Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 10 ta’ Frar 2010

 

Sant’Antnin ta’ Padova

 

Għeżież ħuti,

 

Ġimagħtejn ilu ppreżentajt il-figura ta’ San Franġisk ta’ Assisi. Dalgħodu nixtieq nitkellem dwar qaddis ieħor li ġej mill-ewwel ġenerazzjoni tal-Aħwa Minuri: Antonju ta’ Padova jew, kif jiġi wkoll imsejjaħ, minn Lisbona, b’riferiment għal belt twelidu. Hu wieħed mill-aktar qaddisin popolari tal-Knisja Kattolika kollha, meqjum mhux biss f’Padova, fejn bnew Bażilika mill-isbaħ li fiha hemm il-fdalijiet ta’ ġismu, imma mad-dinja kollha. Huma għeżież għall-fidili x-xbihat u l-istatwi li jġibuh bil-ġilju, simbolu tas-safa tiegħu, jew bil-Bambin Ġesù f’dirgħajh, b’tifkira ta’ dehra mirakoluża msemmija minn xi għejun letterarji.

 

Antonju ta’ kontribut siewi ħafna b’risq l-iżvilupp tal-ispiritwalità Franġiskana, bid-doti notevoli tiegħu ta’ intelliġenza, ta’ bilanċ, ta’ żelu appostoliku u, prinċipalment, ta’ ħeġġa mistika.

 

Twieled Lisbona minn familja nobbli, lejn is-sena 1195, u ġie mgħammed bl-isem ta’ Fernandu. Daħal mal-Kanonċi li kienu jsegwu r-regola monastika ta’ Santu Wistin, l-ewwel fil-monasteru ta’ San Vinċenz f’Lisbona u, wara, f’dak tas-Salib Imqaddes f’Coimbra, ċentru kulturali magħruf tal-Portugall. Iddedika ruħu b’interess u għożża għall-istudju tal-Bibbja u tal-Missirijiet tal-Knisja, fejn kiseb dak l-għerf teoloġiku li hu sarrfu fil-ħidma ta’ tagħlim u ta’ predikazzjoni. F’Coimbra seħħ l-episodju li ġab bidla deċiżiva fil-ħajja tiegħu: hawn, fl-1220 ġew esposti r-relikwi tal-ħames missjunarji Franġiskani, li kienu marru l-Marokk, fejn kienu ġarrbu l-martirju. Il-ġrajja tagħhom nibbtet fiż-żagħżugħ Fernandu x-xewqa li jsir jixbahhom u jibqa’ miexi ’l quddiem fit-triq tal-perfezzjoni Nisranija: hawn hu talab li jħalli lill-Kanonċi Agostinjani u jidħol Patri mal-Minuri. It-talba tiegħu ġiet milqugħa u, wara li ħa l-isem ta’ Antonju, huwa wkoll telaq lejn il-Marokk, imma l-Providenza divina riedet mod ieħor. Wara marda li ħakmitu, kellu jerġa’ jidħol l-Italja u, fl-1221, ipparteċipa fil-famuż “Kapitlu tal-ħsajjar” f’Assisi, fejn iltaqa’ wkoll ma’ San Franġisk. Wara, għex għal xi żmien f’satra sħiħa f’kunvent qrib Forlì, fit-tramuntana tal-Italja, fejn il-Mulej sejjaħlu għal missjoni oħra. Mistieden, tassew b’kumbinazzjoni, biex jipprietka fl-okkażjoni ta’ ordinazzjoni saċerdotali, wera li kien mogħni b’tant għerf u elokwenza, li s-Superjuri riduh jingħata għall-predikazzjoni. U hekk beda fl-Italja u fi Franza ħidma appostolika hekk intensa u effikaċi li wasslet mhux ftit nies li kienu tbiegħdu mill-Knisja biex jerġgħu lura fil-passi tagħha. Antonju kien ukoll fost l-ewwel għalliema tat-teoloġija tal-Aħwa Minuri, jekk mhux l-ewwel wieħed. Beda t-tagħlim tiegħu f’Bologna, bil-barka ta’ San Franġisk, li, meta għaraf il-virtujiet ta’ Antonju, bagħatlu ittra qasira, li kienet tiftaħ b’dawn il-kelmiet: “Hu ta’ pjaċir għalija li int tgħallem it-teoloġija lill-aħwa”. Antonju qiegħed is-sisien tat-teoloġija Franġiskana li, ikkultivata minn figuri oħra ta’ ħassieba insinji, kellha tilħaq il-quċċata tagħha b’San Bonaventura ta’ Bagnoregio u l-Beatu Duns Skotu.

 

Wara li sar Superjur provinċjali tal-Aħwa Minuri tal-Italja ta’ fuq, kompla bil-ministeru tal-predikazzjoni, flimkien mal-ħidmiet tiegħu ta’ tmexxija. Meta ntemmlu l-inkarigu ta’ Provinċjal, irtira qrib Padova, fejn diġà kien mar drabi oħra. Wara bilkemm sena, miet fil-bibien tal-belt, fit-13 ta’ Ġunju 1231. Padova, li kienet laqgħetu bi mħabba u qima tul ħajtu, urietu għal dejjem ġieħ u devozzjoni. L-istess Papa Girgor IX, li wara li semgħu jipprietka kien sejjaħlu “Arka tat-Testment”, ikkanonizzah wara biss sena minn mewtu fl-1232, anki wara l-mirakli li seħħu bl-interċessjoni tiegħu.

 

Fl-aħħar perjodu ta’ ħajtu, Antonju kiteb żewġ ċikli ta’ “Prietki”, intitolati rispettivament “Prietki tal-Ħdud” u “Prietki fuq il-Qaddisin”, maħsuba għall-predikaturi u għall-għalliema tal-istudji teoloġiċi tal-Ordni Franġiskan. F’dawn il-Prietki hu jikkummenta t-testi tal-Iskrittura ppreżentati mil-Liturġija, u juża l-interpretazzjoni Patristika-Medjevali tal-erba’ tifsiriet, dik litterali jew storika, dik allegorika jew Kristoloġika, dik tropoloġika jew morali, u dik anagoġika, li torjenta lejn il-ħajja eterna. Illum qed niskopru mill-ġdid li dawn it-tifsiriet huma dimensjonijiet tas-sens waħdieni tal-Iskrittura Mqaddsa u li hi ħaġa tajba ninterpretaw l-Iskrittura Mqaddsa billi nfittxu l-erba’ dimensjonijiet tal-kelma tagħha. Dawn il-Prietki ta’ Sant’Antnin huma testi teoloġiċi-omeletiċi, eku tal-predikazzjoni ħajja tal-fomm, fejn Antonju jipproponi mixja vera u proprja ta’ ħajja Nisranija. Tant hemm għana fit-tagħlim spiritwali li nsibu fil-“Prietki”, li l-Venerabbli Papa Piju XII, fl-1946, ipproklama lil Antonju Duttur tal-Knisja, u tah it-titlu ta’ “Duttur evanġeliku”, għax minn dawn il-kitbiet joħorġu l-freskezza u l-ġmiel tal-Vanġelu; sal-lum għadna nistgħu naqrawhom b’ġid spiritwali kbir għalina.

 

F’dawn il-Prietki Sant’Antnin jitkellem fuq it-talb bħala relazzjoni ta’ mħabba, li twassal lill-bniedem biex jiddjaloga bi ħlewwa mal-Mulej, toħloq ferħ bla tarf, li bl-ikbar ħlewwa jħaddan lir-ruħ fit-talb. Antonju jfakkarna li t-talb għandu bżonn ta’ atmosfera ta’ skiet li ma jiġix mid-distakk mill-istorbju ta’ barra, imma hu esperjenza ġewwiena, li timmira li tneħħi t-tfixkil li jiġi mit-tħassib tar-ruħ, u toħloq is-skiet fl-istess ruħ. Skont it-tagħlim ta’ dan id-Duttur insinji Franġiskan, it-talb hu artikulat f’erba’ atteġġjamenti, indispensabbli, li, fil-Latin ta’ Antonju, huma definiti hekk: obsecratio, oratio, postulatio, gratiarum actio. Nistgħu nittraduċuhom kif ġej: b’fiduċja niftħu qalbna għal Alla; dan huwa l-ewwel pass biex nitlob, mhux sempliċiment nilqa’ kelma, imma niftaħ qalbi għall-preżenza ta’ Alla; imbagħad niddjalogaw bi mħabba miegħu, u narawh preżenti magħna; u mbagħad – ħaġa naturali ħafna – nippreżentawlu l-bżonnijiet tagħna; u fl-aħħar inweġġħuh u rroddulu ħajr.

 

F’dan it-tagħlim ta’ Sant’Antnin dwar it-talb nistgħu nilmħu waħda mit-tliet karatteristiċi speċifiċi tat-teoloġija Franġiskana, li bdieha hu, jiġifieri r-rwol li għandha l-imħabba divina, li tidħol fl-isfera tal-imħabbiet, tar-rieda, tal-qalb, u li hi wkoll l-għajn li minnha joħroġ għarfien spiritwali, li jgħaddi kull għerf ieħor. Fil-fatt, meta nħobbu, aħna nagħrfu.

 

Jerġa’ jikteb Antonju: “L-imħabba hija r-ruħ tal-fidi, tagħmilha ħajja; mingħajr l-imħabba, il-fidi tmut” (Sermones Dominicales et Festivi II, Messaggero, Padova 1979, p. 37).

 

Ruħ li titlob biss tista’ tagħmel progress fil-ħajja spiritwali: dan hu l-oġġett ipprivileġġjat tal-predikazzjoni ta’ Sant’Antnin. Hu jaf tajjeb id-difetti tan-natura umana, it-tendenza tagħna li naqgħu fid-dnub, u għalhekk jitlobna kontinwament biex neħduha kontra l-inklinazzjoni għar-regħba, għall-kburija, għaż-żinà, u minflok nipprattikaw il-virtujiet tal-faqar u tal-ġenerożità, tal-umiltà u tal-ubbidjenza, tal-kastità u tas-safa. Fil-bidu tas-seklu 13, fil-kuntest tar-rinaxximent tal-belt u tat-tkabbir fil-kummerċ, żdied l-għadd ta’ persuni insensibbli għall-ħtiġijiet tal-foqra. Għal dan il-għan, Antonju kemm-il darba jistieden lill-fidili jaħsbu fl-għana veru, dak tal-qalb, li jagħmilhom tajbin u ħanina, u hekk jiġmagħlhom teżori fis-Sema. “Ja għonja”, hekk isejħilhom, “tħabbu ma’ xulxin… lill-foqra ilqgħuhom fi djarkom: imbagħad ikunu huma, il-foqra, li jilqgħukom fl-għamajjar eterni, fejn hemm il-ġmiel tas-sliem, il-fiduċja taċ-ċertezza, u l-ħemda għanja tal-milja bla tmiem” (Ibid., p. 29).

 

Forsi dan mhuwiex, għeżież ħbieb, tagħlim importanti ħafna llum ukoll, meta l-kriżi finanzjarja u l-iżbilanċi ekonomiċi serji qed ifaqqru ħafna persuni, u joħolqu kundizzjonijiet ta’ miżerja? Fl-Enċiklika tiegħi Caritas in veritate nfakkar: “L-ekonomija teħtieġ l-etika biex taħdem tajjeb – mhux kull etika, iżda etika li ddur madwar in-nies” (n. 45).

 

Antonju, fl-iskola ta’ Franġisku, ipoġġi dejjem lil Kristu fiċ-ċentru tal-ħajja u tal-ħsieb, tal-azzjoni u tal-predikazzjoni. Din hi karatteristika oħra tipika tat-teoloġija Franġiskana: il-Kristoċentriżmu. Hu jieħu pjaċir jikkontempla, u jistedinna nikkontemplaw, il-misteri tal-umanità tal-Mulej, il-bniedem Ġesù, b’mod partikulari, il-misteru tan-Natività, Alla li sar Tarbija, mogħti f’idejna: misteru li jqanqal sentimenti ta’ mħabba u ta’ gratitudni lejn it-tjieba divina.

 

Minn naħa t-Twelid, punt ċentrali tal-imħabba ta’ Kristu għall-bnedmin, imma anki l-viżjoni tal-Mislub tnebbaħ f’Antonju ħsibijiet ta’ gratitudni lejn Alla u ta’ stima għad-dinjità tal-persuna umana, hekk li kulħadd, jemmen u ma jemminx, jista’ jsib fil-Kurċifiss u fix-xbieha tiegħu tifsira li tagħni l-ħajja. Jikteb Sant’Antnin: “Kristu, li hu l-ħajja tiegħek, jinsab imdendel quddiemek, biex int tħares lejn is-salib bħal f’mera. Hemm tista’ tagħraf kemm ta’ ħsara kienu l-ġrieħi tiegħek, hekk li ebda duwa ma setgħet tfejjaqhom, jekk mhux dik tad-demm tal-Iben ta’ Alla. Jekk tgħarrex sewwa, tista’ tintebaħ kemm huma kbar id-dinjità umana tiegħek u l-valur tiegħek… Imkien iżjed il-bniedem ma jista’ jintebaħ aħjar kemm jiswa, ħlief meta jħares lejn il-mera tas-salib” (Sermones Dominicales et Festivi III, pp. 213-214).

 

Xħin nimmeditaw dawn il-kelmiet nistgħu nifhmu aħjar l-importanza tax-xbieha tal-Kurċifiss għall-kultura tagħna, għall-umaniżmu tagħna mwieled mill-fidi Nisranija. Proprju meta nħarsu lejn il-Kurċifiss nilmħu, kif jgħid Sant’Antnin, kemm huma kbar id-dinjità umana u l-valur tal-bniedem. Imkien iżjed ma nistgħu nifhmu kemm jiswa l-bniedem, proprju għaliex Alla jagħmilna hekk importanti, jarana hekk importanti, li għalih aħna denji tat-tbatija tiegħu; hekk id-dinjità umana kollha tidher fil-mera tal-Kurċifiss u ħarsitna lejh hi dejjem għajn ta’ gratitudni tad-dinjità umana.

 

Għeżież ħbieb, nitolbu lil Antonju ta’ Padova, tant meqjum mill-fidili, jidħol għall-Knisja kollha, u fuq kollox għal dawk li jiddedikaw ħajjithom għall-predikazzjoni; nitolbu l-Mulej jgħinna nitgħallmu minn Sant’Antnin ftit minn din l-arti. Il-predikaturi, imnebbħin mill-eżempju tiegħu, ħa jieħdu ħsieb li jgħaqqdu flimkien duttrina soda u sħiħa, ma’ devozzjoni sinċiera u mħeġġa, ċara fil-komunikazzjoni. F’din is-Sena Saċerdotali, nitolbu biex is-saċerdoti u d-djakni jwettqu b’reqqa dan il-ministeru ta’ xandir u ta’ attwalizzazzjoni tal-Kelma ta’ Alla lill-fidili, fuq kollox permezz tal-omeliji liturġiċi. Ħa jkunu dawn preżentazzjoni effikaċi tal-ġmiel etern ta’ Kristu, sewwasew kif Antonju rrakkomanda: “Jekk tipprietka lil Ġesù, hu jħoll il-qlub iebsa; jekk issejjaħlu, irattab it-tentazzjonijiet ħorox; jekk taħseb fih, idawwallek qalbek; jekk taqra fuqu, hu jtaffi l-għatx tal-ħsieb tiegħek” (Sermones Dominicales et Festivi III, p. 59).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard