Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 11 ta’ Marzu 2009

 

San Bonifaċju

 

Għeżież ħuti,

 

Illum se nieqfu fuq missjunarju kbir tas-seklu 8, li xerred il-Kristjaneżmu fl-Ewropa ċentrali, proprju wkoll f’art twelidi: San Bonifaċju, li l-istorja tafu bħala l-“appostlu tal-Ġermaniċi”. Għandna tagħrif mhux ħażin dwar ħajtu grazzi għad-diliġenza tal-bijografi tiegħu: twieled f’familja Anglo-Sassona f’Wessex lejn is-sena 675 u ġie mgħammed bl-isem ta’ Winfred. Daħal ta’ età żgħira ħafna fil-monasteru, miġbud mill-ideal monastiku. Billi kellu ħiliet intellettwali notevoli, deher mixħut għal karriera trankwilla u brillanti ta’ studjuż: sar għalliem tal-grammatika Latina, kiteb xi trattati, niseġ ukoll diversi poeżiji bil-Latin. Ordnat saċerdot fl-età ta’ xi tletin sena, ħassu msejjaħ għall-appostolat fost il-pagani tal-kontinent. Il-Gran Brittanja, art twelidu, li kienet għadha kemm ġiet evanġelizzata mitt sena qabel mill-Benedittini mmexxija minn Santu Wistin, uriet fidi hekk soda u karità hekk imħeġġa li bagħtet il-missjunarji tagħha fl-Ewropa ċentrali biex ixandru l-Vanġelu hemm. Fis-716 Winfrid flimkien ma’ xi wħud minn sħabu mar il-Friġja (l-Olanda tal-lum), imma sab l-oppożizzjoni tal-mexxej lokali u t-tentattiv ta’ evanġelizzazzjoni falla. Lura f’pajjiżu, ma qatax qalbu, u sentejn wara mar Ruma biex jitkellem mal-Papa Girgor II u jirċievi d-direttivi mingħandu. Il-Papa, skont ir-rakkont ta’ bijografu, laqgħu “bi tbissima fuq wiċċu u b’ħarsa mimlija ħlewwa”, u fil-jiem ta’ wara żamm miegħu “kollokji importanti” (Willibald, Vita S. Bonifatii, ed. Levison, pp. 13-14), u fl-aħħar, wara li imponielu l-isem ġdid ta’ Bonifaċju, fdalu b’ittri uffiċjali l-missjoni li jipprietka l-Vanġelu fost il-popli tal-Ġermanja.

 

Imfarraġ u mwieżen mill-appoġġ tal-Papa, Bonifaċju ħabrek fil-predikazzjoni tal-Vanġelu f’dawk ir-reġjuni, ħadha kontra l-kultijiet pagani u saħħaħ il-bażi tal-moralità umana u Nisranija. B’sens kbir ta’ dover hekk kiteb f’waħda mill-ittri tiegħu: “Nibqgħu sħaħ fit-taqbida fil-jum tal-Mulej, għax qorbu jiem ta’ għaks u faqar… M’aħniex klieb muti, lanqas osservaturi siekta, lanqas merċenarji li jaħarbu quddiem l-ilpup! Imma aħna Ragħajja ħawtiela li jgħassu fuq il-merħla ta’ Kristu, li jħabbru r-rieda ta’ Alla sew lill-persuni importanti u lil dawk komuni, lill-għonja u lill-foqra… fiż-żminijiet f’waqthom u mhumiex…” (Epistulæ, 3,352.354: MGH). Bil-ħidma tiegħu bla heda, bil-ħiliet tiegħu fl-organizzazzjoni, bil-karattru tiegħu flessibbli u jġagħlek tħobbu, minkejja l-fermezza, Bonifaċju kiseb riżultati kbar. Il-Papa allura “ddikjara li ried iżejnu bid-dinjità episkopali, biex hekk seta’ b’determinazzjoni ikbar jikkoreġi u jreġġa’ lura fit-triq tal-verità lil dawk li kienu fl-iżball, iħossu mwieżen mill-awtorità ogħla tad-dinjità episkopali u jiġi iktar milqugħ minn kulħadd fl-uffiċċju tal-predikazzjoni, iktar ma jkun ċar li għal dan il-motiv ġie ordnat mill-Isqof Appostoliku” (Otloho, Vita S. Bonifatii, ed. Levison, lib. I, p. 127).

 

Kien l-istess Papa li kkonsagra “Isqof reġjonali” – jiġifieri għall-Ġermanja kollha – lil Bonifaċju, li mbagħad kompla bil-ħidmiet appostoliċi tiegħu fit-territorji fdati lilu u firex l-azzjoni tiegħu wkoll għall-Knisja tal-Gallja: bi prudenza kbira rrestawra d-dixxiplina ekkleżjastika, sejjaħ diversi sinodi biex jiggarantixxi l-awtorità tal-kanoni mqaddsa, saħħaħ il-komunjoni meħtieġa mal-Isqof ta’ Ruma: punt li kien partikularment għal qalbu. Anki s-suċċessuri tal-Papa Girgor II kellhom stima kbira tiegħu: Girgor III ħatru Arċisqof tat-tribujiet Ġermaniċi kollha, bagħatlu l-pallju u tah il-fakultà li jorganizza l-ġerarkija ekkleżjastika f’dawk ir-reġjuni (ara Epist. 28: S. Bonifatii Epistulæ, ed. Tangl, Berolini 1916); il-Papa Żakkarija kkonferma l-uffiċċju tiegħu u faħħar ħidmietu (ara Epist. 51, 57, 58, 60, 68, 77, 80, 86, 87, 89: op. cit.); il-Papa Stiefnu III, malli laħaq, irċieva mingħandu ittra, li biha esprimielu r-rispett filjali tiegħu (ara Epist. 108: op. cit.).

 

Dan l-Isqof kbir, barra din il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ organizzazzjoni tal-Knisja permezz tat-twaqqif ta’ djoċesijiet u ċ-ċelebrazzjoni ta’ Sinodi, ma naqasx li jgħin ukoll fit-twaqqif ta’ diversi monasteri, maskili u femminili, biex ikun bħal fanal għat-tixrid tal-fidi u tal-kultura umana u Nisranija fit-territorju. Miċ-ċenobji Benedittini ta’ pajjiżu kien sejjaħ monaċi rġiel u nisa li tawh għajnuna l-aktar valida u prezzjuża fil-ħidma tax-xandir tal-Vanġelu u t-tixrid tax-xjenzi umani u l-arti fost il-popli. Fil-fatt, hu ġustament kien iżomm li l-ħidma għall-Vanġelu kellha tkun ukoll ħidma għal vera kultura umana. Fuq kollox il-monasteru ta’ Fulda – imwaqqaf lejn is-743 – kien il-qalba u ċ-ċentru tat-tixrid tal-ispiritwalità u tal-kultura reliġjuża: hawn il-monaċi, fit-talb, fix-xogħol u fil-penitenza, kienu jħabirku biex jgħixu ħajja qaddisa, jiffurmaw ruħhom fl-istudju tad-dixxiplini sagri u profani, iħejju ruħhom għax-xandir tal-Vanġelu, biex ikunu missjunarji. Għalhekk, mertu ta’ Bonifaċju u tal-monaċi tiegħu – anki n-nisa kellhom parti importanti ħafna f’din l-opra ta’ evanġelizzazzjoni – warrdet ukoll dik il-kultura umana li ma tistax tifridha mill-fidi, u turi l-ġmiel tagħha. L-istess Bonifaċju ħallielna opri intellettwali importanti. Qabelxejn l-epistolarju voluminuż tiegħu, fejn jalternaw bejniethom ittri pastorali, ittri uffiċjali u oħrajn ta’ karattru privat, li jiżvelaw fatti soċjali u fuq kollox it-temperament uman għani tiegħu u l-fidi profonda li kellu. Niseġ ukoll trattat ta’ Ars grammatica, li fih fisser id-deklinazzjonijiet, il-verbi, is-sintassi tal-lingwa Latina, imma li għalih sar ukoll għodda biex ixerred il-fidi u l-kultura. Lilu wkoll ġiet attribwita Ars metrica, jiġifieri daħla għal kif wieħed jikteb il-poeżija, u diversi kompożizzjonijiet poetiċi u fl-aħħar nett ġabra ta’ 15-il prietka.

 

Imqar jekk kien diġà mdaħħal fiż-żmien – kien qorob lejn it-80 – beda jħejji ruħu għal missjoni ġdida ta’ evanġelizzazzjoni: flimkien ma’ xi ħamsin monaku rritorna fil-Friġja fejn kien beda l-opra tiegħu. Kważi fi profezija tal-mewt imminenti, b’riferenza għall-vjaġġ tal-ħajja, kiteb hekk lid-dixxiplu u suċċessur tiegħu fis-sede ta’ Mainz, l-Isqof Lull: “Nixtieq inwassal sa tmiemu l-għan ta’ dan il-vjaġġ; ma nista’ bl-ebda mod niċħad ix-xewqa li nitlaq. Jinsab fil-qrib il-jum tat-tmiem tiegħi u riesaq iż-żmien ta’ mewti; xħin inħalli ġismi fuq din l-art, nitla’ għall-premju ta’ dejjem. Imma int, ibni l-għażiż, sejjaħ bla heda lill-poplu mill-iżball li fih jinsab imwaħħal, wettaq il-bini diġà mibdi tal-Bażilika ta’ Fulda u hemm idfen lil ġismi mxejjaħ minn snin twal ta’ ħajja” (Willibald, Vita S. Bonifatii, ed. cit., p. 46). Mal-bidu taċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa f’Dokkum (fit-tramuntana tal-Olanda tal-lum), fil-5 ta’ Ġunju 754, ħebbet għalih tajfa pagani. Waqt li resaq ’il quddiem b’serenità fuq wiċċu, “ma ħalliex lil dawk li kienu miegħu jiġġieldu u qalilhom: ‘Ieqfu, uliedi, mill-ġlied, itilqu l-gwerra, għax ix-xhieda tal-Iskrittura twissina li ma għandniex inpattu d-deni b’deni, imma d-deni b’ġid. Araw il-jum li ilni nixtieq, araw il-jum tat-tmiem tagħna wasal; agħmlu l-qalb fil-Mulej!’” (Ibid. pp. 49-50). Dawn kienu l-aħħar kelmiet tiegħu qabel ma waqa’ taħt id-daqqiet tal-aggressuri tiegħu. Il-fdalijiet tal-Isqof martri mbagħad ħaduhom fil-monasteru ta’ Fulda, fejn ingħataw difna xierqa. Diġà wieħed mill-ewwel bijografi tiegħu jesprimi dwaru dan il-ġudizzju: “L-Isqof qaddis Bonifaċju jista’ jissejjaħ missier ta’ dawk kollha li jgħixu fil-Ġermanja, għax kien l-ewwel wieħed li nissilhom għal Kristu bil-kelma tal-predikazzjoni mqaddsa tiegħu, wettaqhom bl-eżempju tiegħu, u fl-aħħar nett ta ħajtu għalihom; imħabba, din, li ma hemmx ikbar minnha” (Otloho, Vita S. Bonifatiied. cit., lib. I, p. 158).

 

Sekli wara, x’messaġġ nistgħu aħna llum nilqgħu mit-tagħlim u mill-ħidma tal-għaġeb ta’ dan il-missjunarju u martri kbir? L-ewwel fatt li jispikka għal min jersaq lejn Bonifaċju huwa dan: iċ-ċentralità tal-Kelma ta’ Alla, li tingħax u tiġi interpretata fil-fidi tal-Knisja, Kelma li huwa għex, ipprietka u ta xhieda tagħha sal-ogħla għotja tiegħu nnifsu fil-martirju. Kien hekk appassjonat għall-Kelma ta’ Alla li ħass l-urġenza u d-dmir li jwassalha lill-oħrajn, imqar jekk b’riskju personali. Fuqha serraħ dik il-fidi li għat-tixrid tagħha kien impenja ruħu solennement fil-waqt tal-konsagrazzjoni episkopali tiegħu: “Nistqarr b’mod sħiħ is-safa tal-fidi mqaddsa Kattolika u bl-għajnuna ta’ Alla rrid nibqa’ fl-għaqda ta’ din il-fidi, li fiha bla dubju ta’ xejn qiegħda s-salvazzjoni kollha tal-Insara” (Epist. 12, f’S. Bonifatii Epistolæed. cit., p. 29). It-tieni fatt, importanti ħafna, li joħroġ mill-ħajja ta’ Bonifaċju huwa l-komunjoni fidila tiegħu mas-Sede Appostolika, li kienet punt sod u ċentrali tal-ħidma tiegħu ta’ missjunarju; hu żamm dejjem din il-komunjoni bħala regola tal-missjoni tiegħu u ħallieha kważi bħala testment tiegħu. F’ittra lill-Papa Żakkarija stqarrlu: “Jiena ma nehda qatt nistieden u nqiegħed għall-ubbidjenza tas-Sede Appostolika lil dawk li jridu jibqgħu fil-fidi Kattolika u fl-għaqda tal-Knisja Rumana u lil dawk kollha li f’din il-missjoni tiegħi Alla jagħtini bħala semmiegħa u dixxipli” (Epist. 50: f’ibid. p. 81). Frott ta’ dan l-impenn kien l-ispirtu ta’ għaqda sħiħa madwar is-Suċċessur ta’ Pietru li Bonifaċju għadda lill-Knejjes fit-territorju tal-missjoni tiegħu, fejn għaqqad ma’ Ruma lill-Ingilterra, il-Ġermanja u Franza, u hekk ta sehem determinanti b’risq dawk l-għeruq Insara tal-Ewropa li kellhom jagħmlu frott għammiel fis-sekli ta’ wara. Bonifaċju jitlob l-attenzjoni tagħna wkoll għat-tielet karatteristika: hu ppromova l-laqgħa bejn il-kultura Rumana-Kristjana u l-kultura Ġermanika. Fil-fatt kien jaf li l-umanizzazzjoni u l-evanġelizzazzjoni tal-kultura kienu parti integrali mill-missjoni tiegħu ta’ Isqof. Waqt li għadda l-wirt antik tal-valuri Nsara, hu laqqam lill-popli Ġermaniċi bi stil ġdid ta’ ħajja iżjed uman, li grazzi għalih bdew jiġu rrispettati aħjar id-drittijiet inaljenabbli tal-persuna. Bħala iben awtentiku ta’ San Benedittu, hu għaraf jgħaqqad it-talb u x-xogħol (manwali u intellettwali), il-pinna u l-moħriet.

 

Ix-xhieda qalbiena ta’ Bonifaċju hija stedina lilna lkoll biex nilqgħu fil-ħajja tagħna l-kelma ta’ Alla bħala punt ta’ riferiment essenzjali, biex inħobbu b’passjoni lill-Knisja, biex inħossuna korresponsabbli għall-futur tagħha, biex infittxu fiha l-għaqda madwar is-suċċessur ta’ Pietru. Fl-istess waqt, hu jfakkarna li l-Kristjaneżmu, huwa u jiffavorixxi t-tixrid tal-kultura, jippromovi l-progress tal-bniedem. Issa minna jonqos li ma nagħmlux għajb lil wirt hekk prestiġjuż u niġbru l-frott tiegħu għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet li għad jiġu.

 

Dejjem impressjonani dan iż-żelu ħerqan tiegħu għall-Vanġelu: ta’ erbgħin sena ħalla warajh ħajja monastika sabiħa u għammiela, ħajja ta’ monaku u ta’ professur, biex iħabbar il-Vanġelu lin-nies sempliċi, lill-barbari; ta’ tmenin sena, mill-ġdid, imur f’żona fejn kien qed jara riesaq il-martirju tiegħu. Meta nqabblu din il-fidi mkebbsa tiegħu, dan iż-żelu għall-Vanġelu, mal-fidi tagħna spiss bierda u burokratizzata, nifhmu x’għandna nagħmlu u kif nistgħu nġeddu l-fidi tagħna, biex liż-żminijiet tagħna ngħaddulhom b’don il-ġawhra prezzjuża tal-Vanġelu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard