Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 17 ta’ Novembru 2010

 

Santa Ġuljana ta’ Cornillon

 

Għeżież ħuti,

 

Dalgħodu wkoll nixtieq nippreżentalkom figura femminili, ftit li xejn magħrufa, imma li lejha l-Knisja għandu jkollha rikonoxxenza kbira, mhux biss minħabba l-qdusija ta’ ħajjitha, imma anki għaliex, bil-ħeġġa kbira tagħha, għenet biex titwaqqaf waħda mis-solennitajiet liturġiċi l-aktar importanti tas-sena, dik ta’ Corpus Domini. Din hi Santa Ġuljana ta’ Cornillon, magħrufa wkoll bħala Santa Ġuljana ta’ Liège. Għandna xi tagħrif fuq ħajjitha, fuq kollox permezz ta’ bijografija, aktarx miktuba minn ekkleżjastiku ta’ żmienha, fejn hemm miġbura bosta xhieda ta’ persuni li lill-qaddisa kienu jafuha direttament.

 

Ġuljana twieldet bejn l-1191 u l-1192 qrib Liège, fil-Belġju. Importanti nitkellmu fuq dan il-post, għax f’dak iż-żmien id-Djoċesi ta’ Liège kienet, biex ngħidu hekk, tassew “ċenaklu Ewkaristiku”. Qabel Ġuljana, teologi insinji hawn kienu wrew il-valur l-aktar għoli tas-Sagrament tal-Ewkaristija u, dejjem f’Liège, kien hemm gruppi femminili li b’ġenerożità kbira taw ruħhom għall-qima tal-Ewkaristija u għall-komunjoni ferventi. Immexxija minn saċerdoti eżemplari, huma kienu jgħixu flimkien, u jiddedikaw ruħhom għat-talb u għall-opri ta’ karità.

 

Ġuljana ta’ 5 snin sfat iltima, u ma’ oħtha Anjeże ġie fdata fil-ħarsien tal-monaċi Agostinjani tal-kunvent-lebbrożarju ta’ Mont-Cornillon. Fuq kollox ġiet edukata minn soru, jisimha Sapjenza, li segwiet il-maturazzjoni spiritwali tagħha, sakemm Ġuljana nfisha rċiviet il-libsa reliġjuża u saret hi wkoll monaka Agostinjana. Kellha ċerta kultura, tant li kienet taqra l-opri tal-Missirijiet tal-Knisja fl-ilsien Latin, b’mod partikulari Santu Wistin, u San Bernard. Barra intelliġenza kbira, Ġuljana sa mill-bidu wriet ċerta ġibda għall-kontemplazzjoni; kellha sens profond tal-preżenza ta’ Kristu, li kienet idduq hija u tgħix b’mod partikularment intens is-Sagrament tal-Ewkaristija u billi tieqaf spiss timmedita fuq il-kelmiet ta’ Ġesù: “Ara, jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20).

 

Ta’ sittax-il sena kellha l-ewwel viżjoni, li mbagħad irrepetiet ruħha bosta drabi fl-adorazzjonijiet Ewkaristiċi tagħha. Il-viżjoni kienet turi l-qamar fil-ġmiel kollu tiegħu, bi strixxa skura li kienet taqsmu minn naħa għall-oħra. Il-Mulej urieha t-tifsira ta’ dak li kien dehrilha. Il-qamar kien jissimbolizza l-ħajja tal-Knisja fuq din l-art, imma l-linja matta kienet tirrappreżenta n-nuqqas ta’ festa liturġika, li Ġuljana ġiet mitluba biex tħabrek ħalli taraha titwaqqaf: jiġifieri festa li fiha dawk li jemmnu setgħu jaduraw l-Ewkaristija biex jikbru fil-fidi, jissaħħu fil-prattika tal-virtujiet u jpattu għall-offiżi li jsiru lis-Sagrament Imqaddes.

 

Għal madwar għoxrin sena Ġuljana, li sadattant kienet saret il-prijura tal-kunvent, żammet fil-moħbi din ir-rivelazzjoni, li kienet imlitilha qalbha bil-ferħ. Imbagħad fetħet qalbha ma’ żewġ adoratriċi oħra żelanti tal-Ewkaristija, il-Beata Eva, li kienet għix ħajja ta’ eremita, u Isabella, li kienet ingħaqdet magħha fil-Monasteru ta’ Mont-Cornillon. It-tliet nisa ħolqu speċi ta’ “patt spiritwali”, bil-fehma li jigglorifikaw is-Santissmu Sagrament. Riedu jinvolvu wkoll saċerdot stmat ħafna, Ġwanni ta’ Lausanne, kanonku fil-Knisja ta’ San Martin f’Liège, u talbuh jistaqsi lil teologi u ekkleżjastiċi fuq dak li kien tant għal qalbhom. It-tweġibiet kienu pożittivi u inkuraġġanti.

 

Dak li ġralha Ġuljana ta’ Cornillon jirrepeti ruħu spiss fil-ħajja tal-qaddisin: biex ikollna l-konferma li ispirazzjoni ġejja minn Alla, dejjem hemm bżonn nogħdsu fit-talb, nagħrfu nistennew bis-sabar, infittxu l-ħbiberija u l-faraġ ta’ erwieħ oħra tajba, u nqiegħdu kollox għall-ġudizzju tar-Ragħajja tal-Knisja. Kien proprju l-Isqof ta’ Liège, Robert ta’ Thourotte, li, wara xi dubji għall-bidu, laqa’ l-proposta ta’ Ġuljana u ta’ sħabha, u waqqaf, għall-ewwel darba, is-Solennità tal-Corpus Domini fid-Djoċesi tiegħu. Iżjed tard, Isqfijiet oħra għamlu bħalu, u waqqfu l-istess festa fit-territorji fdati lill-kura pastorali tagħhom.

 

Madankollu, mill-qaddisin il-Mulej spiss talab li jegħlbu provi kbar, biex il-fidi tagħhom tkompli tikber. Dan ġara wkoll lil Ġuljana, li kellha ġġarrab l-oppożizzjoni iebsa ta’ xi membri tal-kleru u tal-istess superjur li minnu kien jiddependi l-monasteru tagħha. Allura, minn jeddha, Ġuljana ħalliet il-kunvent ta’ Mont-Cornillon flimkien ma’ xi wħud minn sħabha, u għal għaxar snin, mill-1248 sal-1258, kienet il-mistiedna ta’ diversi monasteri ta’ sorijiet Ċisterċensi. Kienet tedifika lil kulħadd bl-umiltà tagħha, qatt ma kellha kliem ta’ kritika jew ta’ ċanfir għall-avversarji tagħha, imma kienet tkompli xxerred biż-żelu kollu l-kult lejn l-Ewkaristija. Mietet fl-1258 f’Fosses-La-Ville, fil-Belġju. Fiċ-ċella fejn kienet ġie espost is-Sagrament Imqaddes u, skont il-kliem tal-bijografu, Ġuljana mietet tikkontempla bl-aħħar sforz ta’ mħabba lil Ġesù Ewkaristija, li dejjem kienet ħabbet, weġġħet u qiemet.

 

Fil-kawża tajba tal-festa tal-Corpus Domini ntrebaħ ukoll Ġakbu Pantaléon ta’ Troyes, li kien iltaqa’ mal-qaddisa tul il-ministeru tiegħu ta’ Arċidjaknu ta’ Liège. Kien proprju hu, meta sar Papa bl-isem ta’ Urbanu IV, fl-1264, li waqqaf is-Solennità tal-Corpus Domini bħala festa ta’ preċett għall-Knisja universali, il-Ħamis wara Għid il-Ħamsin. Fil-Bolla tat-twaqqif, intitolata Transiturus de hoc mundo (11 ta’ Awwissu 1264), il-Papa Urbanu reġa’ evoka b’diskrezzjoni anki l-esperjenzi mistiċi ta’ Ġuljana, u hekk għaraf il-valur awtentiku tagħhom, u kiteb: “Imqar jekk l-Ewkaristija tiġi ċċelebrata kuljum b’mod solenni, inħossu li huwa ġust li, tal-inqas darba f’sena, issir tifkira iktar ta’ ġieħ u solenni tagħha. Fil-fatt, il-ħwejjeġ l-oħra li nagħmlu tifkira tagħhom, aħna nilqgħuhom bl-ispirtu u bil-ħsieb, imma b’daqshekk ma niksbux il-preżenza reali tagħhom. Imma, f’din it-tifkira sagramentali ta’ Kristu, imqar jekk taħt forma oħra, Ġesù Kristu hu preżenti magħna fis-sustanza proprja tiegħu. Fil-fatt, meta kien ser jitla’ s-Sema, hu qal: ‘Ara, jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien’ (Mt 28:20)”.

 

Il-Papa nnifsu ried jagħti l-eżempju, u ċċelebra s-Solennità tal-Corpus Domini f’Orvieto, belt li fiha kien jgħix dak iż-żmien. Proprju fuq ordni tiegħu fid-Duomo tal-belt kien miżmum – u hekk għadu sal-lum – il-korporal ċelebri bit-traċċi tal-miraklu Ewkaristiku li seħħ is-sena ta’ qabel, fl-1263, f’Bolsena. Wieħed saċerdot, huwa u jikkonsagra l-ħobż u l-inbid, kienu ġewh dubji kbar fuq il-preżenza reali tal-Ġisem u tad-Demm ta’ Kristu fis-Sagrament tal-Ewkaristija. Mirakolożament xi qatriet ta’ demm bdew iċarċru mill-Ostja kkonsagrata, u b’dak il-mod ikkonfermaw dak li tistqarr il-fidi tagħna. Urbanu IV talab lil wieħed mill-ikbar teologi tal-istorja, San Tumas ta’ Aquino – li f’dak iż-żmien kien mal-Papa f’Orvieto –, biex jinseġ it-testi tal-uffiċċju liturġiku ta’ din il-festa kbira. Dawn, sal-lum fl-użu fil-Knisja, huma kapolavuri, li fihom jitbewsu flimkien teoloġija u poeżija. Huma testi li jivvibraw il-kordi tal-qalb biex jesprimu ġieħ u gratitudni lejn is-Sagrament Imqaddes, waqt li l-intelliġenza, hija u tinfed bl-għoġba fil-misteru, tagħraf fl-Ewkaristija l-preżenza ħajja u vera ta’ Ġesù, tas-Sagrifiċċju tiegħu ta’ mħabba li jirrikonċiljana mal-Missier, u jagħtina s-salvazzjoni.

 

Imqar jekk wara l-mewt ta’ Urbanu IV iċ-ċelebrazzjoni tal-festa tal-Corpus Domini ġiet limitata għal xi reġjuni ta’ Franza, tal-Ġermanja, tal-Ungerija u tat-tramuntana tal-Italja, kien mill-ġdid Papa ieħor, Ġwanni XXII, li fl-1317 reġa’ fetaħha għall-Knisja kollha. Minn dakinhar ’il quddiem, il-festa rat żvilupp mill-isbaħ, u għadha sal-lum tinħass ħafna mill-poplu Nisrani.

 

Nixtieq nafferma bil-ferħ li llum fil-Knisja hemm “rebbiegħa Ewkaristika”: kemm persuni jieqfu fis-skiet quddiem it-Tabernaklu, biex jitħaddtu f’kollokju ta’ mħabba ma’ Ġesù! X’faraġ kbir tara li mhux ftit gruppi ta’ żgħażagħ skoprew mill-ġdid il-ġmiel tat-talb fl-adorazzjoni quddiem is-Santissmu Sagrament. Tiġini f’moħħi, ngħidu aħna, l-adorazzjoni Ewkaristika tagħna f’Hyde Park, Londra. Nitlob li din ir-“rebbiegħa” Ewkaristika tixtered dejjem iżjed fil-parroċċi kollha, b’mod partikulari fil-Belġju, il-pajjiż ta’ Santa Ġuljana. Il-Venerabbli Ġwanni Pawlu II, fl-Enċiklika Ecclesia de Eucharistia, qal li “f’ħafna postijiet […] l-adorazzjoni tas-Santissmu Sagrament issib post iktar importanti fil-ħajja ta’ kuljum u ssir għajn li ma taqta’ qatt ta’ qdusija. Il-parteċipazzjoni devota tal-fidili fil-purċissjoni Ewkaristika fis-Solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu hija grazzja tal-Mulej li ta’ kull sena jimla bil-ferħ lil kull min jieħu sehem fiha. Hemm imbagħad sinjali oħra pożittivi ta’ fidi u ta’ mħabba Ewkaristika li huma ta’ min isemmihom” (n. 10).

 

Aħna u niftakru f’Santa Ġuljana ta’ Cornillon, inġeddu aħna wkoll il-fidi fil-preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija. Kif jgħallimna l-Kompendju tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, “Ġesù Kristu hu preżenti fl-Ewakristija b’mod uniku u li ma hemmx ieħor bħalu. Fil-fatt hu preżenti verament, realment, sostanzjalment bil-Ġisem u bid-Demm tiegħu, bir-Ruħ u bid-Divinità tiegħu. Fl-Ewkaristija, għalhekk, hu preżenti b’mod sagramentali, jiġifieri taħt l-ispeċi Ewkaristiċi tal-ħobż u tal-inbid, Kristu sħiħ: Alla u bniedem” (n. 282).

 

Għeżież ħbieb, il-fedeltà għal-laqgħa ma’ Kristu fl-Ewkaristija waqt il-Quddiesa tal-Ħadd hi essenzjali għall-mixja ta’ fidi, imma ejjew infittxu wkoll li mmorru ta’ spiss inżuru lill-Mulej preżenti fit-Tabernaklu! Waqt li fl-adorazzjoni nkunu nħarsu lejn l-Ostja kkonsagrata, aħna niltaqgħu mad-don tal-imħabba ta’ Alla, niltaqgħu mal-Passjoni u s-Salib ta’ Ġesù, kif ukoll mal-Qawmien tiegħu. Proprju waqt li nħarsu lejh fl-adorazzjoni, il-Mulej jiġbidna lejh, fil-misteru tiegħu, biex jibdilna kif jibdel il-ħobż u l-inbid. Il-qaddisin dejjem sabu l-qawwa, il-faraġ u l-ferħ fil-laqgħa Ewkaristika. Bi kliem l-Innu Ewkaristiku Adoro te devote ntennu quddiem il-Mulej, preżenti fis-Sagrament Imqaddes: “Agħmel li nemmen dejjem iktar fik, li fik nittama, li lilek inħobb!”. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard