Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 26 ta’ Settembru 2007

 

San Ġwann Kriżostmu

II: Is-snin f’Kostantinopli

 

Għeżież ħuti,

 

Inkomplu llum bir-riflessjoni tagħna fuq San Ġwann Kriżostmu. Wara l-perjodu li qatta’ f’Antjokja, fit-397 hu ġie maħtur Isqof ta’ Kostantinopli, il-kapitali tal-Imperu Ruman tal-Lvant. Sa mill-bidu, Ġwanni fassal ir-riforma tal-Knisja tiegħu: l-awsterità tal-palazz episkopali kellha tkun eżempju għal kulħadd – kleru, romol, monaċi, persuni tal-qorti u nies għonja. Madankollu, mhux ftit minn dawk, milquta mill-ġudizzji tiegħu, tbiegħdu minnu. B’għożża għall-foqra, Ġwanni ġie msejjaħ ukoll “l-Elemożinier”. Bħala amministratur attent, fil-fatt, kien irnexxielu joħloq istituzzjonijiet karitattivi apprezzati ferm. Il-ħidma tiegħu fid-diversi oqsma pinġietu bħala għadu perikoluż f’għajnejn xi wħud. Madankollu, ta’ Ragħaj veru li kien, hu kien jittratta lil kulħadd b’rispett u mħabba ta’ missier. B’mod partikulari, kellu dejjem kliem ta’ ħlewwa għall-persuna tal-mara u għożża speċjali għaż-żwieġ u l-familja. Kien jistieden lill-fidili jieħdu sehem fil-ħajja liturġika, li bil-kreattività ġenjali tiegħu hu kompla sebbaħha u għamilha aktar attraenti.

 

Minkejja l-qalb tajba tiegħu, ma kellux ħajja kwieta. Ragħaj tal-kapitali tal-Imperu, spiss sab ruħu mdaħħal fi kwistjonijiet u intriċċi politiċi, minħabba r-relazzjonijiet kontinwi tiegħu mal-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet ċivili. Fuq livell ekkleżjastiku, imbagħad, billi fl-401 fl-Asja kien neħħa sitt Isqfijiet maħtura bla ma kien jixirqilhom, ġie mixli li rifes barra mill-ġurisdizzjoni tiegħu, u allura sar mira ta’ akkużi faċli. Pretest ieħor kontrih kienet il-preżenza ta’ xi monaċi Eġizzjani, skomunikati mill-Patrijarka Teofilu ta’ Lixandra u li sabu kenn f’Kostantinopli. Polemika qawwija mbagħad nibtet mill-kritika li għamel il-Kriżostmu lill-Imperatriċi Ewdossja u n-nisa tal-qorti tagħha, li rreaġixxew billi ppruvaw jiskreditawh u jgħajruh. Dan allura wassal għat-tneħħija tiegħu, fis-sinodu organizzat mill-istess Patrijarka Teofilu fl-403, u mbagħad għall-kundanna għall-ewwel eżilju qasir tiegħu. Wara li rritorna, l-ostilità li kien qanqal kontrih bil-protesta tiegħu kontra l-festi f’ġieħ l-imperatriċi – li l-Isqof kien iqishom bħala festi pagani, wisq lussużi –, u t-tkeċċija tal-presbiteri inkarigati mill-Magħmudijiet fil-Velja tal-Għid tal-404, immarkaw il-bidu tal-persekuzzjoni tal-Kriżostmu u tas-segwaċi tiegħu, l-hekk imsejħa “Ġwanniti”.

 

Hawn Ġwanni rrapporta dawn il-fatti f’ittra lill-Isqof ta’ Ruma, Innoċenz I. Imma kien diġà tard wisq. Fis-sena 406 kellu mill-ġdid imur fl-eżilju, din id-darba f’Cucuso, fl-Armenja. Il-Papa kien konvint mill-innoċenza tiegħu, imma ma kellux is-setgħa li jgħinu. Konċilju, mixtieq minn Ruma għal paċifikazzjoni bejn iż-żewġ partijiet tal-Imperu u bejn il-Knejjes tagħhom, ma setax iseħħ. L-ispostament iebes minn Cucuso lejn Pytius, destinazzjoni li qatt ma wasal fiha, kien maħsub biex iżomm lill-fidili milli jżuruh u jfarrak ir-reżistenza min-naħa tal-eżiljat sfinit: il-kundanna għall-eżilju kienet vera kundanna għall-mewt! Huma kommoventi l-għadd ta’ ittri mill-eżilju, fejn Ġwanni jaqsam it-tħassib pastorali tiegħu b’aċċenti ta’ parteċipazzjoni u ta’ swied il-qalb għall-persekuzzjonijiet kontra s-segwaċi tiegħu. Il-mixja lejn il-mewt waqfet f’Comana fil-Pontu. Hawn Ġwanni moribond ittieħed fil-kappella tal-martri San Bażilisku, fejn radd in-nifs tiegħu lil Alla u ġie midfun, martri ħdejn il-martri (Pallidju, Ħajja 119). Kienu l-14 ta’ Settembru 407, Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib imqaddes. Ir-riabilitazzjoni seħħet fl-438 ma’ Teodosju II. Ir-relikwi tal-Isqof qaddis, imqiegħda fil-Knisja tal-Appostli f’Kostantinopli, imbagħad fl-1204 ġew meħuda lejn Ruma, fil-Bażilika bikrija Kostantinjana, u llum jinsabu fil-Kappella tal-Kor tal-Kanonċi tal-Bażilika ta’ San Pietru. Fl-24 ta’ Awwissu 2004 parti importanti minnhom ġiet mogħtija mill-Papa Ġwanni Pawlu II lill-Patrijarka Bartilmew I ta’ Kostantinopli. It-Tifkira liturġika tal-Qaddis tiġi ċċelebrata fit-13 ta’ Settembru. Il-Beatu Ġwanni XXIII ipproklamah Patrun tal-Konċilju Vatikan II.

 

Dwar Ġwanni Kriżostmu ngħad li, meta poġġa fuq it-tron ta’ Ruma l-Ġdida, jiġifieri ta’ Kostantinopli, Alla wera fih Pawlu ieħor, duttur tal-Univers. Fir-realtà, fil-Kriżostmu hemm għaqda sostanzjali ta’ ħsieb u ta’ azzjoni f’Antjokja kif ukoll f’Kostantinopli. Jinbidlu biss ir-rwol u s-sitwazzjonijiet. Huwa u jimmedita fuq it-tmien opri ta’ Alla fis-sekwenza tas-sitt ijiem fil-kummentarju għall-Ġenesi, il-Kriżostmu jrid iwassal lill-fidili mill-ħolqien għal għand il-Ħallieq. “Hu ta’ ġid kbir”, jgħidilna, “li nkunu nafu min hi l-ħlejqa u min hu l-Ħallieq”. Hu jurina l-ġmiel tal-ħolqien u t-trasparenza ta’ Alla fil-ħolqien tiegħu, li hekk isir kważi “sellum” biex nitilgħu għal għand Alla, biex insiru nafuh. Imma ma’ dan l-ewwel pass jiżdied it-tieni wieħed: dan Alla ħallieq huwa wkoll Alla tal-kondixxendenza (synkatábasis). Aħna wisq dgħajfin biex “nitilgħu”, għajnejna huma dgħajfa. U hekk Alla jsir Alla tal-kondixxendenza, li lill-bniedem li waqa’ u spiċċa barrani, jibgħatlu ittra, l-Iskrittura Mqaddsa, u hekk il-ħolqien u l-Iskrittura jikkumplimentaw lil xulxin. Fid-dawl tal-Iskrittura, tal-ittra li tana Alla, nisgħu nifhmu l-ħolqien. Alla hu msejjaħ “missier twajjeb” (philostórghios) (ibid.), tabib tar-ruħ (Omelija 40,3 fuq il-Ġenesi), omm (ibid.) u ħabib tal-qalb (Il-providenza 8,11-12). Imma ma’ dan it-tieni pass – l-ewwel hu l-ħolqien bħala “sellum” lejn Alla u mbagħad il-kondixxendenza ta’ Alla permezz ta’ ittra li tana, l-Iskrittura Mqaddsa – jiżdied it-tielet pass. Alla mhux biss jibgħatilna ittra: fl-aħħar mill-aħħar, jinżel hu stess, jinkarna, isir tassew “Alla magħna”, ħuna sal-mewt fuq is-Salib. U ma’ dawn it-tliet passi – Alla li jidher fil-ħolqien, Alla li jagħtina ittra tiegħu, Alla li jinżel u jsir wieħed minna – fl-aħħar jiżdied ir-raba’ pass. Fil-ħajja u fl-azzjoni tan-Nisrani, il-prinċipju essenzjali li jagħti l-ħajja huwa l-Ispirtu s-Santu (Pneuma), li jibdel ir-realtajiet tad-dinja. Alla jidħol fl-istess ħajja tagħna permezz tal-Ispirtu s-Santu u jibdlilna qalbna minn ġewwa.

 

F’dan l-isfond, proprju f’Kostantinopli Ġwanni, fil-kummentarju kontinwu tiegħu għall-Atti tal-Appostlu, jipproponi l-esperjenza tal-Knisja tal-bidu (Atti 4:32-37) bħala mudell għas-soċjetà, u jiżviluppa “utopija” soċjali (kważi “belt ideali”). Fil-fatt hu ried jagħti lill-belt ruħ u wiċċ Nisrani. Fi kliem ieħor, il-Kriżostmu fehem li mhux biżżejjed tagħmel karità, tgħin lill-foqra kull tant u tant, imma hu meħtieġ li noħolqu struttura ġdida, mudell ġdid ta’ soċjetà: mudell imsejjes fuq il-perspettiva tat-Testment il-Ġdid. Hija s-soċjetà ġdida li tidher fil-Knisja bikrija. Għalhekk Ġwanni Kriżostmu jsir tassew wieħed mill-Missirijiet kbar tat-Tagħlim soċjali tal-Knisja: l-idea antika tal-“polis” Griega issa teħdilha postha idea ġdida ta’ belt imnebbħa mill-fidi Nisranija. Il-Kriżostmu flimkien ma’ Pawlu (ara 1 Kor 8:11) ried jisħaq fuq il-primat ta’ kull individwu Nisrani, tal-persuna bħala tali, anki tal-ilsir u tal-fqir. Il-pjan tiegħu allura jsewwi l-viżjoni tradizzjonali Griega tal-“polis”, tal-belt, fejn faxex sħaħ tal-popolazzjoni kienu esklużi mid-drittijiet ta’ ċittadinanza, meta fil-belt Nisranija kulħadd hu aħwa b’jeddijiet indaqs. Il-primat tal-persuna huwa wkoll il-konsegwenza tal-fatt li tassew minnha rridu nibdew biex nibnu l-belt, waqt li fil-“polis” Griega l-patrija kienet ’il fuq mill-individwu, li kien subordinat għalkollox għall-belt fil-ġabra tagħha flimkien. Hekk mal-Kriżostmu tibda l-viżjoni ta’ soċjetà mibnija mill-kuxjenza Nisranija. U hu jgħidilna li l-“polis” tagħna hija oħra, “pajjiżna fis-sema” (Fil 3:20) u din il-patrija tagħna tagħmilna lkoll indaqs, aħwa, anki fuq din l-art, u tobbligana għas-solidarjetà.

 

Fi tmiem ħajtu, mill-eżilju fil-konfini mal-Armenja, “l-aktar post imbiegħed tad-dinja”, Ġwanni, huwa u jorbot mal-ewwel predikazzjoni tiegħu tat-386, jerġa’ jaqbad it-tema għażiża għalih tal-pjan li Alla għandu għall-bnedmin: huwa pjan “li la tista’ tfissru u lanqas tifhmu”, imma żgur hu mmexxi minnu bi mħabba (ara Il-providenza 2,6). Din hija ċ-ċertezza tagħna. Imqar jekk ma nistgħux nifhmu d-dettalji tal-istorja personali u kollettiva tagħna, nafu li l-pjan ta’ Alla hu dejjem imnebbaħ minn imħabbtu. Hekk, minkejja t-tbatijiet tiegħu, il-Kriżostmu reġa’ afferma l-iskoperta li Alla jħobb lil kull wieħed u waħda minna bi mħabba bla tarf, u għalhekk irid is-salvazzjoni ta’ kulħadd. Min-naħa tiegħu, l-Isqof qaddis ikkopera ma’ din is-salvazzjoni b’ġenerożità, mingħajr ma żamm xejn għalih, tul ħajtu kollha. Fil-fatt kien iqis bħala l-aħħar għan ta’ ħajtu dak li jagħti glorja lil Alla, li – issa fuq is-sodda tal-mewt – ħallielna bħala l-aħħar testment tiegħu: “Glorja lil Alla għal kollox!” (Pallidju, Ħajja 11).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard