Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 4 ta’ Novembru 2009

 

Żewġ mudelli teoloġiċi f’konfront: Bernard u Abelardu

 

Għeżież ħuti,

 

Fl-aħħar katekeżi ppreżentajt il-karatteristiċi prinċipali tat-teoloġija monastika u tat-teoloġija Skolastika tas-seklu 12, li nistgħu nsejħulhom, f’ċertu sens, rispettivament “teoloġija tal-qalb” u “teoloġija tar-raġuni”. Fost ir-rappreżentanti ta’ dawn iż-żewġ kurrenti teoloġiċi żviluppa dibattitu wiesa’ u xi kultant mixgħul, simbolikament irrappreżentat mill-kontroversja bejn San Bernard ta’ Clairvaux u Abelardu.

 

Biex nifhmu dan il-konfront bejn iż-żewġ mgħallmin kbar, tajjeb niftakru li t-teoloġija hija t-tiftixa ta’ għarfien razzjonali, sakemm hu possibbli, tal-misteri tar-Rivelazzjoni Nisranija, li wieħed jemmen bil-fidi: fides quærens intellectum – il-fidi tfittex l-intelliġibbiltà – biex nuża definizzjoni tradizzjonali, konċiża u effikaċi. Issa, waqt li San Bernard, rappreżentant tipiku tat-teoloġija monastika, iqiegħed l-enfasi fuq l-ewwel parti tad-definizzjoni, jiġifieri fuq il-fides – il-fidi, Abelardu, li huwa Skolastiku, jagħfas fuq it-tieni parti, jiġifieri fuq l-intellectus, fuq l-għarfien permezz tar-raġuni. Għal Bernard il-fidi stess hi mogħnija b’ċertezza intima, mibnija fuq ix-xhieda tal-Iskrittura u fuq it-tagħlim tal-Missirijiet tal-Knisja. Barra minn hekk il-fidi tiġi msaħħa mix-xhieda tal-qaddisin u mit-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu fir-ruħ ta’ kull min jemmen. Fil-każi ta’ dubju u ta’ ambigwità, il-fidi tiġi mħarsa u mdawla mit-tħaddim tal-Maġisteru ekkleżjali. Huwa hawn li Bernard isibha bi tqila jaqbel ma’ Abelardu, u b’mod iktar ġenerali ma’ dawk li kienu jqiegħdu l-verità tal-fidi għall-eżami kritiku tar-raġuni; eżami li, min-naħa tiegħu, kien iġib periklu gravi miegħu, jiġifieri l-intellettwaliżmu, ir-relativizzazzjoni tal-verità, u jindubja anki l-istess veritajiet tal-fidi. F’dan il-mod ta’ kif wieħed jimxi Bernard kien jara ċertu ardir bla skrupli, frott tal-kburija tal-intelliġenza umana, li jippretendi li jista’ “jaħtaf taħt idejh” il-misteru ta’ Alla. F’ittra tiegħu, imnikket, jikteb hekk: “Il-ġenju uman irid jaħkem fuq kollox, u ma jħalli xejn għall-fidi. Jaffronta dak li hu ’l fuq minnu, jgħarbel dak li hu superjuri għalih, jinvadi d-dinja ta’ Alla, jibdel il-misteri tal-fidi, iktar milli jdawwalhom; dak li hu magħluq u ssiġillat ma jiftħux, imma jaqilgħu minn għeruqu, u dak li ma jinftehimx għalih, iqisu xejn, u jirrifjuta li jemmnu” (Epistola CLXXXVIII,1: PL 182, I, 353).

 

Għal Bernard it-teoloġija għandha skop wieħed biss: dak li tippromovi l-esperjenza ħajja u intima ta’ Alla. It-teoloġija allura hija għajnuna biex wieħed iħobb dejjem iżjed u dejjem aħjar lill-Mulej, kif jgħid it-titlu tat-trattat fuq id-Dmir li nħobbu lil Alla (De diligendo Deo). F’din il-mixja, hemm diversi gradi, li Bernard ifissirhom fil-fond, sa fuq nett meta r-ruħ ta’ min jemmen togħdos fil-qċaċet tal-imħabba. Ir-ruħ tal-bniedem tista’ tilħaq diġà minn fuq din l-art din l-għaqda mistika mal-Verb divin, għaqda li d-Doctor Mellifluus ifissirha bħala “tieġ spiritwali”. Il-Verb divin iżurha, iżarmalha r-reżistenzi tagħha, idawwalha, ikebbisha u jibdilha. F’din l-għaqda mistika, hi tgawdi minn serenità u ħlewwa kbira, u tgħanni lill-Għarus tagħha għanja ta’ ferħ. Kif fakkart fil-katekeżi ddedikata lill-ħajja u t-tagħlim ta’ San Bernard, it-teoloġija għalih ma tistax ma tixrobx mit-talb kontemplattiv, fi kliem ieħor mill-għaqda ta’ mħabba tal-qalb u tal-ħsieb ma’ Alla.

 

Imma lil Abelardu, li fost l-oħrajn huwa proprju dak li daħħal it-terminu “teoloġija” fis-sens li fih nifhmuh illum, insibuh f’perspettiva differenti. Imwieled il-Brittanja, fi Franza, dan l-imgħallem famuż Franċiż tas-seklu 12 kien mogħni b’intelliġenza kbira u l-vokazzjoni tiegħu kienet l-istudju. L-ewwel qabad il-filosofija u mbagħad applika r-riżultati li laħaq f’din id-dixxiplina għat-teoloġija, li tagħha kien għalliem fil-belt l-iżjed kolta ta’ żmienu, Pariġi, u mbagħad anki fil-monasteri li fihom għex. Kien oratur brillanti: il-lezzjonijiet tiegħu kienu jsegwuhom folol kbar ta’ studenti. Bi spirtu reliġjuż, imma personalità li ma kellhiex kwiet, ħajtu kienet mimlija ġrajjiet drammatiċi: ħaqqaqha mal-għalliema tiegħu, kellu iben minn mara kolta u intelliġenti, Eloisa. Spiss kien jidħol f’polemika mal-kollegi teologi tiegħu, laqqat ukoll kundanni mill-Knisja, imqar jekk miet f’komunjoni sħiħa mal-Knisja, li għall-awtorità tagħha qagħad bi spirtu ta’ fidi. Proprju San Bernard ta l-kontribut tiegħu għall-kundanna ta’ xi tagħlim ta’ Abelardu fis-Sinodu provinċjali ta’ Sens tal-1140, u ħeġġeġ anki l-intervent tal-Papa Innoċenz II. L-Abbati ta’ Clairvaux ikkuntesta, kif diġà semmejna, il-metodu wisq intellettwalistiku ta’ Abelardu, li, f’għajnejh, kien irriduċa l-fidi għal sempliċi opinjoni maqtugħa mill-verità rivelata. Dawk ta’ Bernard ma kinux biżgħat fix-xejn u kienu wkoll l-istess ta’ ħassieba oħra kbar ta’ żmienu. Effettivament, minħabba ċertu użu żejjed tal-filosofija kien hemm il-periklu li d-duttrina Trinitarja ta’ Abelardu tidher fraġli, u hekk ukoll l-idea tiegħu ta’ Alla. Fil-qasam morali t-tagħlim tiegħu ma kienx nieqes minn ċerta ambigwità: hu kien jisħaq li wieħed għandu jqis l-intenzjoni tas-suġġett bħala l-unika għajn biex ifisser it-tjieba jew il-ħażen tal-atti morali, imma hekk ikun jittraskura t-tifsira u l-valur morali oġġettiv tal-għemejjel: suġġettiviżmu perikoluż. Kif nafu, dan hu aspett attwali ħafna għal żmienna, fejn il-kultura spiss tidher immarkata minn tendenza dejjem tikber lejn ir-relattiviżmu etiku: jien biss niddeċiedi x’inhu tajjeb għalija, bħalissa. Ma rridux ninsew, imma, il-merti kbar ta’ Abelardu, li kellu ħafna dixxipli u żgur mhux forsi għen fl-iżvilupp tat-teoloġija Skolastika, maħsuba biex tesprimi ruħha b’mod iżjed matur u għammiel fis-seklu ta’ wara. Lanqas għandhom jiġu ssottovalutati ċerti intuwizzjonijiet tiegħu, bħal, ngħidu aħna, meta jgħid li fit-tradizzjonijiet reliġjużi mhux Insara diġà hemm preparazzjoni biex jilqgħu lil Kristu, il-Verb divin.

 

X’nistgħu nitgħallmu aħna llum mill-konfront, mit-toni spiss mixgħula, bejn Bernard u Abelardu, u, b’mod ġenerali, bejn it-teoloġija monastika u dik Skolastika? Qabelxejn nemmen li hu jurina s-siwi u l-ħtieġa ta’ diskussjoni teoloġika sana fil-Knisja, fuq kollox meta l-kwistjonijiet tad-dibattitu ma jkunux ġew definiti mill-Maġisteru, li jibqa’, xorta waħda, punt ta’ riferiment waħdieni. San Bernard, imma anki l-istess Abelardu, dejjem għarfu bla tnikkir l-awtorità tiegħu. Barra dan, il-kundanna li ġarrab dan tal-aħħar tfakkarna li fil-qasam teoloġiku għandu jinstab bilanċ bejn dawk li nistgħu nsejħulhom il-prinċipji arkitettoniċi li tagħtina r-Rivelazzjoni u li allura jibqgħu jżommu dejjem l-importanza prijoritarja, u dawk interpretattivi li tissuġġerixxi l-filosofija, jiġifieri r-raġuni, u li għandhom funzjoni importanti imma li hi biss strumentali. Meta ma jkunx hemm dan il-bilanċ bejn l-arkitettura u l-istrumenti ta’ interpretazzjoni, ir-riflessjoni teoloġika tirriskja li tittappan mill-iżbalji, u allura l-Maġisteru jrid ikun li jħaddem dan is-servizz meħtieġ tiegħu lill-verità. Barra dan, irridu niċċaraw li, fost il-motivazzjonijiet li wasslu lil Bernard biex jeħodha kontra Abelardu u biex iħeġġeġ l-intervent tal-Maġisteru, kien hemm ukoll it-tħassib tiegħu li għandu jħares in-nies ta’ fidi sempliċi u umli, li għandhom isibu min jipproteġihom meta jkunu f’riskju li jitħawdu jew jiġu żvijati minn opinjonijiet wisq personali u minn argumentazzjonijiet teoloġiċi bla skrupli, li jistgħu jipperikolaw il-fidi tagħhom.

 

Fl-aħħar nett, nixtieq infakkar li l-konfront teoloġiku bejn Bernard u Abelardu għalaq b’rikonċiljazzjoni sħiħa bejn it-tnejn, grazzi għall-medjazzjoni ta’ ħabib komuni tagħhom, l-Abbati ta’ Cluny, Pietru l-Venerabbli, li dwaru tkellimt f’waħda mill-katekeżijiet li għaddew. Abelardu wera umiltà meta għaraf l-iżbalji tiegħu, Bernard mexa bi tjieba kbira. Fit-tnejn li huma rebaħ dak li għandu tassew ikun għal qalbna meta tinbet xi kontroversja teoloġika, jiġifieri li nħarsu l-fidi tal-Knisja u li tittrijonfa l-verità fl-imħabba. Ħa tkun din ukoll illum l-attitudni li biha nikkonfrontaw lil xulxin fil-Knisja, aħna u nżommu dejjem quddiemna bħala għan it-tiftix tal-verità.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard.