Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 7 ta’ Marzu 2007

 

San Klement ta’ Ruma

 

Għeżież ħuti,

 

Fix-xhur li għaddew immeditajna fuq il-figuri ta’ kull wieħed mill-Appostli u fuq l-ewwel xhieda tal-fidi Nisranija, li jsemmu l-kitbiet neo-testamentarji. Issa se nixħtu l-attenzjoni tagħna fuq is-Santi Padri tal-ewwel sekli Nsara. U hekk nistgħu naraw kif tibda l-mixja tal-Knisja tul l-istorja.

 

San Klement, Isqof ta’ Ruma fl-aħħar snin tal-ewwel seklu, huwa t-tielet suċċessur ta’ Pietru, wara Linu u Kletu. Dwar ħajtu, ix-xhieda l-iżjed importanti hu dik ta’ San Irinew, Isqof ta’ Lyons sas-sena 202. Hu jgħidilna li Klement “kien ra lill-Appostli”, “kien iltaqa’ magħhom”, u “kien għad għandu tidwi f’widnejh il-predikazzjoni tagħhom, u quddiem għajnejh it-tradizzjoni tagħhom” (Kontra l-ereżiji, 3,3,3). Xhieda tardiva, bejn ir-raba’ u s-sitt seklu, tagħti lil Klement it-titlu ta’ martri.

 

L-awtorità u l-prestiġju ta’ dan l-Isqof ta’ Ruma tant kienu kbar, li ġew attribwiti lilu diversi kitbiet, imma l-unika opra li żgur hi tiegħu hija l-Ittra lill-Korintin. Ewsebju ta’ Ċesarija, l-“arkivista” kbir tas-snin Insara bikrija, jippreżentaha b’dan il-kliem: “Waslitilna ittra ta’ Klement li nqisuha bħala awtentika, kbira u tal-għaġeb. Inkitbet minnu, f’isem il-Knisja ta’ Ruma, lill-Knisja ta’ Korintu… Nafu li ilha żmien twil, u għadha hekk fi żmienna, tinqara pubblikament fil-ġemgħa tal-fidili” (Storia Eccl. 3,16). Lil din l-ittra ngħatalha karattru kważi kanoniku. Fil-bidu ta’ dan it-test – miktub bil-Grieg – Klement jistqarr li jiddispjaċih li “t-taħbit li nqala’, wieħed wara l-ieħor” (1,1), żżammu milli jintervieni iktar malajr. Dan it-“taħbit” nistgħu nidentifikawh mal-persekuzzjoni ta’ Domizjanu: allura d-data tal-kitba tal-ittra trid tmur lura għal żmien immedjatament wara l-mewt tal-imperatur u fi tmiem il-persekuzzjoni, jiġifieri dritt wara s-sena 96.

 

L-intervent tiegħu Klement għamlu minħabba l-problemi serji li kienet fihom il-Knisja ta’ Korintu: fil-fatt, il-presbiteri tal-komunità kienu tneħħew minn posthom minn membri żgħażagħ. Il-ġrajja ta’ swied il-qalb hi mfakkra, mill-ġdid, minn San Irinew, li jikteb: “Taħt Klement, billi nħolqot tilwima mhux żgħira bejn l-aħwa ta’ Korintu, il-Knisja ta’ Ruma bagħtet lill-Korintin ittra importanti ħafna biex tirrikonċiljahom fis-sliem, iġġedded il-fidi tagħhom u tħabbar it-tradizzjoni, li ma kinitx ilha li rċiviet mingħand l-Appostli” (Kontra l-ereżiji 3,3,3). U allura nistgħu ngħidu li din l-ittra hi l-ewwel tħaddim tal-Primat Ruman wara l-mewt ta’ San Pietru. L-ittra ta’ Klement taqbad temi għeżież għal San Pawl, li kien kiteb żewġ ittri kbar lill-Korintin, u b’mod partikulari d-djalettika teoloġika, dejjem attwali, bejn l-indikattiv tas-salvazzjoni u l-imperattiv tal-impenn morali. Qabelxejn hemm l-aħbar it-tajba tal-grazzja li ssalva. Il-Mulej jimxi qabilna u jagħtina l-maħfra tiegħu, jagħtina mħabbtu, il-grazzja li nkunu Nsara, ħutu. Hija tħabbira li timla bil-ferħ il-ħajja tagħna u tagħti ċertezza lill-għemil tagħna: il-Mulej dejjem jinsab hemm qabilna bit-tjieba tiegħu, u t-tjieba tal-Mulej hi dejjem ikbar mid-dnubiet kollha tagħna. Imma jeħtieġ li aħna nħabirku b’mod koerenti id f’id mad-don li rċivejna u nwieġbu għall-aħbar tas-salvazzjoni b’mixja ġeneruża u qalbiena ta’ konverżjoni. Meta mqabbel mal-mudell Pawlin, il-ġdid hu li wara l-parti duttrinali u l-parti prattika, li kienu kostituttivi tal-ittri kollha Pawlini, Klement idaħħal “talba kbira”, li prattikament tagħlaq l-ittra.

 

L-okkażjoni immedjata tal-ittra tiftaħ għall-Isqof ta’ Ruma l-possibbiltà ta’ intervent wiesa’ fuq l-identità tal-Knisja u tal-missjoni tagħha. Jekk f’Korintu kien hemm l-abbużi, josserva Klement, ir-raġuni hi li ddgħajfu l-imħabba u virtujiet Insara oħra indispensabbli. Għalhekk hu jsejjaħ lill-fidili għall-umiltà u għall-imħabba tal-aħwa, żewġ virtujiet tassew kostituttivi tal-Knisja: “Aħna sehem qaddis”, iwissi, “u għalhekk ejjew inwettqu dak kollu li titlob il-qdusija” (30,1). B’mod partikulari, l-Isqof ta’ Ruma jfakkar li l-Mulej innifsu “wriena fejn u mingħand min irid li jitwettqu s-servizzi liturġiċi, biex kull ħaġa, magħmula b’mod qaddis u skont ix-xewqa tiegħu, issir tajjeb kif irid hu… Fil-fatt il-qassis il-kbir ġie fdat bil-funzjonijiet liturġiċi li huma tiegħu, għas-saċerdoti ġie mħejji minn qabel il-post li hu tagħhom, u l-Leviti għandhom ix-xogħol tagħhom. Il-lajk hu marbut mal-liġijiet tiegħu” (40,1-5: ninnotaw hawn, f’din l-ittra ta’ tmiem l-ewwel seklu, li għall-ewwel darba fil-letteratura Nisranija jitfaċċa t-terminu Grieg laikós, li jfisser “membru tal-laós, jiġifieri “tal-poplu ta’ Alla”).

 

B’dan il-mod, huwa u jirriferi għal-liturġija ta’ Iżrael tal-qedem, Klement juri x’inhi l-idea tiegħu ta’ Knisja. Hi miġmugħa mill-“Ispirtu wieħed ta’ grazzja msawwab fuqna”, li jonfoħ fid-diversi membri tal-Ġisem ta’ Kristu, li fih ilkoll, magħqudin mingħajr firda bejniethom, huma “membri ta’ xulxin” (46,6-7). Id-distinzjoni ċara bejn il-“lajk” u l-ġerarkija bl-ebda mod ma tfisser li huma kontra xulxin, imma biss din ir-rabta organika ta’ ġisem, ta’ organiżmu, bid-diversi funzjonijiet li hemm fih. Fil-fatt il-Knisja mhijiex post ta’ konfużjoni u ta’ anarkija, fejn wieħed jista’ jagħmel li jrid il-ħin kollu: kull wieħed u waħda f’dan l-organiżmu, bi struttura artikolata, iħaddem il-ministeru tiegħu skont il-vokazzjoni li rċieva. Dwar il-mexxejja tal-komunità, Klement jespliċita b’mod ċar id-duttrina tas-suċċessjoni appostolika. In-normi li jirregolawha fl-aħħar mill-aħħar ġejjin minn Alla nnifsu. Il-Missier bagħat lil Ġesù Kristu, u dan bagħat lill-Appostli. Dawn imbagħad bagħtu lill-ewwel mexxejja tal-komunitajiet, u riedu li warajhom jiġu rġiel oħra denji. Mela kollox jimxi “skont l-ordni tar-rieda ta’ Alla” (42). B’dawn il-kelmiet, b’dawn il-frażijiet, San Klement qed jisħaq li l-Knisja għandha struttura sagramentali u mhux struttura politika. L-aġir ta’ Alla li jiltaqa’ magħna fil-liturġija jiġi qabel id-deċiżjonijiet u l-ideat tagħna. Il-Knisja hi fuq kollox don ta’ Alla u mhux ħolqien tagħna, u għalhekk din l-istruttura sagramentali mhux biss tiggarantixxi l-ordni komuni, imma anki din il-preċedenza tad-don ta’ Alla, li lkoll neħtieġu.

 

Fl-aħħar, it-“talba kbira” tagħti nifs kożmiku lill-argumenti ta’ qabel. Klement ifaħħar u jrodd ħajr lil Alla għall-providenza tal-għaġeb ta’ mħabbtu, li ħalaq id-dinja u jkompli jsalvaha u jqaddisha. Għandha importanza partikulari l-invokazzjoni għall-mexxejja. Wara t-testi tat-Testment il-Ġdid, din hija l-eqdem talba għall-istituzzjonijiet politiċi. Hekk, ftit wara l-persekuzzjonijiet, l-Insara, imqar jekk kienu jafu li l-persekuzzjonijiet kienu ħa jkomplu, ma jiqfux jitolbu għal dawk l-istess awtoritajiet li kienu kkundannawhom inġustament. Ir-raġuni hi qabelxejn ta’ ordni Kristoloġiku: jeħtieġ nitolbu għal dawk li jippersegwitawna, kif għamel Ġesù fuq is-salib. Imma din it-talba fiha wkoll tagħlim li jdawwal, matul is-sekli, l-imġiba tal-Insara quddiem il-politika u l-Istat. Meta jitlob għall-awtoritajiet, Klement qed jagħraf il-leġittimità tal-istituzzjonijiet politiċi fl-ordni stabbilit minn Alla; fl-istess waqt, hu qed juri t-tħassib tiegħu li l-awtoritajiet għandhom ikunu doċli għal Alla u “jħaddmu s-setgħa, li Alla tahom, fil-paċi u fil-manswetudni bit-tjieba” (61,2). Ċesari mhuwiex kollox. Hemm sovranità oħra, li l-bidu u l-essenza tagħha mhumiex ta’ din id-dinja, imma ġejjin “minn hemm fuq”: hi dik tal-Verità, li mqar quddiem l-Istat għandha l-jedd li tiġi mismugħa.

 

Hekk l-ittra ta’ Klement taffronta għadd ta’ temi li dejjem jibqgħu attwali. Hija aktar u aktar sinifikattiva għax tirrappreżenta, sa mill-ewwel seklu, l-attenzjoni u l-għożża tal-Knisja ta’ Ruma, li tippresiedi fl-imħabba fuq il-Knejjes l-oħra kollha. Bl-istess Spirtu nagħmlu tagħna l-invokazzjonijiet tat-“talba kbira”, li fiha l-Isqof ta’ Ruma jsir leħen għad-dinja kollha: “Iva, o Mulej, ħa tiddi fuqna d-dija ta’ wiċċek fil-ġid tas-sliem; ħarisna bl-id setgħana tiegħek… Aħna rroddulek ħajr, permezz tal-Qassis il-Kbir u mexxej ta’ ruħna, Ġesù Kristu, li permezz tiegħu nagħtuk glorja u ġieħ, issa, u minn nisel għal nisel, għal dejjem ta’ dejjem. Amen” (60-61).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard