Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 18 ta’ Frar 2009

 

San Beda l-Venerabbli

 

Għeżież ħuti,

 

Il-Qaddis li qed inħarsu lejh illum jismu Beda u twieled fil-grigal tal-Ingilterra, eżattament f’Northumbria, fis-sena 672/673. Hu stess jirrakkonta li l-ġenituri tiegħu, meta kellu seba’ snin, fdawh f’idejn l-Abbati tal-monasteru Benedittin ta’ qrib biex jiġi edukat hemmhekk: “F’dan il-monasteru”, ifakkar, “sa minn dakinhar jien għext dejjem, mogħti intensament għall-istudju tal-Iskrittura u, waqt li kont nosserva d-dixxiplina tar-Regola u l-ħidma ta’ kuljum tal-kant fil-knisja, dejjem kienet ħaġa ħelwa għalija jew li nitgħallem jew li ngħallem jew li nikteb” (Historia eccl. Anglorum, V, 24). Fil-fatt, Beda sar waħda mill-aktar figuri insinji tal-istudju fil-Medjuevu għoli, u kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-ħafna manuskritti prezzjużi li l-abbatijiet tiegħu, lura mid-diversi vjaġġi fil-kontinent u f’Ruma, kienu jeħdulu. It-tagħlim u l-fama tal-kitbiet ġabulu ħafna ħbiberiji mal-personalitajiet ewlenin ta’ żmienu, li kienu jħeġġuh jimxi ’l quddiem fil-ħidma tiegħu li minnha bosta kienu qed jibbenefikaw. Meta marad, ma waqafx mill-ħidma tiegħu, dejjem b’ferħ ġewwieni li kien jesprimi fit-talb u fil-kant. L-aktar opra importanti tiegħu, il-Historia ecclesiastica gentis Anglorum, għalaqha b’din l-invokazzjoni: “Nitolbok, twajjeb Ġesù, li għoġbok tagħtini nixrob mill-kelmiet ħelwin tal-għerf tiegħek, agħtini, o twajjeb, li jum wieħed nasal għandek, għajn ta’ kull għerf, u li nkun dejjem taħt il-ħarsa tiegħek”. Miet fis-26 ta’ Mejju 735: kien jum it-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema.

 

L-Iskrittura Mqaddsa hija l-għajn kontinwa tar-riflessjoni teoloġika ta’ Beda. Wara studju kritiku mirqum tat-test (għandna kopja tax-xogħol monumentali Codex Amiatinus tal-Vulgata, li fuqu ħadem Beda), hu kkummenta l-Bibbja, billi qraha f’dawl Kristoloġiku, u hekk rabat flimkien żewġ ħwejjeġ: minn naħa kien jisma’ x’qal eżattament it-test, ried tassew jisma’, jifhem it-test innifsu; min-naħa l-oħra, kien konvint li l-muftieħ biex jifhem l-Iskrittura Mqaddsa bħala Kelma waħda ta’ Alla hu Kristu, u ma’ Kristu, fid-dawl tiegħu, wieħed jasal biex jifhem it-Testment il-Qadim u l-Ġdid bħala Skrittura Mqaddsa “waħda”. Il-ġrajjiet tat-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid imorru flimkien, huma mixja lejn Kristu, imqar jekk espressi f’sinjali u istituzzjonijiet differenti (din hi dik li hu jsejjaħ concordia sacramentorum). Ngħidu aħna, it-Tinda tal-Patt li Mosè għamel fid-deżert u l-ewwel u t-tieni Tempju ta’ Ġerusalemm huma xbihat tal-Knisja, it-tempju l-ġdid mibni fuq Kristu u fuq l-Appostli b’ġebel ħaj, issiġillat mill-imħabba tal-Ispirtu. U kif għall-bini tat-Tempju l-qadim taw sehemhom ukoll ġnus pagani, li offrew materjali prezzjużi u l-esperjenza teknika tal-imgħallmin tagħhom, hekk għall-bini tal-Knisja jagħtu sehemhom appostli u mgħallma ġejjin mhux biss mir-razez antiki Lhud, Griegi u Latini, imma anki mill-popli ġodda, li fosthom Beda bi pjaċir isemmi ċ-Ċeltiċi-Irlandiżi u l-Anglo-Sassoni. San Beda lemaħ tikber l-universalità tal-Knisja li mhijiex ristretta għal kultura partikulari, imma hi minsuġa mill-kulturi kollha tad-dinja li jeħtieġ jinfetħu għal Kristu u jsibu fih il-punt tal-wasla tagħhom.

 

Tema oħra li Beda ħabb ħafna hija l-istorja tal-Knisja. Wara li interessa ruħu fl-epoka mfissra fl-Atti tal-Appostli, hu mexa mal-istorja tal-Padri u tal-Konċilji, konvint li l-opra tal-Ispirtu s-Santu tissokta fl-istorja. Fil-Chronica Maiora Beda jfassal kronoloġija li kellha ssir il-bażi għall-Kalendarju universali ab incarnatione Domini”. Diġà sa minn dakinhar kienu jikkalkulaw iż-żmien mit-twaqqif tal-belt ta’ Ruma. Beda, għax ra li l-veru punt ta’ riferiment, iċ-ċentru tal-istorja huwa t-twelid ta’ Kristu, tana dan il-kalendarju li jaqra l-istorja ibda mill-Inkarnazzjoni tal-Mulej. Jirreġistra l-ewwel sitt Konċilji Ekumeniċi u l-iżviluppi tagħhom, u jippreżenta fedelment id-duttrina Kristoloġika, Marjoloġika u soterjoloġika, waqt li jikkundanna l-ereżiji Monofisita u Monotelita, Ikonoklasta u Neo-Pelaġjana. Fl-aħħar nett, jiġbor b’dokumentazzjoni serja u kompetenza letterarja l-imsemmija Storja Ekkleżjastika tal-Popli Angli, li għaliha hu magħruf bħala “missier l-istorjografija Ingliża”. Il-karatteristiċi tal-Knisja li Beda jħobb jindika huma dawn: a) il-kattoliċità bħala fedeltà għat-tradizzjoni u fl-istess ħin ftuħ għall-iżviluppi storiċi, u bħala tiftixa tal-għaqda fil-ħafna, fid-diversità tal-istorja u tal-kulturi, skont id-direttivi li l-Papa Girgor il-Kbir kien ta lill-appostlu tal-Ingilterra, Wistin ta’ Canterbury; b) l-appostoliċità u r-Rumaniċità: hawn hu jqis bħala ta’ importanza ewlenija li jikkonvinċi lill-Knejjes Irlandiżi-Ċeltiċi u dawk tal-Pitti biex jiċċelebraw l-Għid fl-istess jum skont il-kalendarju Ruman. Il-Computo minnu elaborat xjentifikament biex jistabbilixxi d-data eżatta taċ-ċelebrazzjoni tal-Għid, u allura ċ-ċiklu sħiħ tas-sena liturġika, sar it-test ta’ riferiment għall-Knisja Kattolika kollha.

 

Beda kien ukoll mgħallem insinji ta’ teoloġija liturġika. Fl-Omeliji fuq il-Vanġeli tal-Ħadd u tal-Festi, jiżvolġi mistagoġija vera, u jeduka lill-fidili biex jiċċelebraw bil-ferħ il-misteri tal-fidi u jgħixuhom b’mod koerenti fil-ħajja tagħhom, fl-istennija tal-manifestazzjoni sħiħa tagħhom meta jiġi lura Kristu, meta, bil-ġisem tagħna gglorifikat, għad nagħmlu parti mill-purċissjoni tal-offerti fil-liturġija eterna ta’ Alla fis-sema. Bir-“realiżmu” tal-katekeżijiet ta’ Ċirillu, Ambroġ u Wistin, Beda jgħallem li s-sagramenti tal-inizjazzjoni Nisranija jagħmlu minn kull fidil “mhux biss Kristjan imma Kristu”. Fil-fatt, kull darba li ruħ ta’ fidil tilqa’ u tħares bi mħabba l-Kelma ta’ Alla, bħal Marija tkun tnissel u tiled mill-ġdid lil Kristu. U kull darba li grupp ta’ mgħammdin ġodda jirċievi s-sagramenti tal-Għid, il-Knisja “terġa’ titnissel” mill-ġdid, jew b’espressjoni iktar kuraġġjuża, il-Knisja ssir “omm Alla”, għax tieħu sehem fit-tnissil ta’ wliedu, bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.

 

Grazzi għal dan il-mod tiegħu kif jagħmel it-teoloġija billi jinseġ flimkien Bibbja, Liturġija u Storja, Beda għandu messaġġ attwali għad-diversi “stati ta’ ħajja”: a) lill-istudjużi (doctores ac doctrices) ifakkarhom f’żewġ ħidmiet essenzjali: li jgħarblu l-għeġubijiet tal-Kelma ta’ Alla biex jippreżentawhom f’bixra attraenti lill-fidili; jesponu l-veritajiet dommatiċi u jevitaw il-kumplikazzjonijiet eretiċi u jfittxu s-“sempliċità kattolika”, bl-atteġġjament taċ-ċkejknin u l-umli li lilhom Alla jogħġbu jikxef il-misteri tas-Saltna; b) ir-ragħajja, min-naħa tagħhom għandhom jagħtu l-prijorità lill-predikazzjoni, mhux biss permezz tal-lingwaġġ verabli jew aġjografiku, imma billi jagħtu valur ukoll lill-ikoni, il-purċissjonijiet u l-pellegrinaġġi. Lilhom Beda jirrakkomandalhom l-użu tal-ilsien tal-poplu, kif jagħmel hu stess, meta jfisser bl-ilsien tan-Northumbria l-“Missierna”, il-“Kredu” u billi sal-aħħar jum ta’ ħajtu kompla jikkummenta l-Vanġelu ta’ Ġwanni bil-lingwa tal-poplu; ċ) lill-persuni kkonsagrati li jiddedikaw ruħhom għall-Uffiċċju divin, waqt li jgħixu fil-ferħ tal-komunjoni fraterna u jimxu ’l quddiem fil-ħajja spiritwali permezz tal-axxeżi u l-kontemplazzjoni, Beda jirrakkomandalhom li jieħdu ħsieb tal-appostolat – ħadd ma għandu l-Vanġelu għalih waħdu biss, imma għandu jarah bħala don għall-oħrajn ukoll – kemm billi jikkollaboraw mal-Isqfijiet f’ħidma pastorali ta’ kull għamla b’risq il-komunitajiet Insara ġodda, kemm billi jkunu disponibbli għall-missjoni evanġelizzatriċi fost il-pagani, barra minn pajjiżhom, bħala peregrini pro amore Dei”.

 

F’din il-perspettiva, fil-kummentarju għall-Għanja tal-Għanjiet Beda jippreżenta s-Sinagoga u l-Knisja bħala kollaboraturi fit-tixrid tal-Kelma ta’ Alla. Kristu l-Għarus irid Knisja ħabrieka, “samra bit-taħbit tal-evanġelizzazzjoni” – hawn hu ċar l-aċċenn għall-kelma tal-Għanja tal-Għanjiet (1:5), fejn l-għarusa tgħid: Nigra sum sed formosa” (Jien samra, imma sbejħa) –, ħsiebha kif ħa taħrat għelieqi jew dwieli oħra u twaqqaf qalb il-popli ġodda “mhux xi għarix għal ftit żmien imma għamara għal dejjem”, jiġifieri kif ħa ddaħħal il-Vanġelu fit-tessut soċjali u fl-istituzzjonijiet kulturali. F’dan id-dawl, id-Duttur qaddis isejjaħ lill-fidili lajċi biex ikunu assidwi fit-tagħlim reliġjuż, jixbhu dawk “il-folol għatxana tal-Vanġelu, li lill-Appostli mank kienu jagħtuhom ċans jieklu xi ħaġa”. Jgħallimhom kif jitolbu l-ħin kollu, huma u “jtennu f’ħajjithom dak li jiċċelebraw fil-liturġija”, u joffru l-għemejjel kollha tagħhom bħala sagrifiċċju spiritwali f’għaqda ma’ Kristu. Lill-ġenituri jfissrilhom li anki fl-ambjent ċkejken ta’ djarhom jistgħu jħaddmu “l-uffiċċju saċerdotali ta’ ragħajja u ta’ mexxejja”, u jiffurmaw lil uliedhom fil-ħajja Nisranija, waqt li jistqarr li jaf ħafna fidili (irġiel u nisa, miżżewġin jew ċelibi) “bi mġiba impekkabbli li, jekk wieħed isegwihom kif imiss, jistgħu jersqu ta’ kuljum biex jirċievu l-Ewkaristija” (Epist. ad Ecgberctum, ed. Plummer, p. 419).

 

Il-fama tal-qdusija u l-għerf li Beda diġà kien igawdi f’ħajtu, waslu biex kisbulu t-titlu ta’ “Venerabbli”. Anki l-Papa Serġju I sejjaħlu hekk, meta fis-sena 701 kiteb lill-Abbati tiegħu jitolbu jibagħtu għal xi żmien Ruma għall-konsulenza fuq kwistjonijiet ta’ interess universali. Wara mewtu, kitbietu xterdu ħafna f’pajjiżu u fil-kontinent Ewropew. Il-missjunarju kbir tal-Ġermanja, l-Isqof San Bonifaċju († 754), talab iktar minn darba lill-Arċisqof ta’ York u lill-Abbati ta’ Wearmouth biex jittraskrivu xi opri tiegħu u jibagħtuhomlu biex hu u sħabu wkoll setgħu jgawdu mid-dawl spiritwali li kien joħroġ minnhom. Seklu wara, Notker Balbulus, Abbati ta’ Sankt Gallen ( 912), meta ra l-influwenza straordinarja ta’ Beda, qabblu ma’ xemx ġdida li Alla kien tella’ mhux mil-Lvant imma mill-Punent biex idawwal id-dinja. Minbarra l-enfasi rettorika, huwa fatt li, bl-opri tiegħu, Beda kkontribwixxa bil-kbir għall-bini ta’ Ewropa Nisranija, li fiha d-diversi popli u kulturi tħalltu bejniethom, u hekk tawha fiżjonomija unitarja, imnebbħa mill-fidi Nisranija. Nitolbu biex anki llum ikun hemm personalitajiet tal-istatura ta’ Beda, li jżommu magħqud il-Kontinent kollu; nitolbu biex ilkoll kemm aħna nkunu lesti li nerġgħu niskopru l-għeruq komuni tagħna, biex inkunu bennejja ta’ Ewropa profondament umana u awtentikament Kristjana.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard