Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 15 ta’ Diċembru 2010

 

Santa Veronika Giuliani

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq nippreżenta mistika li mhijiex tal-epoka Medjevali; din hi Santa Veronika Giuliani, monaka Klarissa Kapuċċina. Ir-raġuni hi li fis-27 ta’ Diċembru li ġej jaħbat it-350 anniversarju minn twelidha. Città di Castello, il-post fejn għexet l-aktar u fih mietet, kif ukoll Mercatello – raħal twelidha – u d-Djoċesi ta’ Urbino, qed jgħixu din il-ġrajja b’ferħ kbir.

 

Veronika twieldet sewwasew fis-27 ta’ Diċembru 1660 f’Mercatello, fil-wied ta’ Metauro, minn Francesco Giuliani u Benedetta Mancini; kienet l-iżgħar fost seba’ aħwa nisa, li minnhom tlieta oħra ħaddnu l-ħajja monastika; tawha l-isem ta’ Ursola. Fl-età ta’ seba’ snin, tilfet lil ommha, u missierha mar Piacenza bħala suprintendent tad-dwana tad-Dukat ta’ Parma. F’din il-belt, Ursola ħasset tikber fiha x-xewqa li tagħti ħajjitha għal Kristu. Is-sejħa ħassitha tagħfas dejjem aktar fuqha, tant li, ta’ 17-il sena, daħlet fil-klawsura stretta tal-monasteru tal-Klarissi Kapuċċini ta’ Città di Castello, fejn baqgħet ħajjitha kollha. Hemm irċiviet l-isem ta’ Veronika, li jfisser “xbieha vera”, u, fil-fatt, hi kellha ssir xbieha vera ta’ Kristu Msallab. Sena wara, għamlet il-professjoni reliġjuża solenni: bdiet għaliha l-mixja ta’ twaħħid sħiħ ma’ Kristu permezz ta’ bosta penitenzi, tbatijiet kbar u xi esperjenzi mistiċi marbuta mal-Passjoni ta’ Ġesù: l-inkurunazzjoni bix-xewk, iż-żwieġ mistiku, il-ġerħa fil-qalb tagħha, u l-istimmati (pjagi). Fl-1716, meta kellha 56 sena, laħqet badessa tal-monasteru u reġgħet ġiet ikkonfermata f’dan ir-rwol sa mewtha, li seħħet fl-1727, wara agunija ta’ tbatija kbira li damet 33 jum u li laħqet il-quċċata tagħha f’ferħ profond, tant li l-aħħar kelmiet tagħha kienu: “Sibt lill-Imħabba, l-Imħabba ħallietni naraha! Din hija l-kawża tat-tbatija tiegħi. Morru għidu lil kulħadd, għiduh lil kulħadd!” (Summarium Beatificationis, 115-120). Fid-9 ta’ Lulju ħalliet l-għamara ta’ din l-art biex tmur tiltaqa’ ma’ Alla. Kellha 67 sena, li ħamsin minnhom qattgħethom fil-monasteru ta’ Città di Castello. Ġiet ipproklamata Qaddisa fis-26 ta’ Mejju 1839 mill-Papa Girgor XVI.

 

Veronika Giuliani kitbet ħafna: ittri, rapporti awtobijografiċi, poeżiji. Madankollu, l-għajn ewlenija biex naqraw il-ħsieb tagħha hu d-Djarju tagħha, li bdietu fl-1693: fuq 22,000 paġna ta’ manuskritt, li jkopru medda ta’ 34 sena ta’ ħajja klawstrali. Il-kitba toħroġ spontanja u kontinwa, ma hemmx ingassar jew tiswijiet, lanqas sinjali ta’ waqfien jew tqassim tal-kontenut f’kapitli jew partijiet skont xi pjan imħażżeż minn qabel. Veronika ma riditx tinseġ xi opra letterarja; anzi, kienet obbligata tniżżel bil-miktub l-esperjenzi tagħha minn Patri Ġirolmu Bastianelli, reliġjuż tal-Filippini, fi qbil mal-Isqof djoċesan Anton Eustachi.

 

Santa Veronika għandha spiritwalità kjarament Kristoloġika-sponsali: l-esperjenza tagħha hi li hi maħbuba minn Kristu, l-Għarus fidil u sinċier, u trid twieġeb bi mħabba dejjem iżjed sħiħa u appassjonata. Fiha kollox jinqara fid-dawl tal-imħabba, u dan jimlieha b’serenità profonda. Kull ħaġa tgħixha f’għaqda ma’ Kristu, għal imħabbtu, u bil-ferħ li tista’ turih l-imħabba kollha li ħlejqa kapaċi tasal għaliha.

 

Kristu li miegħu Veronika hi profondament magħquda hu dak li jbati fil-passjoni, il-mewt u l-qawmien; huwa Ġesù fl-att tal-offerta tiegħu lill-Missier biex jifdina. Minn din l-esperjenza toħroġ ukoll l-imħabba qawwija li lesta tbati għall-Knisja, fl-għamla doppja tat-talb u tal-offerta. Il-Qaddisa tgħix f’din l-ottika: titlob, tbati, tfittex il-“faqar qaddis”, bħala “esproprjazzjoni”, li titlef lilha nfisha (ara ibid., III, 523), proprju biex tkun bħal Kristu, li ta lilu nnifsu kollu kemm hu.

 

F’kull paġna tal-kitbiet tagħha Veronika lill-Mulej tirrakkomandalu lil xi ħadd, u twettaq it-talbiet ta’ interċessjoni bl-offerta tagħha nfisha f’kull tbatija. Qalbha titwessa’ għall-“bżonnijiet tal-Knisja Mqaddsa” kollha, waqt li tgħix anzjuża fix-xewqa li “d-dinja kollha” ssalva (ibid., III-IV, passim). Veronika tokrob: “O midinbin… ejjew kollha għand il-qalb ta’ Ġesù; ejjew inħaslu bid-demm prezzjożissmu tiegħu… Hu qed jistenniekom b’dirgħajh miftuħa biex jgħannaqkom miegħu” (ibid., II, 16-17). Imħeġġa minn imħabba mkebbsa, għal ħutha fil-monasteru kellha attenzjoni, komprensjoni, maħfra; hi toffri t-talbiet u s-sagrifiċċji tagħha għall-Papa, għall-isqof tagħha, għas-saċerdoti u għall-persuni kollha fil-bżonn, inkluż l-erwieħ tal-purgatorju. Tiġbor il-missjoni kontemplattiva kollha tagħha f’dawn il-kelmiet: “Aħna ma nistgħux immorru mad-dinja nipprietkaw biex nikkonvertu l-erwieħ, imma aħna obbligati nitolbu l-ħin kollu għal dawk l-erwieħ kollha li joffendu lil Alla… partikularment bit-tbatijiet tagħna, jiġifieri bi prinċipju ta’ ħajja msallba” (ibid., IV, 877). Il-Qaddisa tagħna tħares lejn din il-missjoni bħala mod kif “toqgħod bejn” il-bnedmin u Alla, bejn il-midinbin u Kristu Msallab.

 

Veronika għexet b’mod profond is-sehem tagħha fl-imħabba li wera Ġesù fit-tbatija tiegħu, ċerta li jekk “tbati bil-ferħ” dan hu “l-muftieħ għall-imħabba” (ara ibid., I, 299, 417; III, 330, 303, 871; IV, 192). Hi turina kif Ġesù jbati minħabba d-dnubiet tal-bnedmin, imma anki minħabba t-tbatijiet li l-qaddejja fidili tiegħu kellhom iġarrbu tul is-sekli, fi żmien il-Knisja, proprju minħabba l-fidi soda u koerenti tagħhom. Tikteb: “Il-Missier etern tiegħu f’dak il-ħin urieni u ġagħalni nħoss it-tbatijiet kollha li kellhom ibatu l-magħżulin tiegħu, l-erwieħ l-aktar għeżież għalih, jiġifieri dawk li kellhom igawdu mid-demm tiegħu u mit-tbatijiet tiegħu” (ibid., II, 170). Kif jgħid għalih innifsu l-Appostlu Pawlu: “Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja” (Kol 1:24). Veronika waslet biex talbet lil Ġesù li tiġi msallba miegħu: “F’ħin minnhom”, tikteb, “jien rajt ħerġin mill-pjagi mqaddsa tiegħu ħames raġġi jiddu; u kollha ġew fuq il-wiċċ tiegħi. U jiena lmaħt dawn ir-raġġi jinbidlu fi fjammi żgħar. F’erbgħa minnhom kien hemm l-imsiemer; u f’waħda l-lanza, lewn id-deheb, taħraq nar: u nifditli qalbi, minn naħa għall-oħra… u l-imsiemer nifduli jdejja u riġlejja. Jien ħassejt uġigħ kbir; imma, fl-istess uġigħ, rajt lili nnifsi, ħassejt lili nnifsu kollha mibdula f’Alla” (Djarju, I, 897).

 

Il-Qaddisa kienet konvinta li qed tieħu sehem minn issa fis-Saltna ta’ Alla, imma fl-istess waqt talbet lill-qaddisin kollha tal-Ġenna biex jgħinuha fil-mixja tal-għotja tagħha fuq din l-art, fl-istennija tal-hena dejjiem; din hi l-aspirazzjoni kontinwa tal-ħajja tagħha (ara ibid., II, 909; V, 246). F’paragun mal-predikazzjoni ta’ żmienha, li mhux darba u tnejn kienet ikkonċentrata fuq li “ssalva ruħek” f’termini individwali, Veronika wriet sens qawwi “solidali”, ta’ komunjoni mal-aħwa kollha li mexjin lejn is-Sema, u għexet, talbet, batiet għal kulħadd. Fl-istess waqt, il-ħwejjeġ ta’ qabel, ta’ din l-art, imqar jekk apprezzati f’sens Franġiskan bħala don tal-Ħallieq, dejjem saru iżjed ħaġa relattiva għaliha, subordinati għalkollox għall-“gost” ta’ Alla u taħt is-sinjal ta’ faqar radikali. Fil-communio sanctorum, hi ċċarat l-għotja tagħha lill-Knisja, bħala r-relazzjoni bejn il-Knisja pellegrina u l-Knisja tas-Sema. “Il-Qaddisin kollha”, hija tikteb, “jinsabu hemm fuq grazzi għall-merti u l-passjoni ta’ Ġesù; imma huma kkoperaw ma’ dak kollu li għamel Sidna, hekk li ħajjithom kienet kollha kemm hi ordnata, irregolata mill-istess opri (tiegħu)” (ibid., III, 203).

 

Fil-kitbiet ta’ Veronika nsibu ħafna kwotazzjonijiet bibliċi, xi drabi b’mod indirett, imma dejjem puntwali: hi turi l-familjarità tagħha mal-Kitbiet imqaddsa, li minnhom titrejjaq l-esperjenza spiritwali tagħha. Barra minn hekk, ta’ min isemmi li l-mumenti qawwija tal-esperjenza mistika ta’ Veronika qatt ma huma mifruda mill-ġrajjiet salvifiċi ċċelebrati fil-liturġija, fejn għandhom post partikulari x-xandir u s-smigħ tal-Kelma ta’ Alla. L-Iskrittura Mqaddsa, allura, iddawwal, issaffi, tikkonferma l-esperjenza ta’ Veronika, u tagħmilha waħda ekkleżjali. Imma min-naħa l-oħra, proprju l-esperjenza tagħha, ankrata fl-Iskrittura Mqaddsa b’intensità xejn komuni, tiggwidaha għal qari iżjed profond u “spiritwali” tal-istess Kitbiet, tidħol fil-profondità moħbija tat-test. Hi mhux biss tesprimi ruħha bil-kelmiet tal-Iskrittura Mqaddsa, imma tabilħaqq anki tgħix b’dawn il-kelmiet, fiha jsiru l-istess ħajja.

 

Ngħidu aħna, il-Qaddisa tagħna spiss tikkwota l-espressjoni tal-Appostlu Pawlu: “Jekk Alla hu magħna, min jista’ jkun kontra tagħna?” (Rum 8:31; ara Djarju, I, 714; II, 116, 1021; III, 48). Fiha, l-assimilazzjoni ta’ dan it-test Pawlin, din il-fiduċja kbira u ferħ profond tagħha, isiru fatt imwettaq fl-istess persuna tagħha: “Ir-ruħi tiegħi”, tikteb, “ġiet marbuta mar-rieda divina u jiena tabilħaqq inbnejt u twaqqaft għal dejjem fir-rieda ta’ Alla. Deherli li qatt iżjed ma kelli għax niċċaqlaq minn din ir-rieda ta’ Alla u rġajt lura fija nnifsi b’dawn il-preċiżi kelmiet: xejn ma jista’ jifridni mir-rieda ta’ Alla, la taħbit, la dwejjaq, la tiġrib, la żebliħ, la tentazzjonijiet, la ħlejjaq, la xjaten, la dlamijiet, u lanqas l-istess mewt, għax, fil-ħajja u fil-mewt, irrid f’kollox u kollha kemm hi r-rieda ta’ Alla” (Djarju, IV, 272). Hekk aħna ċerti wkoll li l-mewt mhijiex l-aħħar kelma, aħna msammra fir-rieda ta’ Alla u allura, tabilħaqq, fil-ħajja ta’ dejjem.

 

Veronika turi b’mod partikulari li hi xhud qalbiena tal-ġmiel u tal-qawwa tal-Imħabba divina, li tiġbidha lejha, timlieha, tkebbisha. Hija l-Imħabba misluba ssiġillat lil laħamha, bħalma għamlet fil-ġisem ta’ San Franġisk ta’ Assisi, bil-pjagi ta’ Ġesù. “Għarusa tiegħi”, jgħidli Kristu msallab minn taħt l-ilsien, “huma għeżież għalija l-penitenzi li tagħmel għal dawk li tbiegħdu minni… Imbagħad qala’ driegħu minn mas-salib u ordnali nersaq lejn il-kustat tiegħu… U sibt ruħi f’dirgħajn l-Imsallab. Dak li ħassejt f’dak il-ħin ma nafx nirrakkontah: xtaqt nibqa’ għal dejjem fil-kustat imqaddes tiegħu” (ibid., I, 37). Din hija wkoll xbieha tal-mixja spiritwali tagħha, tal-ħajja interjuri tagħha: li tgħix imħaddna mill-Imsallab u hekk tibqa’ fl-imħabba ta’ Kristu għall-oħrajn. Anki mal-Verġni Marija, Veronika tgħix relazzjoni ta’ intimità profonda, li għandna xhieda tagħha fil-kelmiet li darba semgħet lill-Madonna tgħidilha u li tniżżel fid-Djarju tagħha: “Jiena tajtek li tistrieħ fi ħdani, magħquda ma’ ruħi, u minn hemm bħal ittajjart għal quddiem Alla” (IV, 901).

 

Santa Veronika Giuliana tistedinna nkabbru, fil-ħajja tagħna, l-għaqda mal-Mulej billi nkunu preżenti għall-oħrajn, nintelqu fir-rieda tiegħu b’fiduċja sħiħa u totali, u l-għaqda mal-Knisja, l-Għarusa ta’ Kristu; tistedinna jkollna sehem fl-imħabba ta’ Ġesù Msallab li jbati għas-salvazzjoni tal-midinbin kollha; tistedinna nżommu ħarsitna msammra fuq il-Ġenna, id-destinazzjoni tal-mixja tagħna fuq din l-art, fejn għad ngħixu flimkien ma’ tant ħutna l-ferħ tal-komunjoni sħiħa ma’ Alla; tistedinna nitrejqu ta’ kuljum bil-Kelma ta’ Alla biex inkebbsu l-qalb tagħna u nagħtu direzzjoni lil ħajjitna. L-aħħar kelmiet tal-Qaddisa nistgħu nqisuhom is-sintesi tal-esperjenza mistika appassjonata tagħha: “Sibt l-Imħabba, l-Imħabba ħallietni naraha!”. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard