Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 18 ta’ April 2007

 

Klement ta’ Lixandra

 

Għeżież ħuti,

 

Wara ż-żmien tal-festi nerġgħu lura għall-katekeżi normali, imqar jekk fil-Pjazza għad għandna arja ta’ festa. Bil-katekeżi nirritornaw, kif għidt, għall-fil li qbadna qabel. L-ewwel tkellimna fuq it-Tnax-il Appostlu, imbagħad fuq id-dixxipli tal-Appostli, u issa fuq il-personalitajiet kbar tal-Knisja tal-bidu, tal-Knisja tal-qedem. L-aħħar darba konna tkellimna fuq San Irinew ta’ Lyons, u llum nitkellmu fuq Klement ta’ Lixandra, teologu kbir li aktarx twieled Ateni lejn nofs it-tieni seklu. Minn Ateni wiret dak l-interess qawwi għall-filosofija, li kellu jagħmel minnu wieħed mill-istendardi tad-djalogu bejn fidi u raġuni fit-tradizzjoni Nisranija. Kien għadu żagħżugħ meta mar Lixandra, il-“belt-simbolu” ta’ dik il-laqgħa kulturali għammiela bejn kulturi differenti li kkaratterizzat l-epoka Ellenistika. Hemm kien dixxiplu ta’ Pantenu, sakemm ħa postu warajh fit-tmexxija tal-iskola kateketika. Bosta għejun jixhdu li ġie ordnat presbiteru. Matul il-persekuzzjoni tal-202-203 ħalla Lixandra biex jistkenn f’Ċesarija, fil-Kappadoċja, fejn miet lejn is-sena 215.

 

L-aktar xogħlijiet importanti tiegħu li waslulna huma tlieta: il-Protrettiku, il-Pedagogu u l-iStromati. Anki jekk ma jidhirx li din kienet il-fehma oriġinali tal-awtur, huwa fatt li dawn il-kitbiet jagħmlu vera triloġija, li l-għan tagħha hu li ssieħeb b’mod effikaċi l-maturazzjoni spiritwali tan-Nisrani. Il-Protrettiku, kif tgħid l-istess kelma, hu “eżortazzjoni” lil min beda u qed ifittex il-mixja tal-fidi. Jew aħjar minn hekk, il-Protrettiku hu Persuna: l-Iben ta’ Alla, Ġesù Kristu, li “jeżorta” lill-bnedmin, biex jaqbdu b’determinazzjoni t-triq lejn il-Verità. L-istess Ġesù Kristu mbagħad isir Pedagogu, jiġifieri “edukatur” ta’ dawk li, bil-qawwa tal-Magħmudija, issa saru wlied Alla. L-istess Ġesù Kristu fl-aħħar nett hu wkoll id-Didascalos, jiġifieri l-“imgħallem” li jagħtina t-tagħlim l-aktar profond. Dan hu miġbur fit-tielet opra ta’ Klement, l-iStromati, kelma Griega li tfisser “tapezzeriji”: fil-fatt hawn għandna nisġa mhux sistematika ta’ diversi argumenti, frott dirett tat-tagħlim li mdorri jagħtina Klement.

 

Fil-ġabra sħiħa tagħha, il-katekeżi ta’ Klement issieħeb pass wara pass il-mixja tal-katekumenu u tal-imgħammed biex, biż-żewġt “iġwienaħ” tal-fidi u tar-raġuni, huma jaslu għal għarfien intimu tal-Verità, li hu Ġesù Kristu, il-Verb ta’ Alla. Huwa biss dan l-għarfien tal-Persuna li huwa l-Verità, il-“vera gnosis”, l-espressjoni Griega għal “għarfien”, għal “intelliġenza”. Din hi l-binja tar-raġuni taħt il-qawwa ta’ prinċipju sopranaturali. Il-fidi nfisha tibni l-vera filosofija, jiġifieri l-vera konverżjoni fil-mixja li wieħed jieħu fil-ħajja. Għalhekk il-vera “njożi” hija żvilupp tal-fidi, imqanqal minn Ġesù Kristu fir-ruħ li hi magħquda miegħu. Klement imbagħad jagħżel bejn żewġ tarġiet tal-ħajja Nisranija. L-ewwel tarġa: l-Insara li jemmnu u jgħixu l-fidi b’mod komuni, imma dejjem miftuħ għax-xefaq tal-qdusija. U mbagħad it-tieni tarġa: in-“njostiċi”, jiġifieri dawk li diġà jgħixu ħajja ta’ perfezzjoni spiritwali. F’kull każ, in-Nisrani jeħtieġlu jibda mill-bażi komuni tal-fidi, u permezz ta’ mixja ta’ tiftix irid iħalli lil Kristu jmexxih biex b’hekk jasal għall-għarfien tal-Verità u tal-veritajiet li jsawru l-kontenut tal-fidi. Dan l-għarfien, jgħidilna Klement, isir fir-ruħ realtà ħajja: mhix sempliċi teorija, hija qawwa għall-ħajja, hija għaqda ta’ mħabba li tibdel. L-għarfien ta’ Kristu mhuwiex sempliċi ħsieb, imma hu mħabba li tiftaħ l-għajnejn, tibdel lill-bniedem u toħloq komunjoni mal-Logos, mal-Verb divin li hu Verità u Ħajja. F’din il-komunjoni, li hija l-għarfien perfett u hija mħabba, in-Nisrani jasal għall-kontemplazzjoni, isir ħaġa waħda ma’ Alla.

 

Fl-aħħar nett Klement jerġa’ jaqbad it-tagħlim li jgħid li l-għan aħħari tal-bniedem hu li jsir jixbah lil Alla. Aħna maħluqin fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla, imma din hija wkoll sfida għalina, mixja; fil-fatt l-għan tal-ħajja, l-aħħar destinazzjoni hija tassew li nsiru bħal Alla. Dan hu possibbli grazzi għall-konnaturalità tagħna miegħu, li l-bniedem irċieva meta ġie maħluq, u għalhekk hu diġà minnu nnifsu hu xbieha ta’ Alla. B’din il-konnaturalità hu jista’ jagħraf ir-realtajiet divini, li l-bniedem jersaq lejhom qabelxejn bil-fidi u, permezz tal-fidi li jgħix, bil-prattika tal-virtujiet, jista’ jikber u jasal għall-kontemplazzjoni ta’ Alla. Hekk fil-mixja tal-perfezzjoni Klement jagħti lir-rekwiżit morali l-istess importanza li jagħti lil dak intellettwali. Iż-żewġ rekwiżiti jimxu flimkien, għax ma tistax tagħraf mingħajr ma tgħix u ma tistax tgħix mingħajr ma tagħraf. Ix-xebh tagħna ma’ Alla u l-kontemplazzjoni tiegħu ma nistgħux nilħquhom bl-għarfien tar-raġuni waħidha: għalhekk hemm bżonn ta’ ħajja skont il-Logos, ħajja skont il-Verità. U b’konsegwenza ta’ dan, l-opri tajba jridu jsieħbu l-għarfien intellettwali bħalma d-dell jimxi wara l-ġisem.

 

Hemm żewġ virtujiet li fuq kollox iżejnu r-ruħ tal-“veru njostiku”. L-ewwel waħda hi l-libertà mill-passjonijiet (apátheia); u l-oħra hi l-imħabba, il-vera passjoni, li tiżgura l-għaqda intima ma’ Alla. L-imħabba tagħti l-paċi perfetta, u lill-“veru njostiku” tagħmlu kapaċi jaffronta l-ikbar sagrifiċċji, anki l-ogħla sagrifiċċju fil-mixja wara Kristu, u ttellgħu tarġa wara l-oħra sal-quċċata tal-virtujiet. Hekk l-idea etika tal-filosofija antika, jiġifieri l-ħelsien mill-passjonijiet, Klement jerġa’ jiddefiniha u jgħaqqadha mal-imħabba, fil-proċess bla waqfien ta’ xebh ikbar ma’ Alla.

 

B’dan il-mod Klement ta’ Lixandra joħloq it-tieni okkażjoni kbira ta’ djalogu bejn it-tħabbira Nisranija u l-filosofija Griega. Nafu li San Pawlu fl-Arjopagu ta’ Ateni, fejn twieled Klement, kien għamel l-ewwel tentattiv ta’ djalogu mal-filosofija Griega – u fil-parti l-kbira tiegħu kien falla –, imma kienu qalulu: “Nisimgħuk darb’oħra”. Issa Klement jerġa’ jaqbad dan id-djalogu, u jtellgħu għall-ogħla livell fit-tradizzjoni filosofika Griega. Kif kiteb il-Predeċessur meqjum tiegħi Ġwanni Pawlu II fl-Enċiklika Fides et ratio, Klement wasal biex interpreta l-filosofija bħala “triq li twassal għall-fidi Nisranija” (n. 38). U fil-fatt Klement wasal sal-punt li saħaq li Alla ta l-filosofija lill-Griegi “bħala Testment proprju tagħhom” (Strom. 6,8,67,1). Għalih it-tradizzjoni filosofika Griega, kważi fuq l-istess livell tal-Liġi għal-Lhud, hija qasam ta’ “rivelazzjoni”, huma żewġ nixxigħat li bla dubju jwasslu għal-Logos innifsu. Hekk Klement ikompli juri b’mod deċiżiv il-mixja ta’ min jixtieq “jagħti r-raġuni” tal-fidi tiegħu f’Ġesù Kristu. Hu jista’ jservi ta’ eżempju għall-Insara, għall-katekisti u għat-teologi ta’ żmienna, li lilhom fl-istess Enċiklika Ġwanni Pawlu II rrakkomandalhom li “jerġgħu jiksbu u jagħtu xhieda mill-aħjar li jistgħu għad-dimensjoni metafiżika tal-verità biex jibdew djalogu kritiku u esiġenti mal-ħsieb filosofiku ta’ żmienna” (n. 105).

 

Nagħlqu billi nagħmlu tagħna xi espressjonijiet miċ-ċelebri “talba lil Kristu Logos”, li biha Klement jagħlaq il-Pedagogu tiegħu. Huwa jitlob hekk: “Uri ħniena ma’ wliedek”; “agħtina li ngħixu fis-sliem tiegħek, li naslu fil-belt tiegħek, li naqsmu bla ma negħrqu fil-mewġ tad-dnub, li jergħuna bi ħlewwa l-Ispirtu s-Santu u l-Għerf bla qies: aħna li, lejl u nhar, sal-aħħar jum ngħannu għanja ta’ radd il-ħajr lill-Missier waħdieni, … u lill-Iben pedagogu u mgħallem, flimkien mal-Ispirtu s-Santu. Amen!” (3,12,101).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard