Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Palazz Appostoliku ta’ Castel Gandolfo

L-Erbgħa 5 ta’ Awwissu 2009

 

San Ġwann Marija Vianney, il-Qaddis Kurat ta’ Ars

 

Għeżież ħuti,

 

Fil-katekeżi tal-lum nixtieq nimxi fil-qosor mal-ħajja tal-Qaddis Kurat ta’ Ars u nieqaf fuq xi karatteristiċi, li jistgħu jkunu ta’ eżempju għas-saċerdoti ta’ żmienna wkoll, li żgur hu differenti minn dak li fih għex hu, imma hu mmarkat, b’ħafna modi, mill-istess sfidi fundamentali umani u spiritwali. Proprju lbieraħ fakkarna l-150 sena mit-twelid tiegħu għas-Sema: fil-fatt kienu s-sagħtejn ta’ filgħodu tal-4 ta’ Awwissu 1859, meta San Ġwann Battista Marija Vianney, wara li temm il-mixja ta’ ħajtu fuq din l-art, mar jiltaqa’ mal-Missier tas-Sema biex jilqa’ b’wirt is-saltna mħejjija sa mill-ħolqien tad-dinja għal dawk li b’fedeltà jagħtu widen għat-tagħlim tiegħu (ara Mt 25:34). Min jaf x’festa kbira kien hemm fil-Ġenna mad-dħul ta’ ragħaj hekk żelanti! Min jaf x’laqgħa żammitlu l-kotra tal-ulied irrikonċiljati mal-Missier permezz tal-ħidma tiegħu ta’ kappillan u konfessur! Ridt naqbad dan l-ispunt minn dan l-anniversarju biex inniedi s-Sena Saċerdotali, li, kif nafu, għandha bħala tema Il-fedeltà ta’ Kristu, il-fedeltà tas-saċerdot. Mill-qdusija tiddependi l-kredibbiltà tax-xhieda u, żgur mhux forsi, l-effikaċja nfisha tal-missjoni ta’ kull saċerdot.

 

Ġwanni Marija Vianney twieled fir-raħal ċkejken ta’ Dardilly fit-8 ta’ Mejju 1786, minn familja ta’ bdiewa, fqira fil-ġid materjali, imma għanja fl-umanità u fil-fidi. Mgħammed, kif kienet id-drawwa ta’ dak iż-żmien, fl-istess jum ta’ twelidu, fis-snin ta’ tfulitu u tal-adolexxenza tiegħu kien mixħut għax-xogħol fl-għelieqi u jirgħa l-bhejjem, tant li, fl-età ta’ dsatax-il sena, kien għadu ma jafx jikteb u jaqra. Imma kien jaf bl-amment it-talbiet li għallmitu t-twajba ommu u kien jixrob mill-arja reliġjuża li kien hemm fid-dar. Il-bijografi jirrakkuntaw li, sa miż-żgħożija tiegħu, hu fittex li jitwaħħad mar-rieda divina mqar fl-iċken ħidmiet. F’qalbu kellu x-xewqa li jsir saċerdot, imma dan xejn ma kien faċli. Fil-fatt wasal għall-Ordinazzjoni Presbiterali wara mhux ftit taqtigħ il-qalb u inkomprensjonijiet, grazzi għall-għajnuna ta’ saċerdoti għorrief, li ma waqfux joqogħdu jqisu l-limiti umani tiegħu, imma għarfu jħarsu lil hemm minn hekk, għax fehmu x-xefaq tal-qdusija li kien jidher f’dak iż-żagħżugħ tassew uniku. Hekk, fit-23 ta’ Ġunju 1815, ġie ordnat djaknu u, fit-13 ta’ Awwissu ta’ wara, saċerdot. Saflaħħar, fl-età ta’ 29 sena, wara ħafna inċertezzi, mhux ftit fallimenti u tant dmugħ, seta’ jitla’ fuq l-altar tal-Mulej u jwettaq il-ħolma ta’ ħajtu.

 

Il-Qaddis Kurat ta’ Ars dejjem żamm fl-għoli ħafna d-don li rċieva. Kien jistqarr: “Oħ! X’ħaġa kbira hu s-Saċerdozju! Qatt m’aħna ħa nifhmuh kif imiss ħlief fis-Sema… li kellna nifhmuh fuq din l-art, konna mmutu, mhux bil-biża’ imma bl-imħabba!” (Abbé Monnin, Esprit du Curé d’Ars, p. 113). Barra minn hekk, minn tfulitu kien tarraf lil ommu: “Li kelli nsir qassis, irrid nirbaħ ħafna erwieħ” (Abbé Monnin, Procès de l’ordinaire, p. 1064). U hekk kien. Fis-servizz pastorali, tant sempliċi daqskemm straordinarjament għammiel, dan il-kappillan minsi ta’ raħal mitluf fin-nofsinhar ta’ Franza tant irnexxielu jsir ħaġa waħda mal-ministeru tiegħu, li sar, anki b’mod viżibbilment u universalment rikonoxxibbli, alter Christus, xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb, li, b’differenza mill-mikri, jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu (ara Ġw 10:11). Fuq l-eżempju tar-Ragħaj it-tajjeb, hu ta ħajtu fis-snin tas-servizz saċerdotali tiegħu. Ħajtu kienet katekeżi ħajja, li kisbet qawwa partikulari ħafna meta n-nies kienet tarah jiċċelebra l-Quddiesa, jieqaf għall-adorazzjoni quddiem it-tabernaklu jew iqatta’ ħafna sigħat fil-konfessjonarju.

 

Għaldaqstant il-qalba ta’ ħajtu kollha kienet l-Ewkaristija, li kien jiċċelebra u jadura b’qima u rispett. Karatteristika oħra fundamentali ta’ din il-figura saċerdotali straordinarja kien il-ministeru assidwu tal-qrar. Fil-prattika tas-Sagrament tal-Penitenza kien jagħraf it-twettiq loġiku u naturali tal-appostolat saċerdotali, f’ubbidjenza lejn il-mandat ta’ Kristu: “Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li ma żżommuhomlhom ikunu miżmuma” (ara Ġw 20:23). San Ġwann Marija Vianney allura spikka bħala konfessur mill-aqwa u bla heda kif ukoll bħala mgħallem spiritwali. Hu kien jgħaddi “b’ċaqliqa interjuri waħda, mill-altar għall-konfessjonarju”, fejn kien iqatta’ l-parti l-kbira tal-ġurnata, u b’kull mod kien ifittex, bil-predikazzjoni u bil-parir persważiv, li jgħin lill-parruċċani tiegħu jiskopru mill-ġdid it-tifsira u l-ġmiel tal-penitenza sagramentali, billi juriha bħala esiġenza intima tal-Preżenza Ewkaristika (ara Ittra lis-saċerdoti għas-Sena Saċerdotali).

 

Il-metodi pastorali ta’ San Ġwann Marija Vianney jistgħu jidhru ftit li xejn adatti għall-kundizzjonijiet soċjali u kulturali tal-lum. Fil-fatt, kif jista’ jimitah saċerdot illum, f’dinja li nbidlet tant? Jekk hu minnu li jinbidlu ż-żminijiet u ħafna kariżmi huma tipiċi tal-persuna, u allura irrepetibbli, imma hemm stil ta’ ħajja u xewqa profonda li lkoll aħna msejħin nikkultivaw. Meta nħarsu iktar mill-qrib, dak li għamel qaddis lill-Kurat ta’ Ars kien il-fedeltà umli tiegħu għall-missjoni li għaliha kien sejjaħlu Alla; kien l-abbandun kontinwu tiegħu, mimli fiduċja, f’idejn il-Providenza divina. Hu rnexxielu jmiss il-qalb tan-nies mhux minħabba l-kwalitajiet umani tiegħu, lanqas billi serraħ esklussivament fuq l-impenn tar-rieda tiegħu, li xorta jixraqlu t-tifħir tagħna; rebaħ l-erwieħ, anki ta’ dawk l-aktar rashom iebsa, billi wasslilhom dak li kien jgħix fl-intimità tal-qalb tiegħu, jiġifieri l-ħbiberija tiegħu ma’ Kristu. Kien “innamrat” ma’ Kristu, u s-sigriet veru tas-suċċess pastorali tiegħu kien l-imħabba li kellu għall-Misteru Ewkaristiku mħabbar, iċċelebrat u megħjux, li sar imħabba għall-merħla ta’ Kristu, l-Insara u l-persuni kollha li jfittxu lil Alla. Ix-xhieda tiegħu tfakkarna, għeżież ħuti, li għal kull imgħammed, u iżjed u iżjed għas-saċerdot, l-Ewkaristija “mhijiex sempliċiment ġrajja b’żewġ protagonisti, djalogu bejni u bejn Alla. Il-komunjoni Ewkaristika twassal għal bidla sħiħa ta’ ħajti. Bil-qawwa kollha tiftaħ beraħ il-jien sħiħ tal-bniedem u toħloq aħna ġdid” (Joseph Ratzinger, La Comunione nella Chiesa, p. 80).

 

Allura, bogħod milli nirriduċu l-figura ta’ San Ġwann Marija Vianney għal eżempju, imqar jekk ta’ min jammirah, tal-ispiritwalità devozzjonali tas-seklu tmintax, għall-kuntrarju jeħtieġ nilqgħu l-qawwa profetika li ġġorr magħha l-personalità umana u saċerdotali tiegħu ta’ attwalità mill-aktar għolja. Fi Franza ta’ wara r-Rivoluzzjoni li kienet għaddejja minn xorta ta’ “dittatura tar-razzjonaliżmu” bl-għan li tħassar l-istess preżenza tas-saċerdoti u tal-Knisja fis-soċjetà, huwa għex, l-ewwel – fis-snin ta’ żgħożitu –, klandestinità erojka għax kien jimxi kilometri sħaħ billejl biex jieħu sehem fil-quddiesa. Imbagħad – bħala saċerdot – spikka għal kreattività pastorali singulari u għammiela, biex juri li r-razzjonaliżmu, li kien isaltan dak iż-żmien, kien fir-realtà bogħod milli jissodisfa l-ħtiġijiet awtentiċi tal-bniedem u għalhekk, bla dubju, ma kienx xi ħaġa li tista’ tgħixha.

 

Għeżież ħuti, 150 sena wara l-mewt tal-Qaddis Kurat ta’ Ars, l-isfidi tas-soċjetà tal-lum mhumiex b’inqas impenjattivi, anzi forsi, saru iżjed kumplessi. Jekk dak iż-żmien kien hemm id-“dittatura tar-razzjonaliżmu”, fi żmienna f’ħafna ambjenti qed naraw għamla ta’ “dittatura tar-relattiviżmu”. It-tnejn li huma jidhru tweġibiet inadegwati għax-xewqa ġusta tal-bniedem li juża b’mod sħiħ ir-raġuni tiegħu bħala element distintiv u kostituttiv tal-identità tiegħu. Ir-razzjonaliżmu ma kienx adegwat għax ma tax kas tal-limiti umani u ppretenda li seta’ jgħolli lir-raġuni waħidha fuq kull ħaġa oħra, u jibdilha f’alla; ir-relattiviżmu kontemporanju jissagrifika r-raġuni, għax fil-fatt jasal biex jistqarr li l-bniedem ma jista’ jkun jaf xejn b’ċertezza lil hemm mill-qasam xjentifiku pożittiv. Imma llum, bħal dak iż-żmien, il-bniedem “tallab għal tifsira u milja” fil-ħajja tiegħu qed ifittex il-ħin kollu tweġibiet li jissodisfaw il-mistoqsijiet profondi li ma jieqaf qatt jagħmel.

 

Kellhom sew quddiem għajnejhom dan l-“għatx għall-verità”, li jħeġġeġ fil-qalb ta’ kull bniedem, il-Padri tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II meta qalu li hu dover tas-saċerdoti li, “bħala edukaturi fil-fidi”, jiffurmaw “komunità f’sens tabilħaqq Nisrani” li kapaċi tiftaħ “it-triq lejn Kristu għall-bnedmin kollha” u “ġġib ruħha tabilħaqq ta’ omm” magħhom, turi jew tħajjar lil min ma jemminx għat-“triq lejn Kristu u lejn il-Knisja tiegħu”, u tkun għal min diġà jemmen “stimolu, ikel, u għajnuna għat-taqbida spiritwali” (ara Presbyterorum ordinis, 6). It-tagħlim li dwar hekk ikompli jgħaddilna l-Qaddis Kurat ta’ Ars hu li, skont dan l-impenn pastorali, is-saċerdot għandu jkollu għaqda personali intima ma’ Kristu, li jrid jikkultivaha u jkabbarha jum wara l-ieħor. U huwa biss jekk ikun innamrat ma’ Kristu, li s-saċerdot jista’ jgħallem lil kulħadd din l-għaqda, din il-ħbiberija intima mal-Imgħallem divin, jista’ jmiss il-qlub tan-nies u jiftaħhom għall-imħabba ħanina tal-Mulej. Hekk biss, imbagħad, jista’ jimla bil-ħeġġa u l-ħajja spiritwali lill-komunitajiet li l-Mulej jafdalu. Nitolbu biex, għall-interċessjoni ta’ San Ġwann Marija Vianney, Alla jagħti lill-Knisja tiegħu saċerdoti qaddisa, u biex tikber fil-fidili x-xewqa li jwieżnu u jgħinu l-ministeru tagħhom. Nafdaw din l-intenzjoni lil Marija, li proprju llum qed nitolbuha bħala l-Madonna tas-Silġ.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard