Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja tal-qedem.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 13 ta’ Jannar 2010

 

L-Ordnijiet Mendikanti

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-bidu ta’ sena ġdida inħarsu lejn l-istorja tal-Kristjaneżmu, biex naraw storja kif tiżviluppa u kif tista’ tiġi mġedda. Fiha nistgħu naraw li huma l-qaddisin, immexxija mid-dawl ta’ Alla, ir-riformaturi veri tal-ħajja tal-Knisja u tas-soċjetà. Għalliema bil-kelma u xhieda bl-eżempju, huma jafu jġibu tiġdid ekkleżjali sod u qawwi, għax huma nfushom huma mġedda b’mod qawwi, huma f’kuntatt mal-veru ġdid: il-preżenza ta’ Alla fid-dinja. Din ir-realtà li tfarraġna, jiġifieri li f’kull ġenerazzjoni jitwieldu l-qaddisin u jġibu magħhom il-kreattività tat-tiġdid, issieħeb il-ħin kollu l-istorja tal-Knisja qalb in-niket u l-aspetti negattivi tal-mixja tagħha. Fil-fatt, seklu wara l-ieħor, naraw jitwieldu wkoll il-qawwiet tar-riforma u tat-tiġdid, għax il-ġdid ta’ Alla ma jehda qatt u jagħtina dejjem qawwa ġdida biex nibqgħu mexjin ’il quddiem. Hekk seħħ ukoll fis-seklu 13, bit-twelid u l-iżvilupp straordinarju tal-Ordnijiet Mendikanti: mudell ta’ tiġdid ġdid f’epoka storika ġdida. Huma ġew imsejħin hekk minħabba l-karatteristika tagħhom li “jittallbu”, jiġifieri li umilment jirrikorru għall-għajnuna ekonomika tan-nies biex jistgħu jgħixu l-vot tal-faqar u jwettqu l-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni tagħhom. Fost l-Ordnijiet Mendikanti li xirfu f’dak iż-żmien, l-aktar magħrufin u importanti huma l-Aħwa Minuri u l-Aħwa Predikaturi, magħrufin bħala Franġiskani u Dumnikani. Huma msejħin hekk mill-isem tal-Fundaturi tagħhom, Franġisku ta’ Assisi u Duminku ta’ Guzman rispettivament. Dawn iż-żewġ qaddisin kbar kellhom il-ħila li jaqraw b’intelliġenza “s-sinjali taż-żminijiet”, u jħossu x’kienu l-isfidi li l-Knisja ta’ żmienhom kellha taffronta.

 

L-ewwel sfida kienet il-qawmien ta’ diversi gruppi u movimenti ta’ fidili li, imqar jekk imnebbħa minn xewqa leġittima għal ħajja Nisranija awtentika, spiss kienu joħorġu ’l barra mill-komunjoni ekkleżjali. Kienu f’oppożizzjoni qawwija kontra l-Knisja sinjura u sabiħa li kienet żviluppat proprju aktar ma warrad il-monakiżmu. F’Katekeżijiet riċenti tkellimt fuq il-komunità monastika ta’ Cluny, li kienet ġibdet dejjem iżjed żgħażagħ u allura forzi vitali, kif ukoll ġid u għana. U għalhekk tifhimha li għall-ewwel kienet żviluppat Knisja b’ħafna proprjetajiet u anki ġid. Kontra din il-Knisja feġġet l-idea li Kristu ġie fuq l-art fqir u li l-vera Knisja kellha tkun sewwasew il-Knisja tal-foqra; u għalhekk, ix-xewqa għal awtentiċità Nisranija vera ħaditha kontra r-realtà tal-Knisja empirika. Dawn kienu l-hekk imsejħa movimenti pawperistiċi tal-Medjuevu. B’ċerta ħruxija kienu jeħduha qatta’ bla ħabel kontra l-mod kif kienu jgħixu s-saċerdoti u l-monaċi ta’ żmienhom, u jakkużawhom li ttradew il-Vanġelu u li ma kinux qed jipprattikaw il-faqar bħall-ewwel Insara, u kontra l-ministeru tal-Isqfijiet dawn il-movimenti poġġew “ġerarkija parallela” tagħhom. Barra minn hekk, biex jiġġustifikaw l-għażliet tagħhom, bdew ixerrdu tagħlim li ma kienx jaqbel mal-fidi Kattolika. Ngħidu aħna, il-moviment tal-Katari jew Albiġensi reġa’ qajjem ereżiji antiki, bħall-iżvalutazzjoni u l-istmerrija tad-dinja materjali – l-oppożizzjoni kontra l-għana li malajr saret oppożizzjoni kontra r-realtà materjali bħala tali – iċ-ċaħda tar-rieda ħielsa, jew imbagħad id-duwaliżmu, l-eżistenza tat-tieni prinċipju tal-ħażen ekwiparat għal Alla. Dawn il-movimenti kellhom suċċess, speċjalment fi Franza u fl-Italja, mhux biss minħabba li kienu organizzati tajjeb, imma anki għax kienu qed jikkundannaw diżordni reali fil-Knisja, ikkawżat mill-imġiba ftit li xejn eżemplari ta’ diversi esponenti tal-kleru.

 

Min-naħa l-oħra, il-Franġiskani u d-Dumnikani, fuq il-passi tal-Fundaturi tagħhom, urew li kien possibbli tgħix il-faqar evanġeliku, il-verità tal-Vanġelu bħala tali, mingħajr ma tinfired mill-Knisja; urew li l-Knisja tibqa’ l-post veru u awtentiku tal-Vanġelu u tal-Iskrittura. Anzi, Duminku u Franġisku proprju fil-komunjoni qawwija tagħhom mal-Knisja u mal-Papat sabu l-qawwa tax-xhieda tagħhom. B’għażla għalkollox oriġinali fl-istorja tal-ħajja kkonsagrata, il-membri ta’ dawn l-Ordnijiet mhux biss iċċaħħdu milli jkollhom ġid personali tagħhom, kif għamlu l-monaċi sa mill-qedem, imma lanqas riedu li l-komunità jkollha art jew ġid ieħor tagħha. Hekk riedu jagħtu xhieda ta’ ħajja estremament sobrja, biex ikunu solidali mal-foqra u jafdaw biss fil-Providenza, jgħixu ta’ kuljum mill-Providenza, mill-fiduċja li jintelqu f’idejn Alla. Dan l-istil personali u komunitarju tal-Ordinijiet Mendikanti, magħqud mat-twaħħid sħiħ mat-tagħlim tal-Knisja u mal-awtorità tagħha, kien apprezzat ħafna mill-Papiet ta’ żmienhom, bħal Innoċenz III u Onorju III, li offrew l-appoġġ sħiħ tagħhom lil dawn l-esperjenzi ekkleżjali ġodda, u għarfu fihom il-leħen tal-Ispirtu. U l-frott ma naqasx: il-gruppi pawperistiċi li kienu nqatgħu mill-Knisja reġgħu daħlu fil-komunjoni ekkleżjali jew, ftit ftit, ċkienu sakemm għosfru. Anki llum, imqar jekk qed ngħixu f’soċjetà fejn spiss dak li “għandi” jipprevali fuq min “jien”, hawn sensibbiltà kbira għall-eżempji ta’ faqar u ta’ solidarjetà, li nies ta’ fidi joffru b’għażliet kuraġġjużi li jagħmlu. Illum ukoll m’aħniex neqsin minn inizjattivi simili: il-movimenti, li jibdew realment mill-ġdid tal-Vanġelu u jgħixuh b’radikalità fil-ġurnata tal-lum, u jintelqu f’idejn Alla, biex jaqdu lill-proxxmu. Id-dinja, kif fakkarna Pawlu VI fl-Evangelii nuntiandi, lill-għalliema lesta tismagħhom iktar meta jkunu wkoll xhieda. Din hija lezzjoni li ma rridu ninsewha qatt fil-ħidma tagħna biex inxerrdu l-Vanġelu: l-ewwel ngħixu aħna dak li se nħabbru, inkunu mera tal-imħabba divina.

 

Il-Franġiskani u d-Dumnikani kienu xhieda, imma anki għalliema. Fil-fatt, bżonn ieħor mifrux ħafna fi żmienhom kien dak tat-tagħlim reliġjuż. Mhux ftit kienu l-fidili lajċi, li kienu jgħixu fl-ibliet li kienu qed jikbru malajr, li xtaqu jipprattikaw ħajja Nisranija spiritwalment intensa. Allura kienu qed ifittxu li jinżlu iktar fil-fond tal-għarfien tagħhom tal-fidi u li jiġu ggwidati fil-mixja iebsa imma entużjażmanti tal-qdusija. L-Ordnijiet Mendikanti għarfu b’mod sabiħ jaffrontaw anki dan il-bżonn: ix-xandir tal-Vanġelu fis-sempliċità u fil-profondità u l-kobor tiegħu kien skop, forsi l-iskop prinċipali ta’ dan il-moviment. Fil-fatt, b’żelu liema bħalu, iddedikaw ruħhom għall-predikazzjoni. Kienu bosta l-fidili, spiss folol sħaħ, li kienu jinġabru biex jisimgħu lill-predikaturi fil-knejjes u fil-beraħ, biżżejjed naħsbu f’Sant’Antnin bħala eżempju. Kienu jiġu ttrattati argumenti qrib tal-ħajja tan-nies, fuq kollox il-prattika tal-virtujiet teologali u morali, b’eżempji konkreti, li ma tridx wisq għerf biex tifhimhom. Barra minn hekk, kienu jgħallmu modi kif wieħed jikber fil-ħajja tat-talb u l-qima lil Alla. Ngħidu aħna, il-Franġiskani xerrdu ħafna d-devozzjoni lejn l-umanità ta’ Kristu, bl-impenn li jimitaw lill-Mulej. Allura ma nistagħġbux li kienu gzuz il-fidili, irġiel u nisa, li, biex jakkumpanjawhom fil-mixja Nisranija tagħhom, għażlu Franġiskani u Dumnikani, diretturi spiritwali u konfessuri mfittxija u apprezzati. U hekk twieldu assoċjazzjonijiet ta’ fidili lajċi mnebbħin mill-ispiritwalità ta’ San Franġisk u ta’ San Duminku, addattata għall-istat tal-ħajja tagħhom. Dan hu t-Terz’Ordni, kemm Franġiskan u kemm Dumnikan. Fi kliem ieħor, il-proposta ta’ “qdusija lajkali” ġibdet lejha ħafna persuni. Kif fakkar il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, is-sejħa għall-qdusija mhijiex biss għal xi wħud, imma hi universali (ara Lumen gentium, 40). Fil-fażijiet kollha tal-ħajja, skont l-esiġenzi ta’ kull wieħed, hemm il-possibbiltà li ngħixu l-Vanġelu. Illum ukoll kull Nisrani għandu jfittex il-“kejl għoli tal-ħajja Nisranija”, hu x’inhu l-istat ta’ ħajja tiegħu!

 

L-importanza tal-Ordnijiet Mendikanti tant ġabet affarijiet magħha fil-Medjuevu li Istituzzjonijiet lajkali, bħall-organizzazzjonijiet tax-xogħol, il-korporazzjonijiet l-antiki u l-istess awtoritajiet ċivili, spiss kienu jirrikorru għall-konsulenza spiritwali għand membri ta’ dawn l-Ordnijiet biex ifasslu r-regolamenti tagħhom u, xi drabi, għas-soluzzjoni ta’ tilwim intern jew estern. Il-Franġiskani u d-Dumnikani saru l-animaturi spiritwali tal-bliet Medjevali. B’intuwizzjoni kbira, huma wettqu strateġija pastorali adatta għall-bidliet fis-soċjetà. Billi bosta persuni kienu qed jimxu mill-kampanja għall-bliet, il-kunventi tagħhom ma baqgħux jibnuhom f’żoni rurali, imma f’dawk urbani. Barra minn hekk, biex jiżvolġu l-ħidmiet tagħhom għall-ġid tal-erwieħ, kien hemm bżonn jiċċaqilqu minn post għal ieħor skont l-esiġenzi pastorali. B’għażla oħra għal kollox innovattiva, l-Ordnijiet Mendikanti abbandunaw il-prinċipju tal-istabbiltà, klassiku fil-monakiżmu antik, biex jagħżlu mod ieħor. Il-Minuri u l-Predikaturi kienu jivvjaġġaw minn post għall-ieħor, b’ħeġġa missjunarja. B’konsegwenza, organizzaw ruħhom b’mod differenti minn dak tal-parti l-kbira tal-Ordnijiet monastiċi. Flok l-awtonomija li tradizzjonalment kien igawdi kull monasteru, huma taw importanza ikbar lill-Ordni bħala tali u lis-Superjur Ġenerali, kif ukoll lill-istruttura tal-provinċji. Hekk il-Mendikanti kienu iktar disponibbli għall-ħtiġijiet tal-Knisja Universali. Din il-flessibbiltà għamlet possibbli li l-aktar patrijiet adatti jiġu mibgħutin iwettqu missjonijiet speċifiċi u l-Ordnijiet Mendikanti laħqu l-Afrika ta’ Fuq, il-Lvant Nofsani, l-Ewropa ta’ Fuq. B’din il-flessibbiltà d-dinamiżmu missjunarju ġie mġedded.

 

Sfida oħra kienet il-bidliet kulturali li kienu qed iseħħu f’dak iż-żmien. Kwistjonijiet ġodda kienu qed jagħmlu ħajja d-diskussjoni fl-universitajiet, li nibtu sa minn tmiem is-seklu 12. Il-Minuri u l-Predikaturi ma żammewx lura milli jieħdu wkoll din il-ħidma f’idejhom u, bħala studenti u professuri, rifsu fl-universitajiet l-iżjed famużi ta’ żmienhom, bnew ċentri ta’ studji, ipproduċew testi ta’ valur kbir, taw il-ħajja lil skejjel veri ta’ ħsieb, kienu protagonisti tat-teoloġija Skolastika fl-aqwa perjodu tagħha, ħallew impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tal-ħsieb. L-ikbar ħassieba, San Tumas ta’ Aquino u San Bonaventura, kienu Mendikanti, ħadmu sewwasew b’dan id-dinamiżmu tal-evanġelizzazzjoni ġdida, li ġedded anki l-kuraġġ tal-ħsieb, tad-djalogu bejn raġuni u fidi. Illum ukoll hemm “karità tal- u fil-verità”, “karità intellettwali” li rridu nwettqu, biex indawlu l-intelliġenza u nagħġnu l-fidi mal-kultura. L-impenn imwettaq mill-Franġiskani u mid-Dumnikani fl-universitajiet Medjevali huwa stedina, għeżież fidili, biex aħna nkunu preżenti fil-postijiet fejn jiġi elaborat l-għerf, biex nipproponu, b’rispett u konvinzjoni, id-dawl tal-Vanġelu fuq l-argumenti fundamentali li jinteressaw lill-bniedem, id-dinjità tiegħu, id-destin etern tiegħu. Meta ħaseb fir-rwol tal-Franġiskani u d-Dumnikani tal-Medjuevu, fit-tiġdid spiritwali li qanqlu, fin-nifs tal-ħajja ġdida li taw lid-dinja, wieħed monaku qal: “F’dak iż-żmien id-dinja kienet qed tixjieħ. Qamu żewġ Ordnijiet fil-Knisja, u ġeddulha ż-żgħożija tagħha bħal dik ta’ ajkla” (Burchard ta’ Ursperg, Chronicon).

 

Għeżież ħuti, proprju fil-bidu ta’ din is-sena ejjew nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, żgħożija eterna tal-Knisja: ħa jdewwaqna lkoll l-urġenza li noffru xhieda koerenti u kuraġġjuża tal-Vanġelu, biex ma jonqsu qatt il-qaddisin, li permezz tagħhom il-Knisja tilma bħala għarusa dejjem safja u sabiħa, bla tebgħa jew tikmixa, li kapaċi tiġbed b’mod irreżistibbli lid-dinja lejn Kristu, lejn is-salvazzjoni tiegħu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard