios, flimkien mal-parti l-kbira tal-komunità tal-monaċi ta’ Sakkudion, biex jevitaw il-ħbit tas-Saraċini. Hekk bdiet isseħħ ir-“riforma Studita” tant importanti.

 

Madankollu, il-ħajja personali ta’ Teodoru baqgħet waħda movimentata. Bl-enerġija tiegħu tas-soltu, sar il-kap tar-reżistenza kontra l-ikonoklażmu ta’ Ljun V l-Armen, li mill-ġdid kien ħadha kontra l-eżistenza tax-xbihat u l-ikoni fil-Knisja. Il-purċissjoni ta’ ikoni organizzata mill-monaċi ta’ Studios qajmet reazzjoni min-naħa tal-pulizija. Bejn it-815 u t-821, Teodoru ġie msawwat, mixħut il-ħabs u eżiljat f’diversi postijiet tal-Asja Minuri. Fl-aħħar seta’ jerġa’ lura Kostantinopli, imma mhux fil-monasteru tiegħu. Allura hu mar jgħix mal-monaċi tiegħu fuq in-naħa l-oħra tal-Bosforu. Milli jidher, miet f’Prinkipo, fil-11 ta’ Novembru 826, il-jum li fih hu mfakkar fil-kalendarju Biżantin. Teodoru spikka fl-istorja tal-Knisja bħala wieħed mill-akbar riformaturi tal-ħajja monastika u anki bħala difensur tax-xbihat imqaddsa tul it-tieni fażi tal-ikonoklażmu, id f’id mal-Patrijarka ta’ Kostantinopli, San Niċeforu. Teodoru kien fehem li l-kwistjoni tal-qima tal-ikoni kienet iddur mal-istess verità tal-Inkarnazzjoni. Fit-tliet kotba tiegħu Antirretikoi (Konfutazzjonijiet), Teodoru jqabbel ma’ xulxin ir-relazzjonijiet eterni bejn il-Persuni tat-Trinità, fejn l-eżistenza ta’ kull Persuna divina ma teqridx l-għaqda, u r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naturi ta’ Kristu, li ma jikkompromettux, fih, il-Persuna waħdanija tal-Logos. U jargumenta: jekk neqirdu l-qima tal-ikona ta’ Kristu nkunu nħassru l-istess opra tiegħu tal-fidwa, ladarba, meta ħa n-natura umana, il-Verb etern li ma jidhirx, deher fil-ġisem ta’ bniedem li narawh u b’dan il-mod qaddes il-kożmu kollu li jidher. L-ikoni, imqaddsin mill-barka liturġika u mit-talbiet tal-fidili, jgħaqqduna mal-Persuna ta’ Kristu, mal-qaddisin tiegħu u, permezz tagħhom, mal-Missier tas-Sema, u jagħtu xhieda ta’ kif ir-realtà divina tidħol fil-kożmu tagħna, viżibbli u materjali.

 

Lil Teodoru u l-monaċi tiegħu, xhieda ta’ kuraġġ fi żmien il-persekuzzjonijiet ikonoklasti, ma tistax tifridhom mir-riforma tal-ħajja ċenobitika fid-dinja Biżantina. L-importanza tagħhom diġà hi kbira minħabba ċirkustanza esterna: in-numru. Waqt li l-monasteri ta’ dak iż-żmien ma kinux jaqbżu t-tletin jew erbgħin monaku, mill-Ħajja ta’ Teodoru nafu li kumplessivament kien hemm iżjed minn elf monaku Studita. Teodoru nnifsu jgħarrafna bil-preżenza fil-monasteru tiegħu ta’ madwar 300 monaku; allura qed naraw l-entużjażmu tal-fidi li twieldet fil-kuntest ta’ dan il-bniedem tassew infurmat u ffurmat mill-istess fidi. Madankollu, iżjed min-numru, deher kemm kien influwenti l-ispirtu ġdid li l-fundatur qiegħed fil-ħajja ċenobitika. Fil-kitbiet tiegħu hu jisħaq fuq l-urġenza ta’ ritorn konxju lejn it-tagħlim tal-Missirijiet, fuq kollox ta’ San Bażilju, l-ewwel leġislatur tal-ħajja monastika u lejn San Dorotew ta’ Gaza, missier spiritwali famuż tad-deżert Palestinjan. Is-sehem karatteristiku li ta Teodoru jikkonsisti fl-insistenza tiegħu fuq il-ħtieġa tal-ordni u tas-sottomissjoni min-naħa tal-monaċi. Matul il-persekuzzjonijiet dawn kienu xterdu, u draw jgħixu kull wieħed skont kif jifhimha hu. Issa li kien possibbli jerġgħu jibnu l-ħajja komuni, kien meħtieġ li jħabirku biex jerġgħu jagħmlu mill-monasteru komunità vera organika, familja vera jew, kif jgħid hu, veru “Ġisem ta’ Kristu”. F’komunità bħal din isseħħ konkretement ir-realtà tal-Knisja bħala għaqda waħda flimkien.

 

Konvinzjoni oħra profonda li kellu Teodoru kienet din: il-monaċi, b’differenza mil-lajċi, jieħdu l-impenn li josservaw id-dmirijiet Insara b’serjetà u intensità ikbar. Għalhekk huma jistqarru professjoni speċjali, li hi tal-hagiasmata (konsagrazzjonijiet), u hi kważi “magħmudija ġdida”, li tagħha l-vestizzjoni hija simbolu. Karatteristika tal-monaċi, imma, b’differenza mil-lajċi, hi l-impenn tal-faqar, tal-kastità u tal-ubbidjenza. Lill-monaċi Teodoru jkellimhom b’mod konkret, xi drabi kważi pittoresk, dwar il-faqar, imma dan fid-dixxipulat ta’ Kristu hu sa mill-bidu element essenzjali tal-monakiżmu u jindika wkoll triq għalina lkoll. Iċ-ċaħda tal-proprjetà privata, din il-libertà mill-ħwejjeġ materjali, kif ukoll is-sobrjetà u s-sempliċità jgħoddu b’mod radikali biss għall-monaċi, imma l-ispirtu ta’ din iċ-ċaħda huwa l-istess għal kulħadd. Fil-fatt ma għandniex niddependu mill-proprjetà materjali, imma għandna nitgħallmu ċ-ċaħda, is-sempliċità, l-awsterità u s-sobrjetà. Hekk biss tista’ tikber soċjetà solidali u tista’ tingħeleb il-problema kbira tal-faqar ta’ din id-dinja. Għalhekk f’dan is-sens is-sinjal radikali tal-monaċi foqra jindika sostanzjalment ukoll triq għalina lkoll. Meta mbagħad juri t-tentazzjoni kontra l-kastità, Teodoru ma jaħbix l-esperjenza tiegħu u juri kif hemm mixja ta’ taqbid ġewwieni biex wieħed isib il-ħakma fuqu nnifsu u għalhekk ir-rispett għal ġisimna u għal dak tal-oħrajn bħala tempju ta’ Alla.

 

Imma ċ-ċaħdiet prinċipali huma għalih dawk li titlob l-ubbidjenza, għax kull wieħed mill-monaċi għandu l-mod tiegħu ta’ kif jgħix, u li jkun parti minn komunità kbira ta’ 300 monaku jimplika tassew xejra ġdida ta’ ħajja, li hu jsejħilha l-“martirju tas-sottomissjoni”. Anki hawn il-monaċi jagħtu biss eżempju ta’ dak li hu meħtieġ għalina stess, għax, wara d-dnub oriġinali, it-tendenza tal-bniedem hi li jagħmel dak li jrid hu, l-ewwel prinċipju hu l-ħajja tad-dinja, il-bqija kollu hu sottomess għar-rieda tiegħu. Imma b’dan il-mod, jekk kulħadd jimxi biss warajh innifsu, it-tessut soċjali ma jistax jiffunzjona. Huwa biss jekk nitgħallmu nkunu parti mil-libertà komuni, naqsmu u nissottomettu ruħna għaliha, nitgħallmu l-legalità, jiġifieri s-sottimissjoni u l-ubbidjenza għar-regoli tal-ġid komuni u tal-ħajja komuni, li tista’ titfejjaq is-soċjetà kif ukoll ll-istess jien tas-suppervja li nkunu fiċ-ċentru tad-dinja. Hekk San Teodoru lill-monaċi tiegħu u żgur mhux forsi lilna wkoll, b’introspezzjoni fina, jgħinna nifhmu l-ħajja vera, nirreżistu għat-tentazzjoni li nqiegħdu r-rieda tagħna bħala l-ogħla regola tal-ħajja, u nikkonservaw l-identità personali vera – li hi dejjem identità flimkien mal-oħrajn – u l-paċi tal-qalb.

 

Għal Teodoru Studita virtù importanti daqs l-ubbidjenza u l-umiltà hi l-philergia, jiġifieri l-imħabba għax-xogħol, li fiha hu jara kriterju biex wieħed jagħraf il-kwalità tad-devozzjoni personali: hu jargumenta li dak li hu mħeġġeġ fl-impenji materjali, li jaħdem b’mod assidwu, ikun hekk ukoll fil-ħwejjeġ spiritwali. Allura ma jippermettix li, taħt il-pretest tat-talb u tal-kontemplazzjoni, il-monaku jipprova jeħles mix-xogħol, imqar mix-xogħol tal-idejn, li fir-realtà hu, skontu u skont it-tradizzjoni monastika kollha, il-mezz biex wieħed isib lil Alla. Teodoru ma jibżax jitkellem fuq ix-xogħol bħala “sagrifiċċju tal-monaku”, il-“liturġija” tiegħu, saħansitra għamla ta’ Quddiesa li permezz tagħha l-ħajja monastika ssir ħajja anġelika. U proprju hekk id-dinja tax-xogħol tiġi umanizzata u l-bniedem bix-xogħol isir iżjed hu nnifsu, iżjed qrib ta’ Alla. Hemm konsegwenza ta’ din il-viżjoni unika li jixirqilha nfakkruha: proprju għax il-frott ta’ għamla ta’ “liturġija” bħal din, l-għana li wieħed jikseb mix-xogħol komuni, ma għandux iservi għall-kumdità tal-monaċi, imma hu ddestinat għall-għajnuna tal-foqra. Hawn ilkoll nistgħu nifhmu l-ħtieġa li l-frott tax-xogħol jissarraf f’ġid għal kulħadd. Ovvjament, ix-xogħol tal-“Istuditi” ma kienx biss tal-idejn: huma kellhom importanza kbira fl-iżvilupp reliġjuż-kulturali taċ-ċiviltà Biżantina bħala kalligrafi, pitturi, poeti, edukaturi taż-żgħażagħ, mgħallma tal-iskejjel, bibljotekarji.

 

Imqar jekk eżerċita attività esterna l-aktar vasta, Teodoru ma ħalla xejn jaljenah minn dak li kien iqis strettament attinenti għall-funzjoni tiegħu ta’ superjur: li jkun il-missier spiritwali tal-monaċi tiegħu. Hu kien jaf x’influwenza deċiżiva kellhom f’ħajtu kemm it-twajba ommu u kemm iz-ziju qaddis Platun, li hu stess kien isejjaħlu bit-titlu sinifikattiv ta’ “missier”. Għalhekk mal-monaċi tiegħu kien jeżerċita d-direzzjoni spiritwali. Ta’ kuljum, jgħid il-bijografu tiegħu, wara t-talba ta’ filgħaxija kien jintasab quddiem l-ikonostasi biex jisma’ x’kellu x’jgħidlu kulħadd. Kien ukoll jagħti pariri spiritwali lil ħafna persuni barra mill-istess monasteru. It-Testment spiritwali u l-Ittri jixħtu dawl importanti fuq dan il-karattru tiegħu miftuħ u kollu mħabba, u juru kif mill-paternità tiegħu twieldu ħbiberiji spiritwali veri fil-qasam monastiku u anki ’l barra minnu.

 

Ir-Regola, magħrufa bl-isem ta’ Hypotyposis, ikkodifikata ftit wara l-mewt ta’ Teodoru, ġiet addottata, b’xi modifiki, fuq il-Muntanja Athos, meta fis-sena 962 Sant’Atanasju Athonita waqqaf fuqha l-Lavra l-Kbira, u fir-Rus’ ta’ Kiev, meta fil-bidu tat-tieni millennju San Teodosju introduċieha fil-Lavra tal-Grotti. Mifhuma fis-sinifikat ġenwin tagħha, ir-Regola hi tabilħaqq attwali. Illum hemm ħafna kurrenti li qed jheddu l-għaqda tal-fidi komuni u jimbuttaw lejn għamla ta’ individwaliżmu spiritwali perikoluż u ta’ suppervja spiritwali. Hemm bżonn nimpenjaw ruħna biex niddefendu u nkabbru l-għaqda perfetta tal-Ġisem ta’ Kristu, li fih jistgħu jintisġu f’armonija l-paċi tal-ordni u r-relazzjonijiet personali sinċieri fl-Ispirtu.

 

Forsi jkun utli jekk fl-aħħar nerġgħu naqbdu xi elementi prinċipali tad-duttrina spiritwali ta’ Teodoru. Imħabba lejn il-Mulej inkarnat u lejn il-viżibbiltà tiegħu fil-Liturġija u fl-ikoni. Fedeltà għall-Magħmudija u impenn biex wieħed jgħix fil-komunjoni tal-Ġisem ta’ Kristu, mifhuma anki bħala komunjoni tal-Insara bejniethom. Spirtu ta’ faqar, ta’ sobrjetà, ta’ ċaħda; kastità, ħakma fuqna nfusna, umiltà u ubbidjenza kontra l-primat tar-rieda tagħna, li jeqred it-tessut soċjali u l-paċi tal-erwieħ. Imħabba għax-xogħol materjali u spiritwali. Ħbiberija spiritwali mwielda mill-purifikazzjoni tal-kuxjenza tagħna, ta’ ruħna, ta’ ħajjitna. Infittxu li nimxu skont dan it-tagħlim li tassew jurina t-triq tal-ħajja vera.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard