Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Palazz Appostoliku ta’ Castel Gandolfo

L-Erbgħa 25 ta’ Awwissu 2010

 

Santu Wistin

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna hemm persuni għeżież ħafna, li nħossuhom partikularment qrib tagħna, xi wħud diġà jinsabu f’dirgħajn Alla, oħrajn għadhom jaqsmu magħna l-mixja tal-ħajja: huma l-ġenituri tagħna, il-qraba, l-edukaturi; huma persuni li għamilnielhom il-ġid jew li minnhom rajna ħafna ġid; huma persuni li nafu li nistgħu nserrħu fuqhom. Imma importanti li jkollna wkoll “sieħba fil-vjaġġ” tul il-mixja tal-ħajja Nisranija tagħna: qed jiġuni f’moħħi d-Direttur spiritwali, il-Konfessur, persuni li magħhom nistgħu naqsmu l-esperjenza tagħna tal-fidi, imma qed naħseb ukoll fil-Verġni Marija u fil-Qaddisin. Kull wieħed u waħda minna għandu jkollu xi qaddis li jkun familjari miegħu, biex iħossu qrib tiegħu bit-talb u l-interċessjoni, imma anki biex jimitah. Għaldaqstant, nixtieq nistedinkom issiru tafu iktar lill-qaddisin, ibda minn dak li tiegħu ġġorru l-isem, billi taqraw il-ħajja tagħhom, il-kitbiet tagħhom. Ibqgħu ċerti li jsiru gwidi tajbin għalikom biex tħobbu iżjed lill-Mulej u għajnuna valida għall-maturazzjoni umana u Nisranija tagħkom.

 

Kif tafu, jiena wkoll inħossni marbut b’mod speċjali ma’ xi figuri ta’ qaddisin: fost dawn, barra San Ġużepp u San Benedittu li nġorr isimhom, u ma’ oħrajn, hemm Santu Wistin, li kelli d-don kbir li nsir nafu, biex ngħidu hekk, mill-qrib permezz tal-istudju u t-talb, u li sar “ħabib tal-vjaġġ” mill-aqwa fil-ħajja tiegħi u fil-ministeru tiegħi. Nixtieq nisħaq mill-ġdid fuq aspett importanti tal-esperjenza umana u Nisranija tiegħu, attwali wkoll fi żmienna fejn donnu r-relattiviżmu paradossalment sar il-“verità” li għandha tmexxi l-ħsieb, l-għażliet, l-imġiba.

 

Santu Wistin hu bniedem li qatt ma għex b’superfiċjalità; l-għatx tiegħu, it-tiftix bla kwiet u kontinwu tal-Verità huma waħda mill-aqwa karatteristiċi ta’ ħajtu; imma mhux tal-“psewdo-veritajiet” li mhumiex kapaċi jagħtu paċi fit-tul lill-qalb, imma ta’ dik il-Verità li tagħti sens lill-ħajja u hija “l-għamara” fejn il-qalb issib serħan u hena. Nafu li dik tiegħu ma kinitx mixja ħafifa: ħaseb li kien se jiltaqa’ mal-Verità fil-prestiġju, fil-karriera, fil-pussess tal-ġid, f’dawk li kienu qed iwegħduh ferħ immedjat; għamel żbalji, għadda minn niket, affronta fallimenti, imma qatt ma waqaf, qatt ma kkuntenta b’dak li kien jagħtih biss xrara ta’ dawl; għaraf jgħarrex fil-ġewwieni tiegħu nnifsu u ntebaħ, kif jikteb fl-Istqarrijiet, li dik il-Verità, dak Alla li lilu kien qed ifittex b’saħħtu kollha, kien iktar qrib tiegħu minnu nnifsu, dejjem kien miegħu, qatt ma kien telqu, u kien qed jistenna li jħallih jidħol għal dejjem f’ħajtu (ara III, 6, 11; X, 27, 38). Kif għidt f’kumment dwar il-film riċenti fuq ħajtu, Santu Wistin fehem, fit-tiftix bla kwiet tiegħu, li mhux hu kien li sab il-Verità, imma l-Verità nfisha, li hu Alla, ġriet warajh u sabitu (ara L’Osservatore Romano, 4 ta’ Settembru 2009, p. 8). Romano Guardini, meta jikkummenta silta mill-kapitlu tlieta tal-Istqarrijiet, jgħid: Santu Wistin fehem li Alla hu “glorja li tixħitna għarkupptejna, xarba li taqta’ l-għatx, teżor li jagħmilna hienja, […hu kellu] dik iċ-ċertezza li mlietu bil-paċi għax saflaħħar seta’ jifhem, imma anki l-ferħ tal-imħabba li taf: Dan hu kollox u hu biżżejjed għalija” (Pensatori religiosi, Brescia 2001, p. 177).

 

Dejjem fl-Istqarrijiet, fid-Disa’ Ktieb, il-qaddis tagħna jniżżel kollokju li kellu ma’ ommu, Santa Monika, li t-Tifkira tagħha niċċelebrawha l-Ġimgħa li ġejja, pitgħada. Hija xena sabiħa ħafna: hu u ommu kienu qegħdin Ostia, f’lukanda, u mit-tieqa setgħu jilmħu s-sema u l-baħar, u ħarsithom tmur lil hemm mis-sema u l-baħar, u għal mument imissu l-qalb ta’ Alla fil-ħemda tal-ħolqien. U hawn tidher idea fundamentali fil-mixja lejn il-Verità: il-ħlejjaq iridu jisktu jekk iridu jħallu tinfed is-sikta li fiha Alla jista’ jitkellem. Dan hu minnu dejjem, anki fi żmienna: xi drabi nibżgħu xi ftit mis-skiet, mill-ġabra, milli noqogħdu naħsbu fuq l-għemejjel tagħna, fuq is-sens profond ta’ ħajjitna, u spiss nippreferu ngħixu biss il-mument ta’ issa li jtir, u nqarrqu bina nfusna għax naħsbu li dan iġorr ferħ li jtul; nippreferu ngħixu, għax donnu jidher iktar faċli, ħajja tal-qoxra, mingħajr ma naħsbu; nibżgħu nfittxu l-Verità u forsi nibżgħu li l-Verità ssibna, taħkimna u tibdlilna ħajjitna, kif ġralu Santu Wistin.

 

Għeżież ħuti, nixtieq ngħid lil kulħadd, anki lil min jinsab f’mument ta’ diffikultà fil-mixja tal-fidi tiegħu, lil min ftit li xejn jipparteċipa fil-ħajja tal-Knisja jew lil min jgħix “bħallikieku Alla ma kienx jeżisti”, biex ma jibżax mill-Verità, biex ma jwaqqaf qatt il-mixja tiegħu lejha, biex ma nieqfu qatt infittxu l-verità profonda dwarna nfusna u dwar il-ħwejjeġ bl-għajnejn interjuri tal-qalb. Alla mhu ħa jieqaf qatt jagħtina Dawl biex naraw u Sħana biex lil qalbna juriha li jħobbna u li jixtieq li nħobbuh.

 

L-interċessjoni tal-Verġni Marija, ta’ Santu Wistin u Santa Monika sseħibna f’din il-mixja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard