Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja tal-qedem.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 11 ta’ Novembru 2009

 

Ir-riforma ta’ Cluny

 

Għeżież ħuti,

 

Dalgħodu nixtieq inkellimkom fuq moviment monastiku li kellu importanza kbira fis-sekli tal-Medjuevu, u li diġà semmejtu xi ftit fil-katekeżijiet ta’ qabel. Dan hu l-Ordni ta’ Cluny, li, għall-bidu tas-seklu 12, żmien li fih l-aktar li nfirex, kien jgħodd kważi 1,200 monasteru: ċifra tassew impressjonanti! Fi Cluny, proprju 1,100 sena ilu, fid-910, twaqqaf monasteru taħt it-tmexxija tal-Abbati Bernone, wara l-għotja li għamel Guliermu l-Piju, Duka tal-Akwitanja. F’dak iż-żmien il-monakiżmu tal-Punent, li kien warrad xi seklu qabel ma’ San Benedittu, kien mar lura ħafna minħabba diversi raġunijiet: il-qagħdiet politiċi u soċjali instabbli minħabba l-invażjonijiet komuni u l-ħerba tal-popli li ma kinux integrati fit-tessut Ewropew, il-faqar mifrux, u fuq kollox id-dipendenza tal-abbaziji mis-sinjuri lokali, li kienu jikkontrollaw dak kollu li kien jagħmel mit-territorji li jaqgħu taħthom. F’dan il-kuntest, Cluny irrappreżenta r-ruħ ta’ tiġdid profond tal-ħajja monastika, biex ireġġagħha lura għall-ispirazzjoni tagħha tal-bidu.

 

Fi Cluny reġgħet ħadet il-ħajja l-osservanza tar-Regola ta’ San Benedittu b’xi adattamenti diġà introdotti minn riformaturi oħra. Fuq kollox riedu jiggarantixxu r-rwol ċentrali li għandu jkollha l-Liturġija fil-ħajja Nisranija. Il-monaċi ta’ Cluny iddedikaw ruħhom bi mħabba u għożża kbira għaċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija tas-Sigħat, għall-kant tas-Salmi, għall-purċissjonijiet tant devoti daqskemm solenni, u, fuq kollox, għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Ippromovew il-mużika sagra; riedu li l-arkitettura u l-arti jikkontribwixxu b’riżq il-ġmiel u s-solennità tar-riti; għanew il-kalendarju liturġiku ta’ ċelebrazzjonijiet speċjali bħal, ngħidu aħna, fil-bidu ta’ Novembru, it-Tifkira tal-fidili mejtin, li aħna wkoll m’ilniex li ċċelebrajna; kabbru l-kult tal-Verġni Marija. Il-liturġija kienu jagħtuha importanza kbira, għax il-monaċi ta’ Cluny kienu konvinti li din kienet parteċipazzjoni fil-liturġija tas-Sema. U l-monaċi kienu jħossuhom responsabbli li jinterċedu quddiem l-altar ta’ Alla għall-ħajjin u għall-mejtin, ladarba ħafna fidili kienu jitolbuhom b’ħerqa li jiftakru fihom fit-talb. Mill-bqija, proprju b’dan il-għan Guliermu l-Piju ried it-twelid tal-Abbazija ta’ Cluny. Fid-dokument antik, li jixhed għat-twaqqif tagħha, naqraw hekk: “B’din l-għotja nistabbilixxi li fi Cluny jinbena monasteru tar-regolari f’ġieħ l-Appostli qaddisa Pietru u Pawlu, u li fih jinġabru l-monaċi li jgħixu skont ir-Regola ta’ San Benedittu (…) li hemm wieħed ikun jista’ jsib santwarju mqaddes ta’ talb b’voti u suppliki, fejn ifittex u jixxennaq b’kull xewqa u ħerqa qawwija għall-ħajja tas-Sema, u b’mod assidwu jsiru lill-Mulej talbiet, invokazzjonijiet u suppliki”. Biex tħares u sseddaq din il-klima ta’ talb, ir-regola ta’ Cluny kienet tagħfas fuq l-importanza tas-skiet, dixxiplina li l-monaċi kienu joqogħdu għaliha minn qalbhom, konvinti li s-safa tal-virtujiet, li lejhom kienu jaspiraw, kien jitlob ġabra kbira u kontinwa. Ma nistagħġbux li ma damitx ma kibret madwar il-Monasteru ta’ Cluny fama ta’ qdusija, u li ħafna komunitajiet monastiċi oħra ddeċidew li jsegwu d-drawwiet tiegħu. Ħafna prinċpijiet u Papiet talbu lill-abbatijiet ta’ Cluny biex ixerrdu r-riforma tagħhom, u hekk fi żmien qasir infirxet xibka kbira ta’ monasteri marbutin ma’ Cluny, jew b’rabtiet ġuridiċi veri u proprji, jew b’xi għamla ta’ affiljazzjoni kariżmatika. U hekk bdiet tinħoloq Ewropa tal-ispirtu fid-diversi reġjuni ta’ Franza, fl-Italja, Spanja, il-Ġermanja, l-Ungerija.

 

Is-suċċess ta’ Cluny ġie żgurat qabelxejn mill-ispiritwalità għolja li xxettlet fih, imma anki minn xi kundizzjonijiet oħra li għenu fl-iżvilupp tiegħu. B’differenza minn dak li kien seħħ sa issa, il-Monasteru ta’ Cluny u l-komunitajiet li kienu jiddependu minnu kienu meqjusa eżenti mill-ġurisdizzjoni tal-Isqfijiet lokali u kienu jaqgħu direttament taħt dik tal-Papa f’Ruma. Dan ġab miegħu rabta speċjali mas-sede ta’ Pietru u, grazzi sewwasew għall-protezzjoni u l-inkuraġġment tal-Papiet, l-ideali ta’ safa u ta’ fedeltà, li r-riforma ta’ Cluny kienet qed tfittex li twettaq, setgħu jixterdu fi żmien qasir. Barra minn hekk, l-abbatijiet kienu jiġu eletti mingħajr ebda ndħil min-naħa tal-awtoritajiet ċivili, differenti minn kif kien jiġri f’postijiet oħra. Persuni tassew denji wieħed wara l-ieħor ħadu f’idejhom it-treġija ta’ Cluny u tal-għadd kbir ta’ komunitajiet monastiċi li kienu jiddependu minnu: l-Abbati Oddun ta’ Cluny, li dwaru tkellimt f’Katekeżi ta’ xahrejn ilu, u personalitajiet oħra kbar, bħal Emardu, Majolu, Odilun u fuq kollox Ugo l-Kbir, li wettqu s-servizz tagħhom għal perjodi twal, u żguraw stabbiltà għar-riforma li nbdiet u għat-tixrid tagħha. Flimkien ma’ Oddun, Majolu, Odilun u Ugo wkoll huma meqjumin bħala qaddisin.

 

Ir-riforma ta’ Cluny kellha effetti pożittivi mhux biss fuq it-tisfija u l-qawmien mill-ġdid tal-ħajja monastika, imma wkoll fuq il-ħajja tal-Knisja universali. Fil-fatt, l-aspirazzjoni għall-perfezzjoni evanġelika kienet stimolu biex jiġu miġġielda żewġ għamliet serji ta’ ħażen li kienu qed jifnu lill-Knisja f’dak iż-żmien: is-simonija, jiġifieri l-kisbiet ta’ karigi pastorali għal fini ta’ flus, u l-immoralità tal-kleru sekulari. L-abbatijiet ta’ Cluny bl-awtorevolezza spiritwali tagħhom, il-monaċi ta’ Cluny li laħqu Isqfijiet, xi wħud minnhom saħansitra Papiet, kienu protagonisti ta’ azzjoni imponenti bħal din fit-tiġdid spiritwali. U l-frott ma naqasx: iċ-ċelibat tas-saċerdoti reġa’ beda jiġi stmat u mħaddan, u ddaħħlu proċeduri iżjed trasparenti fl-għażla għall-uffiċċji ekkleżjastiċi.

 

Huma sinifikattivi wkoll il-benefiċċji li gawdiet is-soċjetà mill-monasteri mnebbħa mir-riforma ta’ Cluny. F’epoka li fiha l-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi biss kienu jipprovdu għall-foqra u dawk fil-bżonn, ġiet ipprattikata b’impenn il-karità. Fid-djar kollha, l-elemożinier kellu d-dmir li jilqa’ lill-vjaġġaturi u l-pellegrini li jsibu ruħhom fil-ħtieġa, il-qassisin u r-reliġjużi li kienu jivvjaġġaw, u fuq kollox il-foqra li kienu jiġu jitolbu l-ikel u saqaf fuq rashom għal ġurnata jew tnejn. Mhux b’inqas importanti kienu żewġ istituzzjonijiet oħra, tipiċi taċ-ċiviltà Medjevali, u li Cluny ippromova ħafna: l-hekk imsejħa “tregwi ta’ Alla” u l-“paċi ta’ Alla”. Fi żmien immarkat qatigħ mill-vjolenza u mill-ispirtu ta’ vendetta, bit-“tregwi ta’ Alla” kienu jiġu żgurati perjodi twal ta’ waqfien mill-ġlied, f’okkażjonijiet ta’ festi reliġjużi partikulari u ta’ xi jiem tal-ġimgħa. Bil-“paċi ta’ Alla” kien mitlub, taħt piena ta’ ċensura kanonika, li jiġu rrispettati l-persuni li m’għandhomx biex jiddefendu ruħhom u l-imkejjen qaddisa.

 

Hekk fil-kuxjenza tal-popli tal-Ewropa kiber dak il-proċess ta’ maturazzjoni fit-tul, li kellu jwassalhom biex jagħrfu, b’mod dejjem iżjed ċar, żewġ elementi fundamentali għall-bini tas-soċjetà, jiġifieri l-valur tal-persuna umana u l-ġid primarju tal-paċi. Barra minn hekk, kif seħħ għall-fondazzjonijiet monastiċi l-oħra, il-monasteri ta’ Cluny kellhom bosta proprjetajiet li, meta mħaddma tajjeb u bi frott, kienu qed jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ekonomija. Flimkien max-xogħol tal-idejn, ma naqsux lanqas xi attivitajiet tipiċi kulturali tal-monakiżmu Medjevali bħalma kienu l-iskejjel għat-tfal, il-bibljoteki, l-iscriptoria għat-traskrizzjoni tal-kotba.

 

B’dan il-mod, elf sena ilu, meta kien fl-aqwa tiegħu l-proċess tat-tiswir tal-identità Ewropea, l-esperjenza ta’ Cluny, imxerrda f’reġjuni kbar tal-kontinent Ewropew, tat is-sehem importanti u prezzjuż tagħha. Fakkret fil-primat tal-ġid tal-ispirtu; żammet imkebbsa t-tensjoni lejn il-ħwejjeġ ta’ Alla; nebbħet u ffavoriet inizjattivi u istituzzjonijiet għall-promozzjoni tal-valuri umani; edukat lejn spirtu ta’ paċi. Għeżież ħuti, nitolbu biex dawk kollha li għandhom għal qalbhom umaniżmu awtentiku u l-futur tal-Ewropa jagħrfu jiskopru mill-ġdid, japprezzaw u jiddefendu l-wirt għani kulturali u reliġjuż ta’ dawn is-sekli.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard