Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja tal-qedem.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 9 ta’ April 2008

 

San Benedittu ta’ Norcia

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq nitkellem fuq San Benedittu, Fundatur tal-monakiżmu fil-Punent, u anki Patrun tal-pontifikat tiegħi. Nibda b’kelma ta’ San Girgor il-Kbir, li kiteb hekk fuq San Benedittu: “Il-bniedem ta’ Alla li bbrilla fuq din l-art b’tant mirakli, idda mhux b’inqas għall-elokwenza li biha għaraf jesponi t-tagħlim tiegħu” (Dial. II, 36). Dawn il-kelmiet il-Papa kbir kitibhom fis-sena 592; il-qaddis monaku kien għadu kemm miet 50 sena qabel u kien għadu ħaj fil-memorja tan-nies u fuq kollox fl-Ordni reliġjuż imwaqqaf minnu u li kien beda jwarrad qatigħ. San Benedittu ta’ Norcia bil-ħajja tiegħu u l-opra tiegħu ħalla influwenza fundamentali fuq l-iżvilupp taċ-ċiviltà u tal-kultura Ewropea. L-aktar għajn importanti fuq il-ħajja tiegħu hija t-tieni ktieb tad-Djalogi ta’ San Girgor il-Kbir. Mhijiex xi bijografija fis-sens klassiku. Skont l-ideat ta’ żmienu, hu ried juri permezz tal-eżempju ta’ bniedem konkret – appuntu San Benedittu – kif wieħed jista’ jitla’ sal-qċaċet tal-kontemplazzjoni, li tista’ titwettaq minn min jintelaq f’idejn Alla. Għalhekk hu jagħtina mudell tal-ħajja umana bħala telgħa lejn il-quċċata tal-perfezzjoni. San Girgor il-Kbir jirrakkonta wkoll, f’dan il-ktieb tad-Djalogi, il-ħafna mirakli mwettqa mill-Qaddis, u anki hawn ma jridx sempliċiment jirrakkonta xi ħaġa stramba, imma jrid juri kif Alla, bit-twissijiet, l-għajnuna u anki l-kastigi tiegħu, jidħol fis-sitwazzjonijiet konkreti tal-ħajja tal-bniedem. Irid juri li Alla mhuwiex ipoteżi mbiegħda mqiegħda fil-bidu tad-dinja, imma hu preżenti fil-ħajja tal-bniedem, ta’ kull bniedem.

 

Din il-perspettiva tal-“bijografu” nfissruha wkoll fid-dawl tal-kuntest ġenerali ta’ żmienu: bejn il-5 u s-6 seklu d-dinja kienet ta’ taħt fuq minħabba l-kriżi tremenda tal-valuri u tal-istituzzjonijiet, ikkawżata mill-waqgħa tal-Imperu Ruman, mill-invażjoni tal-popli ġodda u mit-tmermir tad-drawwiet. Bil-preżentazzjoni ta’ San Benedittu bħala “kewkba tixgħel”, Girgor, f’din is-sitwazzjoni tremenda, proprju f’din il-belt ta’ Ruma, ried juri t-triq kif wieħed joħroġ mil-“lejl mudlam tal-istorja” (ara Ġwanni Pawlu II, Insegnamenti, II/1, 1979, p. 1158). Fil-fatt, l-opra tal-Qaddis u, b’mod partikulari, ir-Regola tiegħu ġabu ħeġġa spiritwali awtentika li mal-medda tas-sekli, lil hemm mill-konfini ta’ pajjiżu u ta’ żmienu, biddlet il-wiċċ tal-Ewropa, u wara t-tiċrit tal-għaqda politika li kien ħoloq l-Imperu Ruman, qanqlet għaqda spiritwali u kulturali, dik tal-fidi Nisranija li minnha kellhom sehem il-popli tal-kontinent. U hekk sewwasew twieldet ir-realtà li aħna nsejħu “Ewropa”.

 

It-twelid ta’ San Benedittu hu ddatat lejn is-sena 480. Kien ġej, hekk jgħid San Girgor, “ex provincia Nursiæ” mir-reġjun ta’ Norcia. Il-ġenituri tiegħu, li ekonomikament kienu jistgħu, għall-formazzjoni tiegħu bagħtuh Ruma. Imma hu ma waqafx fit-tul fil-Belt eterna. Bħala spjegazzjoni għalkollox kredibbli, Girgor jaċċenna għall-fatt li ż-żagħżugħ Benedittu ħareġ iddiżgustat mill-istil ta’ ħajja ta’ ħafna sħabu tal-istudju, li kienu jgħixu b’mod laxk, u ma riedx jaqa’ fl-istess żbalji tagħhom. Ried jogħġob biss lil Alla; “soli Deo placere desiderans” (II Dial., Prol 1). Hekk, diġà sa minn qabel l-għeluq tal-istudji tiegħu, Benedittu ħalla Ruma u rtira fis-solitudni tal-muntanji fuq il-lvant ta’ Ruma. Wara l-ewwel waqfa tiegħu fir-raħal ta’ Effide (illum: Affile), fejn għal xi żmien issieħeb ma’ “komunità reliġjuża” ta’ monaċi, mar eremita ’l bogħod f’Subiaco. Hemm għex għal tliet snin kompletament waħdu f’għar li, sa mill-Medjuevu Għoli, huwa l-“qalba” ta’ monasteru Benedittin imsejjaħ “Sacro Speco”. Iż-żmien f’Subiaco, żmien ta’ solitudni ma’ Alla, kien għal Benedittu żmien ta’ maturazzjoni. Hawn kellu jġarrab u jegħleb it-tliet tentazzjonijiet fundamentali ta’ kull bniedem: it-tentazzjoni tal-awtoaffermazzjoni u tax-xewqa li jkun hu fiċ-ċentru, it-tentazzjoni tas-senswalità u, fl-aħħar, it-tentazzjoni tal-korla u tal-vendetta. Fil-fatt Benedittu kien konvint li biss wara li jkun rebaħ dawn it-tentazzjonijiet seta’ jgħid lill-oħrajn kelma ta’ siwi għas-sitwazzjoni tal-bżonn tagħhom. U hekk, meta ruħu reġgħet sabet is-serħan, seta’ jikkontrolla għalkollox it-tqanqil tal-jien tiegħu, biex hekk iġib il-paċi madwaru. Kien biss hawn li hu qatagħha li jwaqqaf l-ewwel monasteri tiegħu fil-wied tal-Anio, qrib Subiaco.

 

Fis-sena 529 Benedittu ħalla Subiaco biex imur joqgħod Montecassino. Xi wħud fissru dan it-trasferiment bħala ħarba quddiem l-indħil ta’ xi ekkleżjastiku lokali għajjur għalih. Imma dan it-tentattiv għal spjegazzjoni ftit li xejn jidher konvinċenti, ladarba l-mewt għall-għarrieda tiegħu ma ġagħlitx lil Benedittu jirritorna (II Dial. 8). Fir-realtà, din id-deċiżjoni ħass li kellu jagħmilha għax kien daħal f’fażi ġdida tal-maturazzjoni interjuri tiegħu u tal-esperjenza monastika tiegħu. Skont Girgor il-Kbir, it-tluq tiegħu mill-wied maqtugħ tal-Anio lejn il-Muntanja Cassino – biċċa art għolja li taħkem il-pjanura vasta ta’ madwarha u tidher mill-bogħod – għandu karattru simboliku: il-ħajja monastika fis-satra għandha raison d’être tagħha, imma monasteru għandu wkoll il-finalità pubblika tiegħu fil-ħajja tal-Knisja u tas-soċjetà, fejn jagħti viżibbiltà lill-fidi bħala qawwa ta’ ħajja. Fil-fatt, meta, fil-21 ta’ Marzu 547, Benedittu temm il-ħajja tiegħu fuq din l-art, fir-Regola tiegħu u fil-familja Benedittina mwaqqfa minnu huwa ħallielna wirt li fis-sekli ta’ wara u sal-lum għadu jagħti frott fid-dinja kollha.

 

Fit-tieni ktieb kollu tad-Djalogi Girgor jurina kif il-ħajja ta’ San Benedittu kienet mgħaddsa f’atmosfera ta’ talb, il-fundament tal-ħajja kollha tiegħu. Mingħajr talb ma hemmx esperjenza ta’ Alla. Imma l-ispiritwalità ta’ Benedittu ma kinitx interjorità barra mir-realtà. Qalb it-tħassib u l-konfużjoni ta’ żmienu, hu kien jgħix taħt il-ħarsa ta’ Alla u proprju hekk ma tilef qatt minn quddiem għajnejh id-dmirijiet tal-ħajja ta’ kuljum u l-bniedem bil-ħtiġijiet konkreti tiegħu. Bil-ħarsa tiegħu fuq Alla huwa fehem ir-realtà tal-bniedem u l-missjoni tiegħu. Fir-Regola tiegħu hu jsejjaħ il-ħajja monastika “skola tal-qadi tal-Mulej” (Prol. 45) u jitlob lill-monaċi tiegħu li “xejn ma jiġi qabel l-Opra ta’ Alla [jiġifieri l-Uffiċċju Divin jew il-Liturġija tas-Sigħat]” (43,3). Imma jisħaq li t-talb hu qabelxejn att ta’ smigħ (Prol. 9-11), li mbagħad irid jiġi tradott f’għemil konkret. “Il-Mulej jistenna minna li nwieġbu ta’ kuljum bil-fatti għat-tagħlim imqaddes tiegħu”, jistqarr (Prol. 35). Hekk il-ħajja tal-monaku ssir simbjosi għammiela bejn azzjoni u kontemplazzjoni “biex f’kollox jiġi msebbaħ Alla” (57,9). F’kuntrast ma’ awtorealizzazzjoni faċli u egoċentrika, illum spiss eżaltata, l-ewwel impenn essenzjali tad-dixxiplu ta’ San Benedittu huwa t-tiftix sinċier ta’ Alla (58,7) fit-triq li jqegħidlu quddiemu Kristu umli u ubbidjenti (5,13), lejn l-imħabba li qabilha xejn m’għandu jqiegħed (4,21; 72,11), u proprju hekk, fil-qadi tal-oħrajn, isir bniedem tal-qadi u tal-paċi. Fit-taħriġ tal-ubbidjenza mwettqa b’fidi mmexxija mill-imħabba (5,2), il-monaku jikseb l-umiltà (5,1), li għaliha r-Regola tiddedika kapitlu sħiħ (7). B’dan il-mod il-bniedem isir dejjem iżjed ħaġa waħda ma’ Kristu u jilħaq l-awtorealizzazzjoni vera bħala ħlejqa fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla.

 

Mal-ubbidjenza tad-dixxiplu għandu jikkorrispondi l-għerf tal-Abbati, li fil-monasteru għandu “post Kristu” (2,2; 63,13). Il-figura tiegħu, imfissra fuq kollox fit-tieni kapitlu tar-Regola, bi profil ta’ ġmiel spiritwali u ta’ impenn esiġenti, tista’ titqies bħala ritratt li Benedittu jagħti tiegħu nnifsu, għax – kif jikteb Girgor il-Kbir – “il-Qaddis bl-ebda mod ma seta’ jgħallem b’mod differenti minn kif kien jgħix” (DialII, 36). L-Abbati għandu jkun fl-istess ħin missier twajjeb u anki mgħallem sod (2,24), edukatur veru. Inflessibbli kontra l-vizzji, imma msejjaħ fuq kollox biex jixbah il-ħlewwa tar-Ragħaj it-Tajjeb (27,8), biex “jgħin iktar milli jaħkem” (64,8), biex “jagħfas iżjed bil-fatti milli bil-kliem fuq dak kollu li hu tajjeb u qaddis” u “juri l-kmandamenti divini bl-eżempju tiegħu” (2,12). Biex ikun jista’ jiddeċiedi b’responsabbiltà, anki l-Abbati għandu jkun wieħed li jisma’ “l-parir tal-aħwa” (3,2), għax “spiss Alla juri lill-aktar żagħżugħ l-aħjar soluzzjoni” (3,3). Ħaġa tal-għaġeb, din id-dispożizzjoni tagħmel tassew moderna Regola miktuba kważi ħmistax-il seklu ilu! Bniedem ta’ responsabbiltà pubblika, u anki f’oqsma żgħar, għandu dejjem ikun ukoll bniedem li jaf jisma’ u jaf jitgħallem minn dak li jisma’.

 

Benedittu r-Regola jsejħilha “minima, ħjiel biss għall-bidu” (73,8); imam fir-realtà hi toffri indikazzjonijiet siewja mhux biss għall-monaċi, imma anki għal dawk kollha li jfittxu gwida fil-mixja tagħhom lejn Alla. Għall-kobor tagħha, għall-umanità tagħha u għad-dixxerniment serju tagħha bejn l-essenzjal u s-sekondarju fil-ħajja spiritwali, hi għarfet sal-lum iżżomm il-qawwa tagħha li ddawwal. Pawlu VI, meta fl-24 ta’ Ottubru 1964 iddikjara lil Benedittu Patrun tal-Ewropa, fehem jirrikonoxxi l-opra tal-għaġeb li wettaq il-Qaddis permezz tar-Regola b’riżq il-formazzjoni taċ-ċiviltà u tal-kultura Ewropea. Illum l-Ewropa – li għadha kemm ħarġet minn seklu profondament miġruħ minn żewġ gwerer dinjija u wara l-waqgħa tal-ideoloġiji kbar li rajna li ntbaħna li kienu biss utopji traġiċi – qed tfittex l-identità tagħha. Biex toħloq għaqda ġdida u li ttul, żgur li huma importanti l-għodod politiċi, ekonomiċi u ġuridiċi, imma hemm bżonn inqajmu wkoll tiġdid etiku u spiritwali li jixrob mill-għeruq Insara tal-Kontinent, inkella ma nistgħux nerġgħu nibnu l-Ewropa. Mingħajr din l-għajn tal-ħajja, il-bniedem jibqa’ espost għall-periklu li jċedi għat-tentazzjoni qadima li jrid jifdi lilu nnifsu waħdu – utopja li, b’mod differenti, fl-Ewropa tas-seklu 20 ikkawżat, kif wera l-Papa Ġwanni Pawlu II, “rigress bla preċedenti fl-istorja tturmentata tal-umanità” (Insegnamenti, XIII/1, 1990, p. 58). Waqt li nfittxu l-progress veru, nisimgħu llum ukoll ir-Regola ta’ San Benedittu bħala dawl għall-mixja tagħna. Dan ir-raħeb kbir jibqa’ mgħallem veru li fl-iskola tiegħu nistgħu nitgħallmu l-arti biex ngħixu l-umaniżmu veru.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard