Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja tal-qedem.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 16 ta’ Diċembru 2009

 

Ġwanni ta’ Salisbury

 

Għeżież ħuti,

 

Illum se niltaqgħu mal-figura ta’ Ġwanni ta’ Salisbury, li kien jagħmel parti minn waħda miż-żewġ skejjel filosofiċi u teoloġiċi l-iżjed importanti tal-Medjuevu, dik tal-Katidral ta’ Chartres, fi Franza. Bħat-teologi li dwarhom tkellimt fil-ġimgħat li għaddew, huwa wkoll jgħinna nifhmu kif il-fidi, f’armonija max-xewqat ġusti tar-raġuni, issuq il-ħsieb lejn il-verità rivelata, li fiha jinsab il-veru ġid tal-bniedem.

 

Ġwanni twieled l-Ingilterra, f’Salisbury, bejn l-1100 u l-1120. Meta naqraw l-opri tiegħu, u fuq kollox l-epistolarju għani tiegħu, insiru nafu bil-fatti l-aktar importanti ta’ ħajtu. Għal xi tnax-il sena, mill-1136 sal-1148, hu ta ruħu għall-istudji, iffrekwenta l-iskejjel l-iżjed ikkwalifikati ta’ żmienu, li fihom daħal għal-lezzjonijiet tal-imgħallmin famużi. Mar Pariġi u mbagħad Chartres, l-ambjent li l-aktar li mmarka l-formazzjoni tiegħu u li minnu xorob il-ftuħ kulturali kbir, l-interess għall-problemi spekulattivi u l-apprezzament għal-letteratura. Kif spiss kien jiġri f’dak iż-żmien, l-istudenti li jibbrillaw l-iżjed kienu jiġu mitluba minn prelati u sovrani biex ikunu kollaboraturi stretti tagħhom. Dan ġara wkoll fil-każ ta’ Ġwanni ta’ Salisbury, li ġie ppreżentat minn ħabib kbir tiegħu, Bernard ta’ Clairvaux, lil Teobaldu, Arċisqof ta’ Canterbury – is-sede tal-primat tal-Ingilterra –, li bi pjaċir laqgħu fost il-kleru tiegħu. Għal ħdax-il sena, mill-1150 sal-1161, Ġwanni kien segretarju u kappillan tal-Arċisqof anzjan. B’żelu li ma jafx b’għeja, waqt li kompla jiddedika ruħu għall-istudju, hu wettaq attività diplomatika intensa, u għal għaxar darbiet mar l-Italja, bl-għan espliċitu li jieħu ħsieb tar-relazzjonijiet tas-Saltna u l-Knisja tal-Ingilterra mal-Papa f’Ruma. Inzerta li f’dawk is-snin il-Papa kien Adrijanu IV, Ingliż li kellu ħbiberija kbira ma’ Ġwanni ta’ Salisbury. Fis-snin ta’ wara l-mewt ta’ Adrijanu IV, li seħħet fl-1159, fl-Ingilterra nħolqot sitwazzjoni ta’ tensjoni gravi bejn il-Knisja u s-Saltna. Is-Sultan Neriku II, fil-fatt, ried jafferma l-awtorità tiegħu fuq il-ħajja interna tal-Knisja, billi llimitalha l-libertà tagħha. Din il-pożizzjoni li ħa qanqlet ir-reazzjonijiet ta’ Ġwanni ta’ Salisbury, u fuq kollox ir-reżistenza qalbiena tas-suċċessur ta’ Teobaldu fuq il-katedra episkopali ta’ Canterbury, San Tumas Becket, li għal dan il-għan spiċċa fl-eżilju, fi Franza. Ġwanni ta’ Salisbury mar miegħu u baqa’ hemm għas-servizz tiegħu, waqt li kompla dejjem iħabrek għar-rikonċiljazzjoni. Fl-1170, meta kemm Ġwanni u kemm Tumas Becket kienu reġgħu daħlu lura l-Ingilterra, lil dan tal-aħħar ħebbu għalih u qatluh fil-katidral tiegħu. Miet martri u bħala tali minnufih ġie meqjum mill-poplu. Ġwanni kompla jaqdi fedelment anki lis-suċċessur ta’ Tumas, sakemm ġie maħtur Isqof ta’ Chartres, fejn baqa’ mill-1176 sal-1180, is-sena ta’ mewtu.

 

Mill-opri ta’ Ġwanni ta’ Salisbury nixtieq nitkellem fuq tnejn, li huma meqjusa l-kapulavuri tiegħu, imsemmija b’mod eleganti bit-titli Griegi ta’ Metaloghicon (Fid-Difiża tal-Loġika) ul-Polycraticus (Il-Bniedem fit-Tmexxija). Fl-ewwel opra hu – mhux mingħajr xi ironija fina li tikkaratterizza bosta nies kolti – jeħodha kontra l-pożizzjoni ta’ dawk li kellhom kunċett riduttiv tal-kultura, meqjusa bħala elokwenza vojta, kliem inutli. Imma Ġwanni jagħmel eloġju lill-kultura, lill-filosofija awtentika, jiġifieri lil-laqgħa bejn il-ħsieb b’saħħtu u l-komunikazzjoni, kelma effikaċi. Huwa jikteb hekk: “Fil-fatt, kif mhux biss hi ta’ min jibża’ minnha imma hi wkoll għamja l-elokwenza li mhix imdawla mir-raġuni, hekk l-għerf li ma jinqediex bl-użu tal-kelma mhux biss huwa dgħajjef, imma f’ċertu sens zopp: fil-fatt, imqar jekk, xi drabi, għerf bla kliem jista’ jkun biżżejjed għall-kuxjenza ta’ dak li jkun, rarament u ftit li xejn jiswa għas-soċjetà” (Metaloghicon 1, 1, PL 199, 327). Tagħlim attwali ħafna. Illum, dik li Ġwanni sejjaħ “elokwenza”, jiġifieri l-possibbiltà li nikkomunikaw b’għodod dejjem iżjed elaborati u mifruxa, tkattret bil-kbir. Madankollu, daqshekk ieħor jibqa’ urġenti l-bżonn li nikkomunikaw messaġġi mogħnija bl-“għerf”, jiġifieri mnebbħa mill-verità, mit-tjieba, mill-ġmiel. Din hi responsabbiltà kbira, li tisfida b’mod partikulari lil dawk li jaħdmu fil-qasam kumpless tal-kultura, tal-komunikazzjoni, tal-midja, li jieħu ħafna xejriet differenti. U dan hu qasam li fih nistgħu nxandru l-Vanġelu b’ħeġġa missjunarja.

 

Fil-Metaloghicon Ġwanni jaffronta l-problemi tal-loġika, li fi żmienu kienet oġġett ta’ interess kbir, u jagħmel mistoqsija fundamentali: x’tista’ tkun taf ir-raġuni tal-bniedem? Sa liema punt din tista’ tikkorrispondi għal dik ix-xewqa li hemm f’kull bniedem, jiġifieri t-tifitxa tal-verità? Ġwanni ta’ Salisbury jaddotta pożizzjoni moderata, mibnija fuq it-tagħlim ta’ xi trattati ta’ Aristotli u ta’ Ċiċerun. Fil-fehma tiegħu, normalment ir-raġuni umana tilħaq għarfien li mhuwiex indiskutibbli, imma probabbli u opinjonabbli. L-għarfien uman – din hi l-konklużjoni tiegħu – hu imperfett, għax suġġett għal tmiem, għal-limitu tal-bniedem. Imma dan jikber u jipperfezzjona ruħu grazzi għall-esperjenza u għall-elaborazzjoni ta’ raġunamenti korretti u koerenti, li kapaċi jistabbilixxu relazzjonijiet bejn il-kunċetti u r-realtà, grazzi għad-diskussjoni, għall-konfront u għall-għarfien li jistagħna minn ġenerazzjoni għall-oħra. F’Alla biss hemm xjenza perfetta, li tiġi kkomunikata lill-bniedem, tal-inqas f’parti minnha, permezz tar-Rivelazzjoni milqugħa fil-fidi, fejn għalhekk ix-xjenza tal-fidi, it-teoloġija, tikxef il-potenzjalitajiet tar-raġuni u tmexxi ’l quddiem fl-umiltà lejn l-għarfien tal-misteri ta’ Alla.

 

Il-bniedem li jemmen, kif ukoll it-teologu, li jinżlu fil-fond tat-teżor tal-fidi, jinfetħu wkoll għal għerf prattiku, li jmexxi l-għemejjel ta’ kuljum, jiġifieri lejn il-liġijiet morali u t-taħriġ tal-virtujiet. Jikteb Ġwanni ta’ Salisbury: “Il-ħniena ta’ Alla tatna l-liġi tiegħu, li turina x’inhu ta’ siwi għalina li nkunu nafu, u dak li nistgħu nkunu nafu minn Alla u dak li sewwa nistħarrġu fuqu… Fil-fatt, f’din il-liġi tidher u ssir ċara r-rieda ta’ Alla, biex kull wieħed u waħda minna jagħraf dak li għalih hu meħtieġ jagħmel” (Metaloghicon 4, 41, PL 199, 944-945). Skont Ġwanni ta’ Salisbury, teżisti wkoll verità oġġettiva u li ma tinbidilx, li l-oriġni tagħha hi f’Alla, aċċessibbli għar-raġuni umana u li tolqot l-aġir prattiku u soċjali. Hu dritt naturali, li minnu għandhom jitnebbħu l-liġijiet umani u l-awtoritajiet politiċi u reliġjużi, biex jistgħu jippromovu l-ġid komuni. Din il-liġi naturali hi kkaratterizzata minn proprjetà li Ġwanni jsejjaħ “ekwità”, jiġifieri li kull persuna tiġi attribwita d-drittijiet tagħha. Minnha joħorġu preċetti li huma leġittimi fil-popli kollha, u li fl-ebda każ ma jistgħu jitwarrbu. Din hi t-teżi ċentrali tal-Polycraticus, it-trattat ta’ filosofija u ta’ teoloġija politika, li fih Ġwanni ta’ Salisbury jirrifletti fuq il-kundizzjonijiet li jagħmlu l-azzjoni tal-governanti ġusta u permessibbli.

 

Waqt li argumenti oħra affrontati f’din l-opra huma marbutin maċ-ċirkustanzi storiċi li fihom ġiet minsuġa, it-tema tar-relazzjoni bejn il-liġi naturali u l-ordinament ġuridiku-pożittiv, bil-medjazzjoni tal-ekwità, sal-lum hi ta’ importanza kbira. Fil-fatt, fi żmienna, fuq kollox f’xi pajjiżi, qed naraw tinħoloq distanza preokkupanti bejn ir-raġuni, li għandha l-għan li tiskopri l-valuri etiċi marbuta mad-dinjità tal-persuna umana, u l-libertà, li għandha r-responsabbiltà li tilqagħhom u tippromovihom. Kieku llum Ġwanni ta’ Salisbury kien ifakkarna li huma konformi mal-ekwità biss dawk il-liġijiet li jħarsu s-sagralità tal-ħajja umana u jiċħdu l-leċità tal-abort, tal-ewtanasja u tal-esperimentazzjonijiet ġenetiċi sfaċċati, dawk il-liġijiet li jirrispetaw id-dinjità taż-żwieġ bejn raġel u mara, li jitnebbħu minn lajċità korretta tal-Istat – lajċità li xorta tħaddan dejjem il-ħarsien tal-libertà reliġjuża –, u li jfittxu s-sussidjarjetà u s-solidarjetà fuq livell nazzjonali u internazzjonali. Jekk mhux hekk, jispiċċa jkollna dik li Ġwanni ta’ Salisbury jsejħilha t-“tirannija tal-prinċep” jew, kieku nsejħulha aħna, “id-dittatura tar-relattiviżmu”: relattiviżmu li, kif fakkart xi snin ilu, “ma jqis xejn bħala defenittiv u jħalli bħala l-aħħar kejl il-jien tiegħi u dak li jixtieq” (Missa pro eligendo Romano Pontifice, Omelija, LOsservatore Romano, 19 aprile 2005).

 

Fl-aħħar Enċiklika tiegħi, Caritas in veritate, jiena u nindirizza lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, li jħabirku biex l-azzjoni soċjali u politika ma tkun qatt maqlugħa mill-verità oġġettiva fuq il-bniedem u fuq id-dinjità tiegħu, ktibt hekk: “Il-verità, u l-imħabba li turi, ma nistgħux nipproduċuhom: nistgħu biss nirċevuhom bħala rigal. L-għajn aħħarija tagħhom mhijiex, u ma tistax tkun, il-bniedem, iżda Alla waħdu, li hu nnifsu Verità u Mħabba. Dan il-prinċipju hu importanti ħafna għas-soċjetà u għall-iżvilupp, għax il-bniedem ma jista’ jipproduċi la l-waħda u lanqas l-ieħor. Is-sejħa għall-iżvilupp min-naħa ta’ individwi u popli mhijiex imsejsa biss fuq għażla li jagħmel il-bniedem, iżda hija miktuba fi pjan li jimxi qabilna u li hu għalina lkoll dmir li għandna naċċettawh liberament” (n. 52). Dan il-pjan li jiġi qabilna, din il-verità ta’ dak li aħna, irridu nfittxuha u nilqgħuha, biex titwieled il-ġustizzja, imma nistgħu nsibuha u nilqgħuha biss b’qalb, b’rieda, b’raġuni msoffija fid-dawl ta’ Alla.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard