Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 4 ta’ Lulju 2007

 

San Bażilju

I: Ħajtu u kitbietu

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtiequ nfakkru wieħed mill-Missirijiet kbar tal-Knisja, San Bażilju, li t-testi liturġiċi Biżantini jsejħulu “luminarju tal-Knisja”. Kien Isqof kbir tar-raba’ seklu, li lejh tħares b’ammirazzjoni kemm il-Knisja tal-Lvant u kemm dik tal-Punent minħabba fil-qdusija ta’ ħajtu, l-eċċellenza tad-duttrina u l-ġabra armonjuża ta’ ħiliet spekulattivi u prattiċi. Hu twieled lejn is-sena 330 f’familja ta’ qaddisin, “Knisja vera tad-dar”, li kienet tgħix fi spirtu ta’ fidi profonda. Għamel l-istudji tiegħu mal-aqwa mgħallmin ta’ Ateni u ta’ Kostantinopli. Is-suċċessi tad-dinja ma tawhx sodisfazzjon, u wara li ntebaħ li ħela ħafna żmien fil-frugħa, hu stess stqarr: “Jum wieħed, bħal qisni qomt minn ħolma fil-fond, dort għad-dawl kollu ġmiel tal-verità tal-Vanġelu…, u bkejt il-ħajja miżerabbli tiegħi” (ara Ep. 223,2). Miġbud minn Kristu, beda jħares lejh u jisma’ biss lilu (ara Regoli morali 80,1). B’rieda soda ddedika ruħu għall-ħajja monastika fit-talb, fil-meditazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa u tal-kitbiet tal-Missirijiet tal-Knisja, u fit-taħriġ tal-karità (ara Epp. 2 u 22), fuq l-eżempju wkoll ta’ oħtu, Santa Makrina, li diġà kienet tgħix ħajja ta’ monaka axxetika. Imbagħad ġie ordnat saċerdot u fl-aħħar, fit-370, Isqof ta’ Ċesarija tal-Kappadoċja, fit-Turkija tal-lum.

 

Permezz tal-predikazzjoni u l-kitbiet tiegħu wettaq ħidma intensa pastorali, teoloġika u letterarja. B’bilanċ għaref għaraf ixierek flimkien il-qadi tal-erwieħ u l-ħajja mogħtija għat-talb u għall-meditazzjoni fis-solitudni. Inqeda bl-esperjenza personali tiegħu biex għen fit-twaqqif ta’ bosta “fraternitajiet” jew komunitajiet ta’ Nsara kkonsagrati lil Alla, li ta’ spiss kien iżur (ara Girgor Nazjanzenu, Diskors 43,29 f’ġieħ Bażilju). Bil-kelma u bil-kitbiet, li ħafna minnhom waslulna, kien iħeġġiġhom jgħixu u jimxu ’l quddiem fil-perfezzjoni (ara Regoli qosra, Prœmio). L-opri tiegħu fittxewhom ukoll diversi leġislaturi tal-monakiżmu antik, fosthom San Benedittu, li kien iqis lil Bażilju bħala l-imgħallem tiegħu (ara Regola 73,5). Fir-realtà, San Bażilju ħoloq monakiżmu partikulari ħafna: mhux talli mhux magħluq għall-komunità tal-Knisja lokali, talli anzi miftuħ għaliha. Il-monaċi tiegħu kienu jagħmlu parti mill-Knisja lokali, kienu l-qalba li tagħtiha l-ħajja u li, qabel il-fidili l-oħra fil-mixja wara Kristu u mhux biss fil-fidi, kienet turi t-twaħħid sod tagħha miegħU – l-imħabba għaliH – fuq kollox f’opri ta’ karità. Dawn il-monaċi, li kellhom f’idejhom skejjel u sptarijiet, kienu hemm għall-qadi tal-foqra u hekk urew il-ħajja Nisranija fis-sħuħija tagħha. Il-Qaddej ta’ Alla Ġwanni Pawlu II, meta jitkellem fuq il-monakiżmu, jikteb: “Ħafna jżommu li dik l-istruttura fundamentali tal-ħajja tal-Knisja li hi l-monakiżmu tqiegħdet, għas-sekli kollha ta’ wara, prinċipalment minn San Bażilju; jew li, tal-inqas, ma ġietx definita fin-natura proprja tagħha mingħajr is-sehem deċiżiv tiegħu” (Ittra appostolika Patres Ecclesiæ, 2).

 

Bħala Isqof u Ragħaj tad-Djoċesi vasta tiegħu, Bażilju l-ħin kollu kien ħsiebu fil-qagħdiet materjali diffiċli li fihom kienu jgħixu l-fidili tiegħu; ikkundanna b’id soda l-ħażen; ħabrek għall-ġid ta’ dawk l-iżjed foqra u mwarrba; indaħal anki quddiem il-mexxejja biex itaffi t-tbatijiet tal-poplu, fuq kollox f’mumenti ta’ diżgrazzji; iddefenda l-libertà tal-Knisja, u ħadha wkoll kontra s-setgħana biex iħares il-jedd tagħha li tistqarr il-fidi vera (ara Girgor Nazjanzenu, Diskors 43,48-51). Lil Alla, li hu mħabba u karità, Bażilju ta xhieda tiegħu li tgħodd, bil-bini ta’ diversi ospizji għal dawk fil-bżonn (ara Bażilju, Ep. 94), kważi belt tal-ħniena, li minnu ħadet isimha Basiliade (ara Sozomenu, Storja Ekkl. 6,34). Insibuha fl-għeruq tal-istituzzjonijiet moderni ta’ sptarijiet fejn il-morda jiġu rikoverati u kkurati.

 

Bażilju kien jaf li “l-liturgija hi l-quċċata li lejha timxi l-ħidma tal-Knisja u fl-istess waqt l-għajn li minnha ġejja kull qawwa tagħha” (Sacrosanctum Concilium, 10), u għalhekk, imqar jekk ħsiebu kien kif se jwettaq il-karità, is-sinjal tal-fidi, hu kien anki “riformatur liturġiku” għaref (ara Girgor Nazjanzenu, Diskors 43,34). Fil-fatt ħallielna talba Ewkaristika [jew anafora] importanti li minnu tieħu isimha, u tat ordni fundamentali lit-talb u lis-salmodija: bit-tħabrik tiegħu l-poplu ħabb u sar jaf is-Salmi, u kien jinġabar biex jitlob bihom anki billejl (ara Bażilju, Omeliji fuq is-Salmi 1,1-2). U hekk naraw kif il-liturġija, l-adorazzjoni, it-talb imorru id f’id mal-karità, u jikkundizzjonaw lil xulxin.

 

B’żelu u kuraġġ Bażilju għaraf jeħodha kontra l-eretiċi, li kienu jiċħdu li Ġesù Kristu kien Alla bħall-Missier (ara BażiljuEp. 9,3; Ep. 52,1-3; Kontra Ewnomju 1,20). Bl-istess mod, kontra dawk li ma kinux jaċċettaw id-divinità tal-Ispirtu s-Santu, hu saħaq li anki l-Ispirtu hu Alla, u “mal-Missier u mal-Iben għandu jiġi msejjaħ u msebbaħ” (ara L-Ispirtu s-Santu). Għalhekk Bażilju huwa wieħed mill-Missirijiet il-kbar li sawru d-duttrina fuq it-Trinità: Alla wieħed, sewwasew għax hu Mħabba, hu Alla fi tliet Persuni, li jsawru l-għaqda l-iżjed profonda li teżisti, l-għaqda divina.

 

Fl-imħabba tiegħu għal Kristu u għall-Vanġelu tiegħu, il-kbir Kappadoċjan ħabrek ukoll biex isewwi l-firdiet fi ħdan il-Knisja (ara Epp. 70 u 243), u stinka biex ilkoll jikkonvertu lejn Kristu u lejn il-Kelma tiegħu (ara Il-ġudizzju 4), qawwa li xxierek u tgħaqqad, li dawk kollha li jemmnu għandhom jobdu (ara ibid., 1-3).

 

Biex nagħlqu, ngħidu li Bażilju qatta’ ħajtu kollha fis-servizz fidil tal-Knisja u tat-tħaddim tal-ministeru episkopali f’kull xejra tiegħu. Skont il-programm imfassal minnu stess, hu sar “appostlu u ministru ta’ Kristu, qassâm tal-misteri ta’ Alla, ħabbâr tas-saltna, xempju u regola ta’ pjetà, għajn tal-ġisem tal-Knisja, ragħaj tan-nagħaġ ta’ Kristu, tabib twajjeb, missier u infermier, koperatur ta’ Alla, bidwi ta’ Alla, bennej tat-tempju ta’ Alla” (ara Regoli morali 80,11-20).

 

Dan hu l-programm li l-Isqof qaddis jagħti lill-ħabbâra tal-Kelma – ilbieraħ u llum –, programm li hu stess ħabrek b’ġenerożità biex iqiegħdu fil-prattika. Fit-379 Bażilju, li mank kien għadu għalaq il-ħamsin, mixrub mill-għeja u l-ħajja axxetika, irritorna għand Alla, “fit-tama tal-ħajja ta’ dejjem, permezz ta’ Ġesù Kristu Sidna” (Il-Magħmudija 1,2,9). Hu kien bniedem li għex tassew b’ħarstu msammra fuq Kristu, bniedem tal-imħabba għall-proxxmu. Mimli bit-tama u l-ferħ tal-fidi, Bażilju jurina kif għandna ngħixu tabilħaqq ta’ Nsara.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard