Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 21 ta’ Mejju 2008

 

Romanu l-Melodi

 

Għeżież ħuti,

 

Fis-serje ta’ katekeżi fuq il-Missirijiet tal-Knisja, illum nixtieq nitkellem fuq figura ftit li xejn magħrufa: Romanu l-Melodi, li twieled lejn is-sena 490 f’Emesa (illum Homs) fis-Sirja. Teologu, poeta u kompożitur, jagħmel parti mill-ġemgħa kbira tat-teologi li t-teoloġija bidluha f’poeżija. Biżżejjed naħsbu fil-kompatrijott tiegħu, San Efrem tas-Sirja, li għex mitejn sena qablu. Imma naħsbu wkoll fit-teologi tal-Punent, bħal Sant’Ambroġ, li l-innijiet tiegħu sal-lum għadhom parti mil-liturġija tagħna u jmissu wkoll il-qalb; jew f’teologu, f’ħassieb ta’ ħeġġa kbira, bħalma kien San Tumas, li tana l-innijiet tal-Festa tal-Corpus Domini ta’ għada; naħsbu f’San Ġwann tas-Salib u tant oħrajn. Il-fidi hija mħabba u għalhekk toħloq poeżija u toħloq mużika. Il-fidi hija ferħ, u għalhekk toħloq il-ġmiel.

 

Hekk Romanu l-Melodi huwa wieħed minn dawn, poeta u kompożitur teologu. Wara li xorob l-ewwel elementi tal-kultura Griega u Sirjaka f’belt twelidu, hu mar Berito (Bejrut), biex jipperfezzjona ruħu fit-tagħlim klassiku u l-għarfien tar-rettorika. Ordnat djaknu permanenti (c. 515), kien predikatur għal tliet snin f’dak il-post. Imbagħad mar Kostantinopli lejn tmiem is-saltna ta’ Anastasju I (c. 518), u hemm qagħad fil-monasteru biswit il-knisja tat-Theotókos, Omm Alla. Hawn seħħet il-ġrajja li minnha naqraw ħajtu: is-Sinassarju jgħarrafna dwar id-dehra f’ħolma tal-Omm ta’ Alla u d-don tal-kariżma poetika. Fil-fatt, Marija ordnatlu jibla’ r-romblu bil-kitba fuqu. Meta qam l-għada filgħodu – kienet il-Festa tat-Twelid tal-Mulej – Romanu intona minn fuq l-ambone: “Illum il-Verġni tiled it-Traxxendenti” (Innu “Fuq in-Natività” I. Prœmio). U hekk sar omeleta-kantur sa mewtu (wara l-555).

 

Romanu jibqa’ mniżżel fl-istorja bħala wieħed mill-awturi l-aktar rappreżentattivi tal-innijiet liturġiċi. L-omelija f’dak iż-żmien kienet, għall-fidili, prattikament l-unika okkażjoni ta’ katekeżi. Lil Romanu allura nsibuh xhud eminenti tas-sentiment reliġjuż ta’ żmienu, imma anki ta’ mod ħaj u oriġinali ta’ katekeżi. Mill-kompożizzjonijiet tiegħu nistgħu nintebħu bil-kreattività ta’ din l-għamla ta’ katekeżi, bil-kreattività tal-ħsieb teoloġiku, tal-estetika u tal-innografija mqaddsa ta’ dak iż-żmien. Il-post li minnu Romanu kien jipprietka kien santwarju fil-periferija ta’ Kostantinopli: hu kien jitla’ fuq l-ambone fiċ-ċentru tal-knisja u jkellem lill-komunità billi jinqeda b’reċta pjuttost stravaganti: kien jinqeda b’raffigurazzjonijiet fuq il-ħitan jew ikoni mqiegħda fuq l-ambone u kien jirrikorri wkoll għad-djalogu. Dawk tiegħu kienu omeliji metriċi kantati, imsejħa kontákia. It-terminu kontákion, “virga ċkejkna”, jidher li jirriferi għall-bastun ċkejken li madwaru kienu jkebbu r-romblu ta’ manuskritt liturġiku jew ta’ xi bixra oħra. Il-kontákia li waslulna taħt isem Romanu huma 89, imma t-tradizzjoni tattribwilu elf.

 

F’Romanu, kull kontákion hu minsuġ minn strofi, l-itwal fosthom jgħoddu minn 19 sa 24, bl-istess għadd ta’ sillabi, mibnija fuq il-mudell tal-ewwel strofa (irmo); l-aċċenti ritmiċi tal-versi tal-istrofi kollha huma mmudellati fuq dawk tal-irmo. Kull strofa tagħlaq b’ritornell (efimnio) li kemm jista’ jkun jaqbel, biex tinħoloq l-għaqda poetika. Barra minn hekk, l-ewwel ittra ta’ kull strofa tindika isem l-awtur (akrostiku), spiss bl-aġġettiv “umli” qabilha. L-innu jagħlaq b’talba li tirriferi għall-fatti ċċelebrati jew evokati. Wara l-qari mill-Bibbja, Romanu kien ikanta l-Prœmio, normalment fl-għamla ta’ talba jew ta’ supplika. Hekk kien iħabbar it-tema tal-omelija u jfisser ir-ritornell li jittenna f’kor fi tmiem kull strofa, irreċitat minnu b’aċċent ta’ leħen għoli.

 

Eżempju sinifikattiv jagħtihulna l-kontakion għall-Ġimgħa tal-Passjoni: huwa djalogu drammatiku bejn Marija u Binha, li jseħħ fit-triq tas-salib. Tgħidlu Marija: “Fejn sejjer, ibni? Għaliex hekk ħafif qed ittemm ħajtek? / Qatt ma kont nemmen, o ibni, li se narak f’din il-qagħda, / lanqas qatt stħajjilt li għal din il-qilla kollha kellhom jaslu l-kefrin / li jerfgħu jdejhom fuqek kontra kull ġustizzja”. U Ġesù jweġibha: “Għaliex tibki, omm tiegħi? []. Ma għandix forsi nbati? Ma għandix forsi mmut? / Għax kieku kif nista’ nsalva ’l Adam?”. Bin Marija jfarraġ lil ommu, imma jfakkarha fir-rwol tagħha fl-istorja tas-salvazzjoni: “Warrab, mela, omm tiegħi, warrab għall-ġenb in-niket tiegħek: / ma tixraqlekx it-tbatija, lilek li ġejt imsejħa l-‘mimlija bil-grazzja’” (Marija f’riġlejn is-salib, 1-2; 4-5). Imbagħad, fl-innu fuq is-sagrifiċċju ta’ Abraham, Sara żżomm għaliha l-jedd li tiddeċiedi fuq il-ħajja ta’ Iżakk. Abraham jgħid: “Meta Sara tisma’, Sidi, bil-kliem kollu tiegħek, / meta ssir taf b’din ir-rieda tiegħek, se tgħidli: / – Jekk min tahulna se jieħdu lura, għaliex tahulna? / [] – Int, o għassies, ħallihuli lil ibni, / u meta dak li sejjaħlek ikun iridu, ħa jiġi jgħid lili” (Is-sagrifiċċju ta’ Abraham, 7).

 

Romanu ma jużax il-Grieg Biżantin solenni tal-qorti, imma Grieg sempliċi, qrib tal-lingwaġġ tal-poplu. Hawn nixtieq nikkwota eżempju fuq il-mod vivaċi u personali ħafna tiegħu kif kien jitkellem mal-Mulej Ġesù: isejjaħlu “għajn li ma tintemmx u dawl kontra d-dlamijiet” u jgħid: “Jiena mxennaq li nżommok f’idi bħal musbieħ; / fil-fatt, min fost il-bnedmin iġorr musbieħ taż-żejt hu mdawwal bla ma qatt ma jinħaraq. Mela dawwallni, int li int id-Dawl li ma jintefa qatt” (Il-Preżentazzjoni jew Festa tal-laqgħa, 8). Il-qawwa tal-konvinzjoni tal-predikazzjoni tiegħu kienet tistrieħ fuq il-koerenza kbira bejn kliem u ħajtu. F’waħda mit-talbiet jgħid: “Agħmel li kliemi jkun ċar, Feddej tiegħi, iftaħli fommi / u, wara li tkun imlejtu, infidli lil qalbi, biex imġibti / tkun taqbel ma’ kliemi” (Missjoni tal-Appostli, 2).

 

Ngħarblu issa xi wħud mit-temi prinċipali tiegħu. Tema fundamentali tal-predikazzjoni tiegħu hija l-għaqda tal-azzjoni ta’ Alla fl-istorja, l-għaqda bejn ħolqien u storja tas-salvazzjoni, l-għaqda bejn Testment il-Qadim u Ġdid. Tema oħra importanti hija l-Pnewmatoloġija, jiġifieri t-tagħlim fuq l-Ispirtu s-Santu. Fil-Festa ta’ Għid il-Ħamsin jisħaq fuq il-kontinwità li hemm bejn Kristu li tela’ s-Sema u l-Appostli, jiġifieri l-Knisja, u jfaħħar l-azzjoni missjunarja tagħhom fid-dinja: “[] b’virtù divina kisbu lill-bnedmin kollha; / qabdu s-salib ta’ Kristu bħallikieku kien pinna, / użaw il-kliem bħal xbieki u bihom stadu d-dinja, / kellhom il-Verb bħala sunnara ppuntata, / bħal lixka sar għalihom / il-ġisem ta’ Sid l-univers” (Għid il-Ħamsin 2;18).

 

Tema oħra ewlenija hi naturalment il-Kristoloġija. Hu ma jidħolx fil-problema tal-kunċetti ibsin tat-teoloġija, tant diskussi f’dak iż-żmien, u li tant għamlu ħsara lill-għaqda mhux biss bejn it-teologi, imma anki bejn l-Insara fil-Knisja. Hu jipprietka Kristoloġija sempliċi imma fundamentali, il-Kristoloġija tal-Konċilji l-kbar. Imma fuq kollox hu qrib tal-pjetà popolari – fl-aħħar mill-aħħar, il-kunċetti tal-Konċilji twieldu mill-pjetà popolari u mill-għarfien tal-qalb Nisranija – u hekk Romanu jisħaq li Kristu hu tassew bniedem u tassew Alla, u bħala veru Bniedem-Alla hu persuna waħda, il-ġabra bejn ħolqien u Ħallieq: fi kliemu bħala bniedem nisimgħu jitkellem lill-Verb ta’ Alla nnifsu. “Kien bniedem”, jgħid, “il-Kristu, imma kien ukoll Alla, / imma mhux maqsum fi tnejn: huwa Wieħed, iben Missier li hu Wieħed waħdu” (Il-Passjoni 19). Jekk niġu għall-Marjoloġija, grat lejn il-Verġni għad-don tal-kariżma poetika, Romanu jfakkarha fi tmiem kważi l-innijiet kollha u jiddedikalha l-isbaħ kontáki tiegħu: Natività, Tħabbira, Maternità divina, Eva l-Ġdida.

 

Fl-aħħar nett, it-tagħlim morali għandu x’jaqsam mal-ġudizzju finali (L-għaxar verġni [II]). Hu jwassalna għal dan il-mument tal-verità ta’ ħajjitna, tal-laqgħa mal-Imħallef ġust, u għalhekk iħeġġiġna għall-konverżjoni fil-penitenza u fis-sawm. B’mod pożittiv, in-Nisrani għandu jipprattika l-imħabba, il-karità. Hu jisħaq fuq il-primat tal-karità fuq il-kontinenza f’żewġ innijiet, it-Tieġ ta’ Kana u l-Għaxar verġni. Il-karità hi l-ikbar fost il-virtujiet: “[] għaxar verġni kellhom il-virtù tal-verġinità mhux mimsusa, / imma għal ħamsa minnhom it-taħriġ iebes kien bla frott. / L-oħrajn ilmaw bl-imsiebaħ tal-imħabba għall-bnedmin, / u għalhekk l-għarus stedinhom ġewwa” (L-għaxar Verġni, 1).

 

Umanità tbaqbaq, ħeġġa ta’ fidi, umiltà profonda… dan hu li ssib fl-għanjiet ta’ Romanu l-Melodi. Dan il-poeta u kompożitur kbir ifakkarna fit-teżor sħiħ tal-kultura Nisranija, imwielda mill-fidi, imwielda mill-qalb li ltaqgħet ma’ Kristu, mal-Iben ta’ Alla. Minn dan il-kuntatt tal-qalb mal-Verità li hi Mħabba tinbet il-kultura, twieldet il-kultura kollha kbira Nisranija. U jekk il-fidi tibqa’ ħajja, lanqas dan il-wirt kulturali ma jispiċċa ħaġa mejta, imma jibqa’ ħaj u preżenti. L-ikoni jkellmu wkoll lill-qalb ta’ dawk li jemmnu, mhumiex affarijiet tal-passat. Il-katidrali mhumiex monumenti Medjevali, imma djar tal-ħajja, fejn inħossuna “f’darna”: niltaqgħu ma’ Alla u niltaqgħu ma’ xulxin. Lanqas il-mużika l-kbira – il-Gregorjan jew Bach jew Mozart – ma hi ħaġa tal-imgħoddi, imma mimlija bil-ħajja tal-liturġija u tal-fidi tagħna. Jekk il-fidi hi ħajja, il-kultura Nisranija ma ssirx “passat”, imma tibqa’ ħajja u preżenti. U jekk il-fidi hi ħajja, anki aħna nistgħu nwieġbu għall-kmand li nsibu mtenni dejjem mill-ġdid fis-Salmi: “Għannu lill-Mulej għanja ġdida”. Kreattività, innovazzjoni, għana ġdid, kultura ġdida u preżenza tal-wirt kulturali kollu fil-ħajja tal-fidi ma jeskludux lil xulxin, imma huma realtà waħda; huma preżenza tal-ġmiel ta’ Alla u tal-ferħ li aħna wliedu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard