Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 11 ta’ Ġunju 2008

 

San Kolumbanu

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq nitkellem fuq l-Abbati qaddis Kolumbanu, l-Irlandiż l-aktar magħruf tal-Medjuevu bikri: bir-raġun hu jista’ jissejjaħ qaddis “Ewropew”, għax bħala monaku, missjunarju u kittieb ħadem f’diversi pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent. Flimkien mal-Irlandiżi ta’ żmienu, hu kien konxju mill-għaqda ċentrali tal-Ewropa. F’ittra tiegħu, miktuba lejn is-sena 600 u indirizzata lill-Papa Girgor il-Kbir, insibu għall-ewwel darba l-espresssjoni totius Europæ – tal-Ewropa kollha”, b’riferiment għall-preżenza tal-Knisja fil-kontinent (ara Epistula I, 1).

 

Kolumbanu twieled lejn is-sena 543 fil-provinċja ta’ Leinster, fix-xlokk tal-Irlanda. Edukat f’daru stess minn għalliema mill-aqwa li wassluh għall-istudju tal-arti liberali, imbagħad ġie fdat taħt il-gwida tal-Abbati Sinell tal-komunità ta’ Cluain-Inis, fl-Irlanda ta’ fuq, fejn seta’ jinżel fil-fond tal-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa. Ta’ xi 20 sena daħal fil-Monasteru ta’ Bangor fil-grigal tal-gżira, fejn Abbati kien hemm Comgall, monaku magħruf ħafna għall-virtù tiegħu u s-serjetà axxetika tiegħu. F’sintonija sħiħa mal-Abbati tiegħu, Kolumbanu pprattika b’żelu d-dixxiplina severa tal-monasteru, u għex ħajja ta’ talb, ta’ axxeżi u ta’ studju. Hemm ġie ordnat ukoll saċerdot. Il-ħajja ta’ Bangor u l-eżempju tal-Abbati ħallew effett fuq il-kunċett tal-monakiżmu li Kolumbanu mmatura fih maż-żmien u mbagħad xerred tul ħajtu.

 

Fl-età ta’ xi 50 sena, fuq l-ideal axxetiku tipikament Irlandiż tal-“peregrinatio pro Christo”, jiġifieri li jsir pellegrin għal Kristu, Kolumbanu ħalla l-gżira biex ma’ tnax minn sħabu jibda opra missjunarja fuq il-kontinent Ewropew. Fil-fatt irridu nżommu f’moħħna li l-migrazzjonijiet ta’ popli mit-tramuntana għal-lvant kienu wasslu biex reġjuni li diġà kienu saru Nsara reġgħu waqgħu fil-paganiżmu. Lejn is-sena 590 dan il-grupp żgħir ta’ missjunarji wasal fuq ix-xtut tal-Bretanja. Milqugħa bit-tjieba mir-Re tal-Franki tal-Awstrasja (Franza tal-lum), talbu biss biċċa art imħarbta. Kisbu l-fortizza qadima Rumana ta’ Annegray, kollha mġarrfa u mitluqa, u li sa issa kienet spiċċat mgħottija bil-foresta. Imdorrijin f’ħajja ta’ ċaħda totali, il-monaċi fi ftit xhur irnexxielhom jibnu fuq dawk il-fdalijiet l-ewwel eremitaġġ tagħhom. Hekk, ir-rievanġelizzazzjoni tagħhom bdiet isseħħ qabelxejn permezz tax-xhieda ta’ ħajjithom. Mal-kultivazzjoni ġdida tal-art bdew ukoll kultivazzjoni ġdida tal-erwieħ. Il-fama ta’ dawk ir-reliġjużi barranin li, b’ħajja ta’ talb u awsterità kbira, kienu qed jibnu djar u jaħartu l-art, xterdet malajr u ġibdet lejha pellegrini u penitenti. Fuq kollox ħafna żgħażagħ talbu li jiġu milqugħa fil-komunità monastika biex jgħixu, bħalhom, din il-ħajja eżemplari li ġġedded il-kultura tal-art u tal-erwieħ. Ma damx ma sar meħtieġ it-twaqqif tat-tieni monasteru. Ġie mibni ftit tal-kilometri ’l bogħod, fuq it-tiġrif ta’ belt antika li kien fiha bosta għejun ta’ ilma sħun, Luxeuil. Il-monasteru mbagħad sar iċ-ċentru tat-tixrid monastiku u missjunarju ta’ tradizzjoni Irlandiża fuq il-kontinent Ewropew. It-tielet monasteru tela’ f’Fontaine, siegħa mixi lejn it-tramuntana.

 

F’Luxeuil Kolumbanu għex għal kważi 20 sena. Hawn il-qaddis kiteb għas-segwaċi tiegħu r-Regula monachorum – għal xi żmien iżjed mifruxa fl-Ewropa minn dik ta’ San Benedittu – fejn fassal ix-xbieha ideali tal-monaku. Hija l-unika regola monastika antika Irlandiża li għandna f’idejna llum. Bħala integrazzjoni hu elabora r-Regula cœnobialis, għamla ta’ kodiċi penali għall-vjolazzjonijiet min-naħa tal-monaċi, b’kastigi pjuttost sorprendenti għas-sensibbiltà moderna, spjegabbli biss bil-mentalità taż-żmien u tal-ambjent. B’opra famuża oħra intitolata De pœnitentiarum misura taxanda, miktuba wkoll f’Luxeuil, Kolumbanu introduċa fil-kontinent l-istqarrija tad-dnubiet fil-Qrar u l-penitenza privata u spissa; kienet tissejjaħ penitenza “tariffata” minħabba l-proporzjon stabbilit bejn il-gravità tad-dnub u x-xorta ta’ penitenza imposta mill-konfessur. Dawn l-aspetti ġodda ġibdu s-suspett tal-Isqfijiet tar-reġjun, suspett li kiber f’ostilità meta Kolumbanu kellu l-kuraġġ li jċanfarhom fil-miftuħ għad-drawwiet ta’ xi wħud minnhom. Okkażjoni li fiha deher dan it-tilwim kienet id-disputa dwar id-data tal-Għid: fil-fatt l-Irlanda kienet issegwi t-tradizzjoni Orjentali f’kuntrast mat-tradizzjoni Rumana. Il-monaku Irlandiż ġie msejjaħ fis-603 f’Châlon-sur-Saôn biex quddiem sinodu jagħti kont tad-drawwiet tiegħu dwar il-penitenza u l-Għid. Flok ippreżenta ruħu għas-Sinodu, hu bagħat ittra li fiha imminimizza l-kwistjoni kollha billi stieden lill-Padri Sinodali biex jiddiskutu mhux biss il-problema tad-data tal-Għid, problema żgħira skont hu, “imma anki tan-normi kanoniċi meħtieġa li ħafna – ħaġa iżjed gravi – jittaskurawhom” (ara Epistula II, 1). Fl-istess waqt kiteb lill-Papa Bonifaċju IV – kif xi snin qabel kien diġà dar fuq il-Papa Girgor il-Kbir (ara Epistula I) – biex jiddefendi t-tradizzjoni Irlandiża (ara Epistula III).

 

Rigoruż kif kien f’kull kwistjoni morali, Kolumbanu mbagħad daħal f’kunflitt ukoll mad-Dar irjali, għax kien ċanfar bil-qawwa lir-Re Teodoriku għar-relazzjonijiet adulteri tiegħu. U minn hawn twieldet xibka ta’ intriċċi u manuvri fuq livell personali, reliġjuż u politiku li, fis-sena 610, issarrfet f’digriet tat-tkeċċija ta’ Kolumbanu u tal-monaċi kollha ta’ oriġni Irlandiża minn Luxeuil, li kienu kkundannati għal eżilju defenittiv. Ġew imwassla bl-iskorta sal-baħar u imbarkati spejjeż tal-qorti lejn l-Irlanda. Imma l-ġifen inkalja ftit ’il bogħod mix-xtajta u l-kaptan, li f’dan lemaħ sinjal mis-Sema, irrifjuta li jkompli l-vjaġġ u, beżgħan li jiġi misħut minn Alla, reġa’ ħa lura lill-monaċi fuq l-art. Imma flok marru lura Luxeuil, iddeċidew li jibdew opra ġdida ta’ evanġelizzazzjoni. Imbarkaw fuq ir-Rhine u telgħu max-xmara. Wara l-ewwel tappa f’Tuggen ħdejn l-għadira ta’ Zurich, marru fir-reġjun ta’ Bregenz ħdejn l-għadira ta’ Kostanza biex jevanġelizzaw lill-Alemanni.

 

Imma wara ftit, Kolumbanu, minħabba l-ġrajjiet politiċi ftit li xejn favorevoli għall-opra tiegħu, qatagħha li jaqsam l-Alpi mal-parti l-kbira tad-dixxipli tiegħu. Baqa’ biss monaku jismu Gallus; mill-eremitaġġ tiegħu mbagħad żviluppat il-famuża Abbazija ta’ Sankt Gallen, fl-Iżvizzera. Meta wasal l-Italja, Kolumbanu ngħata laqgħa sabiħa ħafna fil-qorti rjali Longobarda, imma kellu minnufih jaffronta diffikultajiet mhux żgħar: il-ħajja tal-Knisja kienet miġruħa mill-ereżija Arjana li kienet għadha prevalenti fost il-Longobardi u minn xiżma li kienet qatgħet parti kbira mill-Knisja tal-Italja ta’ Fuq mill-komunjoni mal-Isqof ta’ Ruma. Kolumbanu ndaħal b’awtorevolezza f’dan il-kuntest, kiteb libell kontra l-Arjaniżmu u ittra lil Bonifaċju IV biex jikkonvinċih jagħmel xi passi deċiżivi biex terġa’ tinġab l-għaqda (ara Epistula V). Meta r-Re tal-Longobardi, fis-612 jew 613, tah art f’Bobbio, fil-wied tat-Trebbia, Kolumbanu waqqaf monasteru ġdid li mbagħad kellu jsir ċentru ta’ kultura paragunabbli ma’ dak famuż ta’ Montecassino. Hawn għalqu jiemu: miet fit-23 ta’ Novembru 615 u f’din id-data hu mfakkar sal-lum fir-rit Ruman.

 

Il-messaġġ ta’ San Kolumbanu jikkonċentra fuq sejħa qawwija għall-koverżjoni u għad-distakk mill-ġid tal-art fid-dawl tal-wirt etern. Bil-ħajja axxetika tiegħu u l-imġiba tiegħu bla kompromessi quddiem il-korruzzjoni tas-setgħanin, hu jevoka l-figura ta’ San Ġwann Battista. L-awsterità tiegħu, imma, qatt ma kienet fini fiha nfisha, imma hi biss il-mezz biex ninfetħu b’mod ħieles għall-imħabba ta’ Alla u nikkorrispondu b’dak kollu li aħna għad-doni li nirċievu mingħandu, u hekk nibnu mill-ġdid fina x-xbieha ta’ Alla u fl-istess ħin naħdmu l-art u nġeddu s-soċjetà umana. Nikkwota mill-Instructiones tiegħu: “Jekk il-bniedem juża b’mod rett dawk il-fakultajiet li Alla ta lir-ruħ tiegħu, allura jkun jixbah lil Alla. Ejjew niftakru li għandna rroddulu lura dawk id-doni kollha li hu qiegħed fina meta konna għadna fil-kundizzjoni tal-bidu. Hu għallimna kif bil-kmandamenti tiegħu. L-ewwel fosthom hu dak li nħobbu lill-Mulej b’qalbna kolha, għax hu l-ewwel li ħabbna, sa mill-bidu taż-żmien, qabel ma aħna rajna d-dawl ta’ din id-dinja” (ara Instr. XI). Dawn il-kelmiet, il-Qaddis Irlandiż laħħamhom tassew f’ħajtu. Bniedem ta’ kultura kbira – kiteb anki poeżiji bil-Latin u ktieb tal-grammatika – stagħna fid-doni tal-grazzja. Kien bennej bla heda ta’ monasteri kif ukoll predikatur penitenzjali rigoruż, li ħadem b’saħħtu kollha biex iseddaq l-għeruq Insara tal-Ewropa li kienet għadha qed titwieled. Bl-enerġija spiritwali tiegħu, bil-fidi tiegħu, bl-imħabba tiegħu għal Alla u għall-proxxmu sar tabilħaqq wieħed mill-Missirijiet tal-Ewropa: hu jurina llum ukoll fejn qegħdin l-għeruq li minnhom tista’ titwieled mill-ġdid din l-Ewropa tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard