Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 17 ta’ Marzu 2010

 

San Bonaventura (3)

 

Għeżież ħuti,

 

Dalgħodu, biex inkompli mar-riflessjoni ta’ nhar l-Erbgħa li għadda, nixtieq magħkom ninżel fil-fond f’aspetti oħra tat-tagħlim ta’ San Bonaventura ta’ Bagnoregio. Dan hu teologu eminenti, li jixraqlu li npoġġuh maġenb ħassieb ieħor kbir ħafna, kontemporanju tiegħu, San Tumas ta’ Aquino. It-tnejn għarblu l-misteri tar-Rivelazzjoni, ivvalorizzaw ir-riżorsi tar-raġuni umana, f’dak id-djalogu għammiel bejn fidi u raġuni li jikkaratterizza l-Medjuevu Nisrani, u għamlu minnu epoka ta’ dinamiżmu intellettwali kbir, barra ta’ fidi u ta’ tiġdid ekkleżjali, li spiss ma jidhirx biżżejjed. Hemm xebh ieħor komuni bejniethom: kemm Bonaventura, Franġiskan, u kemm Tumas, Dumnikan, kienu membri ta’ Ordnijiet Mendikanti li, bil-freskezza spiritwali tagħhom, kif fakkart f’katekeżijiet ta’ qabel, ġeddu, fis-seklu 13, il-Knisja sħiħa u ġibdu lejhom tant segwaċi. It-tnejn li huma qdew lill-Knisja b’diliġenza, b’passjoni u bi mħabba, sal-punt li ġew mistiedna jieħdu sehem fil-Konċilju Ekumeniku ta’ Lyons fl-1274, l-istess sena li fiha mietu: Tumas waqt li kien Lyons, Bonaventura waqt li kien għaddej l-istess Konċilju. Anki fi Pjazza San Pietru l-istatwi taż-żewġ qaddisin huma faċċata ta’ xulxin, fil-bidu tal-Kolonnat jekk titlaq mill-faċċata tal-Bażilika Vatikana: waħda fin-naħa tax-xellug u l-oħra fin-naħa tal-lemin. Minkejja dawn l-aspetti kollha, f’dawn iż-żewġ qaddisin kbar nistgħu nilmħu modi differenti ta’ kif ittrattaw it-tiftix filosofiku u teoloġiku, kif juru l-oriġinalità u l-profondità tal-ħsieb ta’ wieħed u tal-ieħor. Nixtieq naċċenna għal xi wħud minn dawn id-differenzi.

 

L-ewwel differenza hi fil-kunċett ta’ teoloġija. Iż-żewġ Dutturi jistaqsu jekk it-teoloġija hix xjenza prattika jew xjenza teorika, spekulattiva. San Tumas jirrifletti fuq żewġ tweġibiet possibbli u kuntrastanti. L-ewwel waħda tgħid: it-teoloġija hija riflessjoni fuq il-fidi u l-fidi għandha bħala għan li l-bniedem isir tajjeb, jgħix skont ir-rieda ta’ Alla. Għalhekk, l-għan tat-teoloġija għandu jkun dak li tiggwida lejn it-triq it-tajba; konsegwentement, fil-fond tagħha hija xjenza prattika. Il-pożizzjoni l-oħra tgħid: it-teoloġija tfittex li ssir taf lil Alla. Aħna opra ta’ Alla; Alla jinsab ’il fuq minn dak li nagħmlu. Alla jaħdem fina dak li hu tajjeb. Għalhekk it-teoloġija sostanzjalment mhix dwar x’nagħmlu aħna, imma dwar li nsiru nafu lil Alla, u mhux dwar l-opri tagħna. Il-konklużjoni ta’ San Tumas hi: it-teoloġja timplika ż-żewġ aspetti: hija teorika, tfittex li ssir taf lil Alla dejjem iżjed; u hija prattika: tfittex li torjenta lil ħajjitna għal dak li hu tajjeb. Imma hemm primat tal-għarfien: jeħtieġ qabelxejn inkunu nafu lil Alla, imbagħad jiġi l-aġir skont Alla (Summa Theologiæ Ia, q. 1, art. 4). Dan il-primat tal-għarfien f’konfront mal-prassi hu sinifikattiv għall-orjentament fundamentali ta’ San Tumas.

 

It-tweġiba ta’ San Bonaventura tixxiebah ħafna, imma l-enfasi hi differenti. San Bonaventura jafhom dawn l-istess argumenti f’din u f’dik id-direzzjoni, bħal San Tumas, imma biex iwieġeb għall-mistoqsija jekk it-teoloġija hix xjenza prattika jew teorika, San Bonaventura jagħmel distinzjoni triplika – allura jwessa’ l-alternattiva bejn teorika (il-primat tal-għarfien) u prattika (il-primat tal-prassi), billi jżid it-tielet atteġġjament, li hu jsejjaħlu “tal-għerf” u jistqarr li l-għerf iħaddan iż-żewġ aspetti l-oħra. U mbagħad ikompli: l-għerf ifittex il-kontemplazzjoni (bħala l-ogħla għamla ta’ għarfien) u għandu bħala fehma tiegħu “ut boni fiamus” li nsiru tajbin, dan fuq kollox: li nsiru tajbin (ara Breviloquium, Prologus, 5). Imbagħad iżid: “Il-fidi hi fl-intellett, b’mod li tqanqal għall-imħabba. Ngħidu aħna: l-għarfien li Kristu miet ‘għalina’ ma jibqax għarfien, imma bilfors isir imħabba” (Prœmium in I Sent., q. 3).

 

Fl-istess linja jagħmel id-difiża tiegħu tat-teoloġija, jiġifieri tar-riflessjoni razzjonali u metodika tal-fidi. San Bonaventura jsemmi xi argumenti kontra kif wieħed jagħmel it-teoloġija, li forsi kienu mifruxa wkoll fost uħud mill-patrijiet Franġiskani u preżenti anki fi żmienna: ir-raġuni taf tiżvojta l-fidi, issir atteġġjament vjolenti għall-kelma ta’ Alla, u għandna nisimgħu u mhux nanalizzaw il-kelma ta’ Alla (ara Ittra ta’ San Franġisk ta’ Assisi lil Sant’Antnin ta’ Padova). Għal dawn l-argumenti kontra t-teoloġija, li juru l-perikli li hemm fit-teoloġija nfisha, il-Qaddis iwieġeb: huwa minnu li hemm mod arroganti kif issir it-teoloġija, suppervja tar-raġuni, li tqis ruħha ogħla mill-kelma ta’ Alla. Imma l-vera teoloġija, ix-xogħol razzjonali tat-teoloġija vera u tajba għandu oriġni ieħor, mhux is-suppervja tar-raġuni. Min iħobb, irid jaf dejjem aħjar u dejjem iżjed lill-maħbub; it-teoloġija vera ma timpenjax ir-raġuni u t-tiftix tiegħu għax immotivata mis-suppervja, “sed propter amorem eius cui assentit” “immotivata mill-imħabba ta’ Dak, li lilu tat il-kunsens tagħha” (Prœmium in I Sent., q. 2), u trid issir taf aħjar lill-maħbub: din hi l-intenzjoni fundamentali tat-teoloġija. Għal San Bonaventura allura hu determinanti fl-aħħar mill-aħħar il-primat tal-imħabba.

 

B’konsegwenza ta’ dan, San Tumas u San Bonaventura jiddefinixxu b’mod differenti d-destinazzjoni aħħarija tal-bniedem, il-ferħ sħiħ tiegħu: għal San Tumas l-ogħla għan, li lejh hi diretta kull xewqa tagħna, hu: li naraw lil Alla. F’dan l-att sempliċi li naraw lil Alla jsibu s-soluzzjoni tagħhom il-problemi kollha: inkunu ferħanin, ma jkun hemm bżonn ta’ xejn aktar.

 

Għal San Bonaventura l-għan aħħari tal-bniedem hu ieħor: li jħobb lil Alla, li l-imħabba tiegħu u tagħna jiltaqgħu u jingħaqdu flimkien. Din hi għalih l-aktar definizzjoni li toqgħod tal-ferħ tagħna.

 

F’din il-linja, nistgħu ngħidu wkoll li l-ogħla kategorija għal San Tumas hija l-veru, waqt li għal San Bonaventura hija t-tajjeb. Niżbaljaw jekk f’dawn iż-żewġ tweġibiet naraw kontradizzjoni. Għat-tnejn li huma l-veru hu wkoll it-tajjeb, u t-tajjeb hu wkoll il-veru; naraw lil Alla jfisser inħobbu, u nħobbu jfisser naraw. Dawn huma għalhekk aċċenti differenti ta’ viżjoni fundamentali waħda. It-tnejn li huma sawru tradizzjonijiet differenti u spiritwalitajiet differenti u hekk urew kemm hi għammiela l-fidi, waħda fil-ħafna espressjonijiet differenti tagħha.

 

Lura għal San Bonaventura. Huwa ċar li l-aċċent speċifiku tat-teoloġija tiegħu, li tagħha tajt biss eżempju, infissruh jekk nitilqu mill-kariżma Franġiskana: il-Fqajjar ta’ Assisi, lil hemm mid-dibattiti intellettwali ta’ żmienu, kien wera b’ħajtu kollha l-primat tal-imħabba; kien ikona ħajja u nnamrata ma’ Kristu u hekk għamel preżenti, fi żmienu, il-figura tal-Mulej – ikkonvinċa lin-nies ta’ żmienu mhux bil-kliem, imma b’ħajtu. Fl-opri kollha ta’ San Bonaventura, proprju anki fl-opri xjentifiċi, ta’ skola, naraw u nsibu din l-ispirazzjoni Franġiskana; jiġifieri ninnotaw li hu jaħsibha mdawwal mil-laqgħa tiegħu mal-Fqajjar ta’ Assisi. Imma biex nifhmu l-elaborazzjoni konkreta tat-tema “primat tal-imħabba”, irridu nżommu wkoll quddiem għajnejna għajn oħra: il-kitbiet tal-hekk imsejjaħ Psewdo-Djonisju, teologu Sirjak tas-seklu 6, li nħeba taħt il-psewdonimu ta’ Djonisju l-Arjopagita, biex b’dan l-isem jaċċenna għal figura tal-Atti tal-Appostli (ara 17:34). Dan it-teologu kien ħoloq teoloġija liturġika u teoloġija mistika, u kien tkellem fit-tul fuq id-diversi ordnijiet tal-anġli. Il-kitbiet tiegħu ġew tradotti għal-Latin fis-seklu 9; fi żmien San Bonaventura – qegħdin fis-seklu 13 – dehret tradizzjoni ġdida, li qanqlet l-interess tal-Qaddis u tat-teologi l-oħra ta’ żmienu. Żewġ affarijiet ġibdu b’mod partikulari l-attenzjoni ta’ San Bonaventura:

 

1. Il-Psewdo-Djonisju jitkellem fuq disa’ ordnijiet tal-anġli, li isimhom kien sabu fl-Iskrittura u mbagħad poġġiehom f’ordni tiegħu, mill-anġli sempliċi sas-serafini. San Bonaventura jinterpreta dawn l-ordnijiet tal-anġli bħala tarġiet li jqarrbu l-ħlejqa lejn Alla. Hekk dawn jistgħu jirrappreżentaw il-mixja tal-bniedem, it-tlugħ lejn il-komunjoni ma’ Alla. Għal San Bonaventura ma hemm ebda dubju: San Franġisk ta’ Assisi kien jagħmel parti mill-ordni serafiku, mill-ogħla ordni, mill-kor tas-serafini, jiġifieri kien nar safi ta’ mħabba. U hekk kellhom ikunu l-Franġiskani. Imma San Bonaventura kien jaf tajjeb li dan l-aħħar grad ta’ tqarrib lejn Alla ma jistax jiġi inserit f’ordinament ġuridiku, imma hu dejjem don partikulari ta’ Alla. Għalhekk l-istruttura tal-Ordni Franġiskan hi iżjed modesta, iżjed realista, imma għandha tgħin lill-membri jersqu dejjem iżjed lejn eżistenza serafika ta’ mħabba safja. L-Erbgħa li għadda tkellimt fuq din is-sintesi bejn realiżmu sobrju u radikalità evanġelika fil-ħsieb u fl-aġir ta’ San Bonaventura.

 

2. Imma San Bonaventura sab fil-kitbiet tal-Psewdo-Djonisju element ieħor, li għalih kien iżjed importanti. Waqt li għal Santu Wistin, l-intellectus, li tara bir-raġuni u l-qalb, huwa l-aħħar kategorija tal-għarfien, il-Psewdo-Djonisju jmidd pass ieħor: fit-tlugħ lejn Alla wieħed jista’ jasal f’punt fejn ir-raġuni ma tarax iżjed. Imma fil-lejl tal-intellett l-imħabba tibqa’ tara – tara dak li għar-raġuni jibqa’ inaċċessibbli. L-imħabba tmur lil hemm mir-raġuni, tara iżjed, tidħol iżjed fil-fond tal-misteru ta’ Alla. San Bonaventura kien imsaħħar minn din il-viżjoni, li kienet toqgħod tajjeb mal-ispiritwalità Franġiskana tiegħu. Proprju fil-lejl mudlam tas-Salib tidher fil-kobor kollu tagħha l-imħabba divina; fejn ir-raġuni ma tibqax tara iżjed, tara l-imħabba. Il-kliem tal-għeluq tiegħu tal-Mixja tar-Ruħ lejn Alla, jekk jinqara fuq fuq, jista’ jidher bħala espressjoni esaġerata ta’ devozzjoni bla kontenut; imma jekk naqrawh fid-dawl tat-teoloġija tas-Salib ta’ San Bonaventura, huwa espressjoni ċara u realistika tal-ispiritwalità Franġiskana: “Jekk trid taf kif isiru ħwejjeġ bħal dawn (jiġifieri t-tlugħ lejn Alla), staqsi lill-grazzja, mhux lill-għerf; lix-xewqa, mhux lid-dehen, lit-tnehid tat-talb mhux lit-tagħlim tal-ittra; … tistaqsix lid-dawl, iżda lin-nar li jagħmlek ħuġġieġa waħda kollok kemm int u jbiddlek f’Alla bi ħlewwa tal-għaġeb u bi mħabba liema bħalha” (VII, 6). Dan kollu mhuwiex anti-intellettwali u mhuwiex anti-razzjonali: jissupponi l-mixja tar-raġuni, imma jittraxxendiha fl-imħabba ta’ Kristu msallab. B’din il-bidla tal-mistika tal-Psewdo-Djonisju, lil San Bonaventura nsibuh fil-bidu ta’ kurrent kbir mistiku, li għolla u saffa ħafna l-ħsieb uman: huwa quċċata fl-istorja tal-ispirtu uman.

 

Din it-teoloġija tas-Salib, li twieldet mil-laqgħa bejn it-teoloġija tal-Psewdo-Djonisju u l-ispiritwalità Franġiskana, ma tridx tnessina li San Bonaventura ma’ San Franġisk ta’ Assisi jaqsam ukoll l-imħabba għall-ħolqien, il-ferħ għall-ġmiel tal-ħolqien ta’ Alla. Fuq dan il-punt nikkwota frażi mill-ewwel kapitlu tal-Mixja: “Dak… li ma jarax il-ġmiel bla tarf tal-ħlejjaq, hu għami; dak li ma jqajmuhx il-ħafna ilħna, hu trux; dak li għal dawn l-għeġubijiet kollha ma jfaħħarx lil Alla, hu mutu; dak li minn tant sinjali ma jintrefax lejn l-ewwel prinċipju, hu iblah” (I, 15). Il-ħolqien kollu jitkellem b’leħen għoli dwar Alla, dwar Alla li hu tajjeb u sabiħ; dwar imħabbtu.

 

Għal San Bonaventura, għalhekk, ħajjitna kollha hija “mixja”, pellegrinaġġ – telgħa lejn Alla. Imma bis-saħħa tagħna waħidna ma nistgħux nitilgħu lejn l-għoli ta’ Alla. Alla nnifsu jrid jgħinna, irid “jerfagħna” ’l fuq. Għalhekk hu meħtieġ it-talb. It-talb – hekk jgħid il-Qaddis – huwa l-omm u l-għajn tal-irfigħ – “sursum actio”, azzjoni li terfagħna ’l fuq – jgħid Bonaventura. Allura nagħlaq bit-talba, li biha jiftaħ il-Mixja tiegħu: “Mela nitolbu u ngħidu lill-Mulej Alla tagħna: ‘Mexxini, Mulej, fit-triq tiegħek u jiena nimxi fis-sewwa tiegħek. Tifraħ qalbi fil-biża’ ta’ ismek’” (I, 1).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard