Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 12 ta’ Diċembru 2007

 

San Pawlinu ta’ Nola

 

Għeżież ħuti,

 

Missier tal-Knisja li lejh ħa nħarsu llum hu San Pawlinu ta’ Nola. Kontemporanju ta’ Santu Wistin, li miegħu kien marbut bi ħbiberija sabiħa, Pawlu ħaddem il-ministeru tiegħu fil-Campania, f’Nola, fejn kien monaku, imbagħad presbiteru u Isqof. Imma hu proprjament kien minn Aquitaine, fin-nofsinhar ta’ Franza, u preċiżament minn Bordeaux, fejn kien twieled minn familja importanti. Hawn irċieva edukazzjoni letterarja mill-aqwa, fejn kellu bħala għalliem lill-poeta Awsonju. Ħalla art twelidu l-ewwel darba biex isegwi l-karriera politika prematura tiegħu, li ratu jogħla, meta kien għadu ta’ età żagħżugħa, fir-rwol ta’ gvernatur tal-Campania. F’din il-kariga pubblika ħafna ammiraw il-ħiliet tiegħu ta’ għerf u ta’ ħlewwa. Kien f’dan il-perjodu li l-grazzja warrdet fil-qalb tiegħu ż-żerriegħa tal-konverżjoni. L-istimolu ġie mill-fidi sempliċi u intensa li biha l-poplu kien iqim il-qabar ta’ qaddis, il-martri Feliċ, fis-Santwarju ta’ dak li llum hu Cimitile. Bħala responsabbli għall-qasam pubbliku, Pawlinu interessa ruħu f’dan is-Santwarju u bena ospizju għall-foqra u triq biex tħaffef l-aċċess għal tant pellegrini.

 

Huwa u jitħabat biex jibni l-belt ta’ din l-art, beda jiskopri t-triq lejn il-belt tas-Sema. Il-laqgħa ma’ Kristu kienet il-punt tal-wasla ta’ mixja ħabrieka, mimlija provi. Ċirkustanzi ta’ swied il-qalb, ibda minn dik li l-awtorità pubblika ma baqgħetx tarah f’dawl tajjeb, ġagħluh imiss b’idejh kif kollox jgħaddi u jispiċċa. Meta kien wasal għall-fidi, kiteb: “Il-bniedem mingħajr Kristu hu trab u dlam” (Carme X, 289). Xtaq jikseb dawl fuq is-sens tal-ħajja, u allura mar Milan biex jitgħallem fl-iskola ta’ Ambroġ. Imbagħad kompla l-formazzjoni Nisranija f’art twelidu, fejn irċieva l-Magħmudija minn idejn l-Isqof Delfinu, ta’ Bordeaux. Fil-mixja tal-fidi tiegħu hemm ukoll iż-żwieġ. Fil-fatt hu żżewweġ lil Terażja, nobbli twajba minn Barċellona, li minnha kellu tifel. Kien jibqa’ jgħix ta’ lajk Nisrani tajjeb, kieku l-mewt tat-tarbija wara ftit jiem mit-twelid ma regħditux, u wrietu li l-pjan ta’ Alla għalih kien ieħor. Fil-fatt ħassu msejjaħ jingħata għal Kristu f’ħajja axxetika rigoruża.

 

Fi qbil sħiħ ma’ martu Terażja, biegħ ġidu kollu u qassam il-flus lill-foqra u, flimkien magħha, ħalla Aquitaine għal Nola, fejn il-koppja miżżewġa bdiet tgħix biswit il-Bażilika tal-protettur San Feliċ, issa fi fraternità kasta, skont għamla ta’ ħajja li mbagħad fiha ngħaqdu oħrajn magħhom. Ir-ritmu komunitarju kien tipikament monastiku, imma Pawlinu, li f’Barċellona kien ġie ordnat presbiteru, inxteħet ukoll b’ruħu u ġismu għall-ministeru saċerdotali biex jgħin lill-pellegrini. Dan ġibed fuqu s-simpatija u l-fiduċja tal-komunità Nisranija li, mal-mewt tal-Isqof, lejn is-sena 409, riedet tagħżlu bħala suċċessur fuq il-katedra ta’ Nola. L-azzjoni pastorali tiegħu iktar żdiedet, ikkaratterizzata minn attenzjoni partikulari lejn il-foqra. Ħalla warajh l-immaġni ta’ Ragħaj awtentiku tal-karità, kif fissru San Girgor il-Kbir fil-kapitlu III tad-Djalogi tiegħu, fejn Pawlinu hu mnaqqax fil-ġest erojku li offra ruħu priġunier flok iben ta’ armla. L-episodju hu storikament diskuss, imma tibqa’ l-figura ta’ Isqof ta’ qalb kbira, li għaraf jibqa’ qrib tal-poplu tiegħu fil-kuntest iebes tal-invażjonijiet barbariċi.

 

Il-konverżjoni ta’ Pawlinu impressjonat lin-nies ta’ żmienu. L-imgħallem tiegħu Awsonju, poeta pagan, ħassu “ttradut”, u kellu għalih kliem iebes, fejn minn naħa ċanfru għall-“istmerrija”, iġġudikata bluha, tal-ġid materjali, u mill-oħra għall-abbandun tal-vokazzjoni ta’ letterat. Pawlinu wieġeb li l-għotja tiegħu lill-foqra ma kinitx xi disprezz għall-ġid tal-art, imma jekk xejn, valorizzazzjoni ta’ dan il-ġid għall-fini ogħla tal-karità. U rigward l-impenji letterarji, dak li Pawlinu kien reħa minn idejh ma kienx it-talent poetiku, li kien se jkompli jikkultiva, imma x-xejriet poetiċi mnebbħa mill-mitoloġija u mill-ideali pagani. Kien hemm estetika ġdida li issa kienet qed tmexxi s-sensibbiltà tiegħu: kien il-ġmiel ta’ Alla inkarnat, imsallab u mqajjem mill-mewt, li issa hu kien sar l-għannej tiegħu. Fir-realtà, ma kienx telaq il-poeżija, imma mill-Vanġelu kien beda jikseb it-tnebbiħ tagħha, kif hu jgħid f’dan il-vers: “Għalija l-unika arti hija l-fidi, u Kristu l-poeżija tiegħi” (At nobis ars una fides, et musica ChristusCarme XX, 32).

 

Il-poeżiji tiegħu huma għanjiet ta’ fidi u ta’ mħabba, fejn l-istorja ta’ kuljum tal-ġrajjiet kbar u żgħar tal-ħajja hu jaraha bħala storja ta’ salvazzjoni, bħala storja ta’ Alla magħna. Ħafna minn dawn in-nisġiet, l-hekk imsejħa Carmina natalicia, huma marbuta mal-festa annwali tal-martri Feliċ, li hu kien ħatru bħala Patrun ċelesti. Huwa u jfakkar lil San Feliċ, hu ried jigglorifika lil Kristu nnifsu, konvint li l-interċessjoni tal-qaddis kienet kisbitlu l-grazzja tal-konverżjoni: “Fid-dawl tiegħek, hieni, ħabbejt lil Kristu” (Carme XXI, 373). Dan l-istess kunċett hu ried jesprimi meta wessa’ l-ispazju tas-Santwarju b’Bażilika ġdida, li żejjen b’mod li l-pitturi, imfissra b’kitbiet xierqa, ikunu għall-pellegrini katekeżi viżiva. Hekk hu fisser il-proġett tiegħu f’Carme ddedikat lil katekista ieħor kbir, San Niċeta ta’ Remesiana, huwa u jakkumpanjah fiż-żajra lill-Bażiliċi tiegħu: “Issa rrid li int tikkontempla l-pitturi mifruxa f’serje twila fuq il-ħitan tal-portiċi mpittrin… Dehrilna li tkun opra siewja jekk nirrappreżentaw bil-pittura argumenti sagri fid-dar kollha ta’ Feliċ, bit-tama li, għad-dehra ta’ dawn ix-xbihat, il-figura mpittra tqanqal l-interess tal-imħuħ mistagħġba tal-bdiewa” (Carme XXVII, vv. 511,580-583). Sal-lum għadek tista’ tammira l-fdalijiet ta’ dawn l-opri, li bir-raġun iqiegħdu lill-Qaddis ta’ Nola fost il-figuri ta’ riferiment tal-arkeoloġija Nisranija.

 

Fid-dar axxetika ta’ Cimitile l-ħajja kienu jqattgħuha fil-faqar, fit-talb u mgħaddsa kontinwament fil-lectio divina. L-Iskrittura moqrija, immeditata, assimilata, kienet dawl li taħt ir-raġġi tiegħu l-Qaddis ta’ Nola kien jgħarbel ir-ruħ tiegħu fit-tensjoni lejn il-perfezzjoni. Lil min kien jibqa’ mistagħġeb bid-deċiżjoni tiegħu li jħalli l-ġid materjali, hu kien ifakkru li dan il-ġest kien għadu bogħod wisq mill-konverżjoni sħiħa: “L-abbandun jew il-bejgħ tal-ġid li wieħed ikollu fuq din l-art ma hux il-milja, imma biss il-bidu tal-ġirja fl-istadju; ma hux, biex ngħidu hekk, l-għan, imma biss il-punt tat-tluq. L-atleta, fil-fatt, ma jirbaħx għax jitneżża’ minn ħwejġu, għaliex hu jagħti ħwejġu proprju biex jibda jitqabad, u jixraqlu biss li jiġi inkurunat rebbieħ wara li jkun tqabad kif imiss” (ara Ep. XXIV, 7 lil Sulpiċju Severu).

 

Flimkien mal-axxeżi u mal-Kelma ta’ Alla, il-karità: fil-komunità monastika l-foqra kienu jħossuhom f’darhom. Lilhom Pawlinu ma kienx biss jagħtihom l-elemożina: kien jilqagħhom bħallikieku kienu Kristu nnifsu. Kien żamm għalihom parti mill-monasteru, u huwa u jagħmel hekk, kien jidhirlu mhux tant li qed jagħti, imma li qed jirċievi, fil-qsim tad-don bejn l-akkoljenza offruta u l-gratitudni mogħtija f’talb minn dawk li lilhom kien jgħin. Lill-foqra kien isejħilhom il-“patruni” tiegħu (ara Ep. XIII, 11 lil Pammakju) u, waqt li josserva li huma kienu alloġġjati fis-sular ta’ isfel, kien iħobb jgħid li t-talb tagħhom kien bħal pedament għad-dar tiegħu (ara Carme XXI, 393-394).

 

San Pawlinu ma kitibx trattati ta’ teoloġija, imma l-poeżiji u l-epistolarju voluminuż tiegħu huma għana ta’ teoloġija mgħixa, minsuġa bil-Kelma ta’ Alla, mgħarbla kontinwament bħala dawl għall-ħajja. B’mod partikulari, joħroġ is-sens tal-Knisja bħala misteru ta’ għaqda. Il-komunjoni huwa għexha fuq kollox permezz ta’ prattika qawwija tal-ħbiberija spiritwali. F’dan, Pawlinu kien tabilħaqq mgħallem, għax minn ħajtu għamel salib it-toroq għal erwieħ qaddisa: minn Martin ta’ Tours għal Ġirolmu, minn Ambroġ għal Wistin, minn Delfinu ta’ Bordeaux għal Niċeta ta’ Remesiana, minn Vittriċju ta’ Rouen għal Rufinu ta’ Aquileia, minn Pammakju għal Sulpiċju Severu, u għal tant oħrajn, ftit jew wisq magħrufa. F’din il-klima jitwieldu l-paġni intensi miktuba lil Wistin. Lil hemm mill-kontenut ta’ kull ittra, li timpressjonana hi l-imħabba li biha l-Qaddis ta’ Nola jgħanni lill-ħbiberija nfisha, manifestazzjoni tal-ġisem wieħed ta’ Kristu li l-Ispirtu s-Santu jżomm ħaj. Din li ġejja hi silta sinifikattiva, fil-bidu tal-korrispondenza bejn iż-żewġt iħbieb: “M’għandniex għax nistagħġbu jekk aħna, imqar jekk imbiegħda, aħna preżenti għal xulxin, u mingħajr qatt iltqajna, nafu lil xulxin, ladarba aħna membri ta’ ġisem wieħed, għandna ras waħda, mogħnija bi grazzja waħda, ngħixu b’ħobża waħda, nimxu fi triq waħda, ngħammru fl-istess dar” (Ep. 6, 2). Kif nistgħu naraw, din hi deskrizzjoni mill-isbaħ ta’ xi jfisser inkunu Nsara, inkunu Ġisem ta’ Kristu, ngħixu fil-komunjoni tal-Knisja. It-teoloġija ta’ żmienna sabet sewwasew fil-kunċett tal-komunjoni l-muftieħ biex tersaq lejn il-misteru tal-Knisja. Ix-xhieda ta’ San Pawlinu ta’ Nola tgħinna nħossuna Knisja, kif ippreżentata mill-Konċilju Vatikan II, bħala sagrament tal-għaqda intima ma’ Alla u allura tal-għaqda tagħna lkoll u fl-aħħar mill-aħħar tal-bnedmin kollha (ara Lumen gentium, 1). F’din il-perspettiva nawgura lilkom ilkoll l-Avvent it-tajjeb.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard