Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 17 ta’ Ġunju 2009

 

San Ċirillu u San Metodju

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq nitkellem fuq San Ċirillu u San Metodju, aħwa fid-demm u fil-fidi, imsejħa Appostli tal-Islavi. Ċirillu twieled f’Tessalonika mill-maġistrat imperjali Ljun fis-sena 826/827: kien l-iżgħar fost seba’ aħwa. Sa minn tfulitu tgħallem il-lingwa Slava. Fl-età ta’ 14-il sena ntbagħat Kostantinopli biex jiġi edukat hemm u kien ħabib tal-Imperatur żagħżugħ Mikiel III. F’dawn is-snin sar midħla tad-diversi materji universitarji, fosthom id-djalettika, fejn kellu bħala għalliem lil Fozju. Wara li rrifjuta żwieġ mill-aqwa, qatagħha li jirċievi l-ordnijiet imqaddsa u sar “bibljotekarju” fil-Patrijarkat. Ftit wara, billi xtaq jirtira fis-solitudni, mar jinħeba f’monasteru, imma malajr skoprewh u ġie fdat lilu t-tagħlim tax-xjenzi mqaddsa u profani, ħidma li żvolġa hekk tajjeb li kiseb it-titlu ta’ “Filosfu”. Fl-istess waqt, ħuh Mikiel (li twieled lejn is-sena 815), wara karriera amministrattiva fil-Maċedonja, lejn is-sena 850 ħalla d-dinja biex jirtira f’ħajja monastika fuq il-muntanja Olimpu tal-Bitinja, fejn irċieva l-isem ta’ Metodju (l-isem monastiku kellu jibda bl-istess ittra ta’ dak tal-Magħmudija) u sar igumenu tal-monasteru ta’ Polychron.

 

Miġbud mill-eżempju ta’ ħuh, anki Ċirillu qatagħha li jħalli t-tagħlim biex jinġabar fuq il-muntanja Olimpu biex jimmedita u jitlob. Imma xi snin wara (c. 861), il-gvern imperjali inkarigah b’missjoni għand il-Każari tal-Baħar ta’ Azov, li kienu qed jitolbu li jintbagħtilhom xi ħadd akkademiku li seta’ jiddiskuti mal-Lhud u s-Saraċini. Ċirillu, imsieħeb minn ħuh Metodju, waqaf fit-tul fil-Krimea, fejn tgħallem l-Ebrajk. Hawn fittex ukoll il-ġisem tal-Papa Klement I, li kien ġie eżiljat hemm. Sab il-qabar tiegħu u, meta ma’ ħuh reġa’ qabad it-triq lura, ġarr miegħu r-relikwi prezzjużi. Meta waslu Kostantinopli, iż-żewġ aħwa ġew mibgħuta fil-Moravja mill-Imperatur Mikiel III, li l-Prinċep Morav Ratislaw kien għamillu talba preċiża: “Il-poplu tagħna”, kien qallu, “sa minn meta warrab il-paganiżmu, josserva l-liġi Nisranija; imma ma għandniex mgħallem li għandu l-ħila jfissrilna l-fidi vera fl-ilsien tagħna”. Il-missjoni ma damitx ma kellha suċċess mhux tas-soltu. Iż-żewġ aħwa ttraduċew il-liturġija fl-ilsien Slav, u malajr kisbu s-simpatija kbira tal-poplu.

 

Imma dan qanqal l-ostilità tal-kleru Frank lejhom, għax dan kien wasal qabilhom fil-Moravja u kien iqis it-territorju bħala appartenenti għall-ġurisdizzjoni ekkleżjali tiegħu. Biex jiġġustifikaw ruħhom, fis-sena 867 iż-żewġt aħwa marru Ruma. Matul il-vjaġġ waqfu Venezja, fejn seħħet diskussjoni mqanqla ma’ dawk li kienu jsostnu l-hekk imsejħa “ereżija trilingwi”: dawn kienu jżommu li kien hemm biss tliet lingwi li bihom stajt leċitament tfaħħar lil Alla: l-Ebrajk, il-Grieg u l-Latin. Ovvjament, iż-żewġ aħwa ħaduha qatta’ bla ħabel kontra dan. F’Ruma, Ċirillu u Metodju ġew milqugħa mill-Papa Adrijanu II, li ħareġ jiltaqa’ magħhom f’purċissjoni biex jilqa’ kif jixraq ir-relikwi ta’ San Klement. Il-Papa kien fehem l-importanza kbira tal-missjoni eċċezzjonali tagħhom. Fil-fatt, sa minn nofs l-ewwel millennju, is-Slavi kont issibhom f’għadd kbir f’dawk it-territorji bejn iż-żewġ partijiet tal-Imperu Ruman, il-Lvant u l-Punent, li diġà kienu f’tensjoni bejniethom. Il-Papa ntebaħ li l-popli Slavi setgħu jilagħbu r-rwol ta’ pont, u hekk jagħtu sehemhom biex tinżamm l-għaqda bejn l-Insara ta’ parti u tal-oħra tal-Imperu. Għalhekk hu ma qagħadx jaħsibha biex japprova l-missjoni taż-żewġ aħwa fil-Moravja l-Kbira, billi laqa’ u approva l-użu tal-ilsien Slav fil-liturġija. Il-kotba Slavi tqiegħdu fuq l-altar ta’ Santa Marija ta’ Phatmé (Santa Maria Maggiore) u l-liturġija fil-lingwa Slava ġiet iċċelebrata fil-Bażiliċi ta’ San Pietru, Sant’Indrija, u San Pawl.

 

B’xorti ħażina f’Ruma Ċirillu marad serjament. Ħass il-mewt qrib tiegħu, u ried jikkonsagra ruħu totalment lil Alla bħala monaku f’wieħed mill-monasteri Griegi tal-Belt (aktarx f’Santa Prassede) u ħa l-isem monastiku ta’ Ċirillu (ismu tal-Magħmudija kien Kostantinu). Imbagħad talab b’insistenza lil ħuh Metodju, li sadanittant kien ġie kkonsagrat Isqof, biex ma jabbandunax il-missjoni fil-Moravja u biex jerġa’ lura qalb dawk il-popli. Fuq Alla dar b’din l-invokazzjoni: “Mulej, Alla tiegħi…, aqlgħalna t-talba tiegħi u żomm fidila lejk il-merħla li fuqha qegħedtni… Eħlishom mill-ereżija tat-tliet ilsna, iġbor lil kulħadd fl-għaqda, u lill-poplu li għażilt agħmlu fehma waħda fil-fidi vera u fl-istqarrija t-tajba”. Miet fl-14 ta’ Frar 869.

 

Fidil għall-impenn li kien ħa ma’ ħuh, fis-sena ta’ wara, 870, Metodju rritorna fil-Moravja u fil-Pannonja (illum l-Ungerija), fejn kellu jħabbat wiċċu mill-ġdid mal-oppożizzjoni vjolenti ta’ missjunarji Franki li xeħtuh il-ħabs. Ma qatax qalbu u meta fis-sena 873 ġie meħlus, beda jħabrek b’ħiltu kollha fl-organizzazzjoni tal-Knisja, u ħa ħsieb jiġbor grupp ta’ dixxipli. Kien mertu ta’ dawn id-dixxipli li setgħet tingħeleb il-kriżi li nqalgħet wara l-mewt ta’ Metodju, li seħħet fis-6 ta’ April 885: ippersegwitati u mixħuta l-ħabs, xi wħud minn dawn id-dixxipli ġew mibjugħa lsiera u meħuda Venezja, fejn ġew mifdija minn funzjonarju Kostantinopolitan, li ħalliehom jerġgħu lura fil-pajjiżi tas-Slavi Balkaniċi. Milqugħa l-Bulgarija, setgħu jkomplu l-missjoni li beda Metodju, u jxerrdu l-Vanġelu fl-“art tar-Rus’”. Alla fil-providenza misterjuża tiegħu nqeda hekk bil-persekuzzjoni biex isalva l-opra tal-aħwa qaddisa. Tagħha fadal ukoll id-dokumentazzjoni letterarja. Biżżejjed naħsbu f’opri bħall-Evanġelarju (perikopi liturġiċi tat-Testment il-Ġdid), is-Salterju, veri testi liturġiċi fl-ilsien Slav, li fuqhom ħadmu ż-żewġ aħwa flimkien. Wara l-mewt ta’ Ċirillu, grazzi għal Metodju u d-dixxipli tiegħu saret, fost l-oħrajn, it-traduzzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa kollha, in-Nomokanoni u l-Ktieb tal-Missirijiet.

 

Biex issa niġbru fil-qosor il-profil spiritwali taż-żewġ aħwa, qabelxejn irridu ngħidu b’liema passjoni Ċirillu qabad f’idejh il-kitbiet ta’ San Girgor Nazjanzenu, u minnu fehem il-valur tal-lingwa fit-trasmissjoni tar-Rivelazzjoni. San Girgor kien esprima x-xewqa li Kristu jitkellem permezz tiegħu: “Jiena qaddej tal-Verb, għalhekk sirt qaddej tal-Kelma”. Biex jixbah lil Girgor f’dan il-qadi, Ċirillu talab lil Kristu jitkellem bis-Slav permezz tiegħu. Hu jintroduċi l-opra tiegħu ta’ traduzzjoni bl-invokazzjoni solenni: “Agħtu widen, intom popli kollha Slavi, agħtu widen għall-Kelma li ġiet minn Alla, il-Kelma li titma’ l-erwieħ, il-Kelma li twassal għall-għarfien ta’ Alla”. Fir-realtà, diġà xi snin qabel ma l-Prinċep tal-Moravja mar jitlob lill-Imperatur Mikiel III jibgħatlu l-missjunarji fl-art tiegħu, jidher li Ċirillu u ħuh Metodju, bi grupp ta’ dixxipli madwarhom, kienu qed jaħdmu fuq il-proġett tal-ġbir tad-dommi Nsara f’kotba miktuba bl-ilsien Slav. F’dak iż-żmien kienet qed tidher ċara l-esiġenza ta’ sinjali grafiċi ġodda, li jaqblu iżjed mal-lingwa mitkellma: u hekk twieled l-alfabett Glagolitiku li, immodifikat wara, imbagħad beda jissejjaħ “Ċirilliku” f’ġieħ dak li nebbħu. Din kienet ġrajja deċiżiva għall-iżvilupp taċ-ċiviltà Slava b’mod ġenerali. Ċirillu u Metodju kienu konvinti li ebda poplu ma seta’ jgħid li rċieva b’mod sħiħ ir-Rivelazzjoni sakemm ma jkunx semagħha bl-ilsien tiegħu u qraha bil-karattri proprji tal-alfabett tiegħu.

 

Ta’ Metodju hu l-mertu li ħadem biex l-opra li beda ħuh ma tispiċċax maqtugħa ħabta u sabta f’nofsha. Waqt li Ċirillu, il-“Filosfu”, kien miġbud għall-kontemplazzjoni, hu kien aktar mixħut għall-ħajja attiva. U hekk seta’ jqiegħed il-pedamenti meħtieġa għall-istqarrija suċċessiva ta’ dik li nistgħu nsejħulha l-“idea Ċirillika-Metodjana”: hi sieħbet fid-diversi perjodi storiċi lill-popli Slavi, u seddqet l-iżvilupp kulturali, nazzjonali u reliġjuż tagħhom. Dan hu li diġà kien għaraf il-Papa Piju XI bl-Ittra appostolika Quod Sanctum Cyrillumli fiha hu jsejjaħ liż-żewġ aħwa “wlied tal-Orjent, minn art Biżantina, ta’ oriġni Griega, Rumani minħabba l-missjoni tagħhom, u Slavi għall-frott appostoliku tagħhom” (AAS 19 [1927] 93-96). Ir-rwol storiku li wettqu mbagħad ġie mxandar uffiċjalment mill-Papa Ġwanni Pawlu II li, bl-Ittra appostolika Egregiæ virtutis viri, iddikjarahom Kompatruni tal-Ewropa flimkien ma’ San Benedittu (AAS 73 [1981] 258-262). Fil-fatt, Ċirillu u Metodju huma eżempju klassiku ta’ dak li llum nifhmu bil-kelma “inkulturazzjoni”: kull poplu għandu jidentifika fil-kultura tiegħu mal-messaġġ rivelat u jesprimi l-verità salvifika tiegħu bil-lingwaġġ li huwa tiegħu. Dan ifisser ħidma ta’ “traduzzjoni” impenjattiva ħafna, għax jitlob l-individwazzjoni ta’ termini xierqa biex jipproponi, mingħajr ma jittradixxi, l-għana tal-Kelma rivelata. Ta’ dan iż-żewġ aħwa qaddisa ħallew xhieda tabilħaqq sinifikattiva, li lejha l-Knisja tħares illum  ukoll biex minnha titnebbaħ u torjenta ruħha.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard