Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 7 ta’ Ottubru 2009

 

San Ġwann Leonardi

 

Għeżież ħuti,

 

Pitgħada, id-9 ta’ Ottubru, jaħbat l-400 anniversarju mill-mewt ta’ San Ġwann Leonardi, fundatur tal-Ordni reliġjuż tal-Kjeriċi Regolari tal-Omm ta’ Alla, ikkanonizzat fis-17 ta’ April 1938 u maħtur Patrun tal-Farmaċisti fit-8 ta’ Awwissu 2006. Huwa mfakkar ukoll għall-ħerqa missjunarja kbira li kellu. Flimkien ma’ Mons. Juan Bautista Vives u l-Ġiżwita Martin de Funes ippjana u ta sehmu fit-twaqqif ta’ Kongregazzjoni speċifika tas-Santa Sede għall-missjonijiet, dik tal-Propaganda Fide, u għat-twelid futur tal-Kulleġġ Urban tal-Propaganda Fide, li matul is-sekli għaġen eluf ta’ saċerdoti, ħafna minnhom martri, biex jevanġelizzaw il-popli. Għalhekk għandna hawn figura mdawla ta’ saċerdot, li nieħu pjaċir nindikah bħala eżempju għall-presbiteri kollha f’din is-Sena Saċerdotali. Miet fl-1609 bl-influwenza li laqqat huwa u jitħabat għall-kura ta’ dawk, fil-kwartier Ruman ta’ Campitelli, li kienu ġew milquta mill-epidemija.

 

Ġwanni Leonardi twieled fl-1541 f’Diecimo, fil-provinċja ta’ Lucca. L-iżgħar fost sebat aħwa, kellu adolexxenza mmarkata mir-ritmi ta’ fidi li hu għex f’familja tajba u bieżla, kif ukoll mill-frekwentazzjoni assidwa tiegħu f’ħanut fejn kienu jinħadmu l-ħxejjex u l-mediċini f’raħal twelidu. Ta’ 17-il sena missieru kitbu f’kors regolari tal-ispiżjara f’Lucca, bl-għan li ’l quddiem jilħaq farmaċista, anzi spiżjar, kif kien magħruf dak iż-żmien. Għal xi għaxar snin iż-żagħżugħ Ġwanni Leonardi kien jiffrekwenta dan il-kors regolarment u b’diliġenza kbira, imma meta, skont in-normi previsti mir-Repubblika antika ta’ Lucca, kiseb l-għarfien uffiċjali li kellu jawtorizzah jiftaħ spiżerija tiegħu, hu beda jaħseb kienx wasal il-mument li jwettaq pjan li minn dejjem kellu f’moħħu. Wara riflessjoni matura qatagħha li jibda jitħejja għas-saċerdozju. U hekk, ħalla l-ħanut tax-xogħol ta’ spiżjar, u kiseb il-formazzjoni teoloġika meħtieġa, ġie ordnat saċerdot u nhar l-Epifanija tal-1572 iċċelebra l-Ewwel Quddiesa tiegħu. Madankollu qatt ma telaq il-passjoni għall-farmaċija, għax kien iħoss li bil-medjazzjoni professjonali ta’ farmaċista seta’ jwettaq b’mod sħiħ il-vokazzjoni tiegħu, dik li jgħaddi lill-bnedmin, permezz ta’ ħajja qaddisa, “il-mediċina ta’ Alla”, li hu Ġesù Kristu msallab u rxoxt, il-“kejl ta’ kollox”.

 

Imħeġġeġ mill-konvinzjoni li din il-mediċina jeħtiġuha l-bnedmin kollha qabel kull ħaġa oħra, San Ġwann Leonardi fittex li jagħmel mil-laqgħa personali tiegħu ma’ Ġesù Kristu r-raġuni fundamentali ta’ ħajtu. “Jeħtieġ nerġgħu nibdew minn Kristu”, kien iħobb itenni ta’ spiss. Il-primat ta’ Kristu fuq kollox sar għalih il-kriterju konkret ta’ ġudizzju u ta’ azzjoni u l-prinċipju li jnissel l-attività saċerdotali tiegħu, li ħaddem fi żmien li kien għaddej moviment wiesa’ u mifrux ta’ tiġdid spiritwali fil-Knisja, grazzi għat-twarrid ta’ Istituti reliġjużi ġodda u għax-xhieda mdawla ta’ qaddisin bħal Karlu Borromeo, Filippu Neri, Injazju ta’ Loyola, Ġużepp de Calasanz, Kamillu ta’ Lellis, Lwiġi Gonzaga. B’entużjażmu ddedika ruħu għall-appostolat maż-żgħażagħ permezz tal-Kumpanija tad-Duttrina Nisranija, u ġabar madwaru grupp ta’ żgħażagħ li bih, fl-1 ta’ Settembru 1574, waqqaf il-Kongregazzjoni tas-Saċerdoti tal-Verġni Mqaddsa, li mbagħad issejħet Ordni tal-Kjeriċi Regolari tal-Omm ta’ Alla. Lid-dixxipli tiegħu rrakkomandalhom li jżommu “biss quddiem l-għajnejn tal-ħsieb tagħhom il-ġieħ, il-qadi u l-glorja ta’ Kristu Ġesù Msallab”, u, bħala farmaċista tajjeb imdorri jagħti d-dożi skont riferiment preċiż, żied: “Erfgħu ftit ieħor qlubkom lejn Alla u miegħu kejlu kollox”.

 

Imqanqal minn żelu appostoliku, f’Mejju 1605, bagħat lill-Papa Pawlu V, li kien għadu kemm ġie elett, Memorjal li fih issuġġerixxa l-kriterji għal tiġdid awtentiku fil-Knisja. Waqt li osserva kif hu “meħtieġ li dawk li jaspiraw għar-riforma tad-drawwiet tal-bnedmin ifittxu speċjalment, u qabelxejn, il-glorja ta’ Alla”, żied li huma għandhom jiddu “għall-integrità tal-ħajja u l-eċċellenza tad-drawwiet, biex hekk, iktar milli jimponu, jiġbdu bi ħlewwa lejn ir-riforma”. Osserva wkoll li “min irid iwettaq riforma reliġjuża u morali serja jeħtieġ qabelxejn, bħal tabib tajjeb, jagħmel djanjosi attenta tal-ħażen li qed iġarrab lill-Knisja, biex imbagħad ikun jista’ jippreskrivi l-aktar rimedju xieraq għal kull ħaġa”. U nnota li “t-tiġdid tal-Knisja għandu jseħħ kemm fil-kapijiet u kemm f’dawk li jiddependu minnhom, fl-għoli u fil-baxx. Għandu jibda minn min jikkmanda u jinfirex għas-sudditi”. Kien għalhekk li, waqt li ħeġġeġ lill-Papa biex jippromovi “riforma universali tal-Knisja”, kien ħsiebu wkoll fil-formazzjoni Nisranija tal-poplu u speċjalment tat-tfal, biex jeduka “sa mill-ewwel snin… għas-safa tal-fidi Nisranija u għad-drawwiet imqaddsa”.

 

Għeżież ħuti, il-figura mdawla ta’ dan il-qaddis tistieden lis-saċerdoti qabelxejn, u lill-Insara kollha, ifittxu l-ħin kollu l-“ogħla kejl tal-ħajja Nisranija” li hi l-qdusija, naturalment kull wieħed u waħda skont l-istat tiegħu. Fil-fatt, huwa biss mill-fedeltà lejn Kristu li jista’ joħroġ il-veru tiġdid tal-Knisja. F’dawk is-snin, fil-passaġġ kulturali u soċjali mis-seklu 16 għas-seklu 17, bdew jitfasslu l-premessi tal-kultura kontemporanja futura, ikkaratterizzata minn qasma żbaljata bejn fidi u raġuni, li fost l-effetti negattivi tagħha pproduċiet it-twarrib ta’ Alla, bl-illużjoni ta’ awtonomija possibbli u totali tal-bniedem li jagħżel li jgħix “bħallikieku ma kienx hemm Alla”. Hija l-kriżi tal-ħsieb modern, li semmejt kemm-il darba u li spiss twassal għal għamliet ta’ relattiviżmu. Ġwanni Leonardi fehem x’kienet il-vera mediċina għal dan id-deni spiritwali u ġabarha fl-espressjoni: “Kristu qabel kollox”, Kristu fiċ-ċentru tal-qalb, fiċ-ċentru tal-istorja u tal-kożmu. U ta’ Kristu – stqarr b’qawwa kbira – l-umanità għandha bżonn mill-akbar, għax hu l-“kejl” tagħna. Ma hemmx ambjent li l-qawwa tiegħu ma tistax tmiss; ma hemmx ħażen li fih ma jsibx rimedju, ma hemmx problema li fih ma tissolviex. “Jew Kristu jew xejn”! Din hi r-riċetta tiegħu għal kull xorta ta’ riforma spiritwali u soċjali.

 

Hemm aspett ieħor tal-ispiritwalità ta’ San Ġwanni Leonardi li nixtieq nisħaq fuqu. Kemm-il darba tenna li l-laqgħa ħajja ma’ Kristu sseħħ fil-Knisja tiegħu, qaddisa imma dgħajfa, li għandha għeruqha fl-istorja u fil-mod xi kultant mudlam kif tiżviluppa, fejn qamħ u sikrana jikbru flimkien (ara Mt 13:30), imma li xorta waħda hi dejjem Sagrament ta’ salvazzjoni. Kien ċar għalih li l-Knisja hi l-għalqa ta’ Alla (ara Mt 13:24), u allura ma ħa ebda skandu bid-dgħufijiet umani tagħha. Biex jeħodha kontra s-sikrana hu għażel li jkun qamħa tajba: jiġifieri, għażel li jħobb lil Kristu fil-Knisja u jagħti sehmu biex jagħmilha dejjem iżjed sinjal trasparenti tiegħU. B’dan ir-realiżmu kbir ħares lejn il-Knisja, lejn id-dgħufija umana tagħha, imma anki lejn il-fatt li hi “għalqa ta’ Alla”, l-istrument f’idejn Alla għas-salvazzjoni tal-bnedmin. Mhux biss. Għall-imħabba ta’ Kristu ħabrek bla telf ta’ żmien biex isaffi lill-Knisja, biex jagħmilha iktar sabiħa u qaddisa. Fehem li kull riforma għandha ssir fil-Knisja u qatt kontriha. F’dan, San Ġwann Leonardi kien tabilħaqq straordinarju u l-eżempju tiegħu jibqa’ dejjem attwali. Kull riforma bla dubju ta’ xejn tmiss l-istrutturi, imma qabelxejn trid tkun fil-qalb ta’ min jemmen. Il-qaddisin biss, irġiel u nisa li jħallu l-Ispirtu ta’ Alla jmexxihom, lesti biex jagħmlu għażliet radikali u qalbiena fid-dawl tal-Vanġelu, jistgħu jġeddu lill-Knisja u jikkontribwixxu, b’mod determinanti, biex jibnu dinja aħjar.

 

Għeżież ħuti, il-ħajja ta’ San Ġwann Leonardi dejjem kienet imdawla mill-ġmiel tal-“Wiċċ Imqaddes” ta’ Ġesù, imħares u meqjum fil-Knisja katidrali ta’ Lucca, li sar is-simbolu elokwenti u bla ebda d-dubju s-sintesi tal-fidi li kienet tmexxih. Mirbuħ minn Kristu bħall-Appostlu Pawlu, huwa wera lid-dixxipli tiegħu, u jkompli juri lilna lkoll, l-ideal Kristoċentriku li għalih “jeħtieġ ninżgħu kull interess tagħna u naraw biss x’inhu s-servizz ta’ Alla”, billi “nżommu biss quddiem l-għajnejn ta’ ħsiebna l-ġieħ, il-qadi u l-glorja ta’ Kristu Ġesù Msallab”. Barra fuq il-wiċċ ta’ Kristu, sammar ħarstu fuq il-wiċċ matern ta’ Marija. Dik li ħatar Patruna tal-Ordni tiegħu, kienet għallih għalliema, oħt, omm, u hu ħass fuqu l-ħarsien kontinwu tagħha. Ħa jkunu l-eżempju u l-interċessjoni ta’ dan il-“bniedem affaxxinanti ta’ Alla”, partikularment f’din is-Sena Saċerdotali, sejħa u inkuraġġiment għas-saċerdoti u għall-Insara kollha biex ngħixu b’passjoni u ħeġġa l-vokazzjoni tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard