Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja tal-qedem.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 3 ta’ Novembru 2010

 

Margerita t’Oingt

 

Għeżież ħuti,

 

B’Margerita ta’ Oingt, li dwarha nixtieq inkellimkom illum, nidħlu fl-ispiritwalità Ċertosina, imnebbħa mis-sintesi evanġelika li għex u ppropona San Bruno. Ma nafuhiex id-data ta’ twelidha, imqar jekk hemm min iqegħedha lejn l-1240. Margerita kienet ġejja minn familja potenti ta’ nobbiltà antika ta’ Lyons, l-Oingt. Nafu li ommha kien jisimha Margerita wkoll, u li kellha żewġ ħutha subien – Ġuskardu u Lwiġi – u tliet ħutha biet: Katarina, Iżabella u Anjeże. Din tal-aħħar daħlet warajha fil-monasteru taċ-Ċertosini, u wara ħaditilha postha wkoll bħala prijura.

 

Ma nafu xejn dwar it-tfulija tagħha, imma mill-kitbiet tagħha nistgħu nifhmu li qattgħetha b’mod trankwill, f’ambjent familjari mimli mħabba. Fil-fatt, biex tesprimi l-imħabba bla tarf tagħha lejn Alla, hi tagħti valur lil bosta xbihat marbuta mal-familja, b’riferiment partikulari għall-figuri tal-missier u tal-omm. F’meditazzjoni tagħha titlob hekk: “O Mulej l-aktar ħelu u sabiħ, meta naħseb fil-grazzji speċjali li tajtni fi mħabbtek: qabelxejn, kif ħaristni sa minn ċkuniti, u kif warrabtni mill-periklu ta’ din id-dinja u sejjaħtli biex nagħti ruħi għall-qadi mqaddes tiegħek, u kif ipprovdejtli dak kollu li kont neħtieġ biex niekol, nixrob, nilbes u ngħatti riġlejja, (u dan għamiltu) b’mod li ma kelli qatt għalfejn naħseb f’dawn il-ħwejjeġ kollha imma fil-ħniena kbira tiegħek” (Margerita t’Oingt, Kitbiet spiritwali, Meditazzjoni V, 100, Cinisello Balsamo 1997, p. 74).

 

Dejjem mill-meditazzjonijiet tagħha, nifhmu li biex twieġeb għas-sejħa tal-Mulej daħlet maċ-Ċertosini ta’ Poleteins, ħalliet kollox warajha u aċċettat ir-regola severa Ċertosina, biex tkun kollha kemm hi tal-Mulej, biex tkun dejjem miegħu. Hija tikteb: “Mulej ħelu, jiena tlaqt lil missieri u lil ommi u lil ħuti u l-ħwejjeġ kollha ta’ din id-dinja għall-imħabba tiegħek; imma dan hu ftit wisq, għax il-ġid ta’ din id-dinja mhuwiex ħlief xewk li jniggeż; u iktar ma wieħed ikollu, iktar ikun xortih ħażina. U għalhekk jidhirli li ma ħallejt xejn warajja għajr miżerja u faqar; imma inti taf, Mulej twajjeb, li kieku kelli elf dinja u stajt nagħmel li rrid bihom, kont nitlaq kollox għal imħabbtek; u mqar li kellek tagħtini dak kollu li hu tiegħek fis-sema u fl-art, ma kontx nistrieħ qabel ma jkolli lilek, għax inti l-ħajja ta’ ruħi, u la għandi u lanqas irrid li jkolli missier u omm ħliefek” (ibid., Meditazzjoni II, 32, p. 59).

 

Imqar tal-ħajja tagħha bħala Ċertosina ftit għandna dati. Nafu li fl-1288 laħqet ir-raba’ Prijura, kariga li żammet sa mewtha, li seħħet fil-11 ta’ Frar 1310. Imma mill-kitbiet tagħha ma joħorġu ebda ġrajjiet partikulari fil-mixja spiritwali tagħha. Hi kienet tħares lejn il-ħajja kollha bħala mixja ta’ tisfija sa ma titwaħħad b’mod sħiħ ma’ Kristu. Kristu huwa l-Ktieb li għandu jinkiteb, jitnaqqax ta’ kuljum fuq il-qalb u l-ħajja tagħha, b’mod partikulari l-passjoni salvifika tiegħu. Fl-opra Speculum, Margerita, hija u tirreferi għaliha nfisha fit-tielet persuna, tisħaq li bi grazzja tal-Mulej “kienet naqqxet f’qalbha l-ħajja qaddisa li Ġesù Kristu Alla għex fuq din l-art, l-eżempji tajba tiegħu u t-tagħlim tiegħu ta’ fejda. Hija tant kienet qiegħdet tajjeb lill-ħelu Ġesù Kristu fil-qalb tagħha li kien jidhrilha saħansitra li dan kien preżenti quddiemha u kien qed iżomm ktieb magħluq f’idu, biex minnu jgħallimha” (ibid., I, 2-3, p. 81). “F’dan il-ktieb hi sabet miktuba l-ħajja li Ġesù Kristu għex fuq l-art, minn twelidu tat-tlugħ tiegħu fis-Sema” (ibid., I, 12, p. 83).

 

Ta’ kuljum, sa minn filgħodu, Margerita kienet tħabrek biex tistudja dan il-ktieb. U, meta tkun qallbitu sewwa, kienet tibda taqra mill-ktieb tal-kuxjenza tagħha, li tikxef il-qerq u l-gideb ta’ ħajjitha (ara ibid., I, 6-7, p. 82); kitbet dwarha nfisha biex tgħin lill-oħrajn u biex issammar dejjem iżjed fil-fond ta’ qalbha l-grazzja tal-preżenza ta’ Alla, biex tħabrek, allura, li ta’ kuljum ħajjitha tkun immarkata mill-konfront mal-kliem u l-għemil ta’ Ġesù, mal-Ktieb ta’ ħajtu. U dan kollu biex il-ħajja ta’ Kristu timmarka lil ruħha fis-sod u bil-qawwa kollha, sakemm tista’ tilmaħ il-Ktieb minn ġewwa, jew aħjar sa ma tikkontempla l-misteru ta’ Alla Trinità (ara ibid., II, 14-22; III, 23-40, p. 84-90).

 

Permezz tal-kitbiet tagħha, Margerita toffrilna xaqq ċkejken li jdaħħalna fl-ispiritwalità tagħha, u tħallina nieħdu xi ħjiel tal-personalità tagħha u tad-doni li kellha għat-tmexxija. Hija mara kolta ħafna; imdorrija tikteb bil-Latin, il-lingwa tan-nies mgħallmin, imma tikteb ukoll bil-Franċiż Provenzal, u anki din hi ħaġa rari: għalhekk il-kitbiet tagħha huma l-ewwel, li nafu bihom, li nġabru f’din il-lingwa. Tgħix ħajja mimlija esperjenzi mistiċi, imfissrin b’sempliċità, u li għalhekk iħalluna nistħajlu l-misteru ineffabbli ta’ Alla, b’enfasi fuq kemm hu limitat il-moħħ meta jiġi biex jipprova jifhmu u kemm m’għandux ħila jesprimih l-ilsien tal-bniedem. Għandha personalità lineari, sempliċi, miftuħa, ta’ mħabba ħelwa, ta’ bilanċ kbir u dixxerniment qawwi, kapaċi tidħol fil-profonditajiet tal-ispirtu uman, tifhem il-limitazzjonijiet tiegħu, l-ambigwitajiet tiegħu, imma wkoll ix-xenqat, il-ġibdiet tar-ruħ lejn Alla. Turi attitudni li tispikka fil-qasam tat-tmexxija, fejn tgħaqqad flimkien il-ħajja spiritwali mistika profonda tagħha mas-servizz li ħutha s-sorijiet u lill-komunità. F’dan is-sens hi sinifikattiva din is-silta minn ittra miktuba lil missierha: “O missier ħelu tiegħi, xtaqt ngħidlek li ninsab tant imħabbta bil-ħtiġijiet tad-dar tagħna, li nsibha bi tqila nżomm l-ispirtu tiegħi medhi fi ħsibijiet tajba; fil-fatt tant għandi x’nagħmel li ma nafx fejn naqbad nagħti rasi. Fis-seba’ xahar tas-sena ma ġbarniex qamħ u d-dwieli tagħna sfaw meqruda mill-maltemp. Barra minn hekk, il-knisja tagħna tant qiegħda fi stat ħażin li jkollna nerġgħu nibnu parti minnha” (ibid., Ittri, III, 14, p. 127).

 

Monaka Ċertosina hekk tfissirha l-figura ta’ Margerita: “Permezz tal-opra tagħha turina l-personalità affaxxinanti tagħha, ta’ intelliġenza kbira, orjentata lejn it-tiftix tal-ħsieb u, fl-istess waqt, mogħnija bi grazzji mistiċi: f’kelma waħda, mara qaddisa u għarfa li taf tesprimi b’ċertu umoriżmu mħabba għalkollox spiritwali” (Una Monaca Certosina, Certosine, f’Dizionario degli Istituti di Perfezione, Roma 1975, kol. 777). Fid-dinamiżmu tal-ħajja mistika, Margerita tistma l-esperjenza tal-imħabbiet naturali, imsoffija mill-grazzja, bħala mezz ipprivileġġjat biex tifhem iżjed fil-fond u tikkollabora iktar fil-pront u b’ħerqa mal-azzjoni divina. Il-motiv qiegħed fil-fatt li l-persuna umana hi maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla, u għalhekk hi msejħa tibni flimkien ma’ Alla storja sabiħa ta’ mħabba, u tħallih idaħħalha kollha kemm hi fl-inizjattiva tiegħu.

 

Alla Trinità, Alla mħabba li jidher fi Kristu, isaħħarha, u Margerita tgħix relazzjoni ta’ mħabba profonda lejn il-Mulej u, b’kuntrast ma’ dan, tilmaħ madwarha l-ingratitudni umana sal-punt tat-tradiment, sal-paradoss tas-salib. Hi tistqarr li s-salib ta’ Kristu jixbah lill-mejda li fuqha l-omm teħles. It-tbatija ta’ Ġesù fuq is-salib hu mxebbaħ ma’ dak ta’ omm. Tikteb: “L-omm li ġarritni f’ġufha, biex tatni d-dawl batiet ħafna, għal jum jew għal lejl wieħed, imma int, o Mulej ħelu u sabiħ, għalija ġejt imġarrab mhux għal lejl jew jum wieħed biss, imma għal iżjed minn tletin sena […]; kemm tbatija ħarxa ġarrabt għal ħajtek kollha minħabba fija! U malli wasal il-waqt tal-ħlas, l-uġigħ tiegħek tant kien qawwi li l-għaraq imqaddes tiegħek sar bħal qtar tad-demm li ċarċar ma’ ġismek kollu sal-art” (ibid., Meditazzjoni I, 33, p. 59).

 

Hija u tfakkar fir-rakkonti tal-Passjoni ta’ Ġesù, Margerita tikkontempla dan l-uġigħ b’kompassjoni qawwija: “Int ġejt imqiegħed fuq is-sodda iebsa tas-salib, hekk li ma stajtx tiċċaqlaq jew iddur jew tħarrek riġlejk kif soltu jagħmel bniedem li qed ibati wġigħ kbir, għax ġejt stirat għalkollox u sammrulek l-imsiemer […] u […] ċarrtulek il-muskoli u l-vini kollha tiegħek. […] Imma dan l-uġigħ kollu […] kien għadu mhux biżżejjed għalik, tant li ridt li ġenbek jiġi minfud bil-lanza b’tant kefrija hekk li l-ġisem ħelu tiegħek ġie għalkollox imbiċċer u mċarrat; u d-demm prezzjuż tiegħek gelgel b’tant saħħa li fetaħ triq wiesgħa, bħallikieku kien nixxiegħa kbira”. Dwar Marija jistqarr: “Ma kienx hemm x’tistagħġeb li s-sejf li nifidlek ġismek nifed ukoll il-qalb tal-omm glorjuża tiegħek li tant weżnitek bi mħabba […] għax l-imħabba tiegħek kienet ogħla minn kull imħabba oħra” (ibid., Meditazzjoni II, 36-39.42, p. 60s).

 

Għeżież ħbieb, Margerita t’Oingt tistedinna nimmeditaw ta’ kuljum fuq il-ħajja ta’ tbatija u ta’ mħabba ta’ Ġesù u dik tal-Omm tiegħu Marija. Hawn tinsab it-tama tagħna, is-sens tal-ħajja tagħna. Mill-kontemplazzjoni tal-imħabba ta’ Kristu għalina jitwieldu l-qawwa u l-ferħ li nwieġbu b’daqstant ieħor imħabba, u nqiegħdu ħajjitna għall-qadi ta’ Alla u tal-oħrajn. Ma’ Margerita ngħidu aħna wkoll: “Mulej ħelu, dak kollu li int għamilt, għall-imħabba tiegħi u tal-bnedmin kollha, iqanqalni biex inħobbok, imma t-tifkira tal-passjoni mqaddsa tiegħek timla b’ħerqa liema bħalha lill-qawwa ta’ mħabbti għalik. Huwa għalhekk li jidhirli […] li jiena sibt dak li tant xtaqt: li ma nħobb xejn għajrek, jew jekk mhux fik jew għal imħabbtek” (ibid., Meditazzjoni II, 46, p. 62).

 

Mal-ewwel daqqa t’għajn, il-figura ta’ din iċ-Ċertosina Medjevali, kif ukoll ħajjitha, il-ħsieb tagħha, jidhru ħafna mbegħdin minna, minn ħajjitna, mill-mod ta’ kif naħsbu u naġixxu aħna. Imma jekk inħarsu lejn l-essenzjal ta’ din il-ħajja, naraw li tmiss lilna wkoll u għandha tkun essenzjali wkoll fil-ħajja tagħna.

 

Smajna kif Margerita qieset lill-Mulej bħal ktieb, sammret ħarsitha fuq il-Mulej, ratu bħal mera li fiha tidher ukoll il-kuxjenza tagħha. U minn din il-mera daħal id-dawl fir-ruħ tagħha: ħalliet tidħol il-kelma, il-ħajja ta’ Kristu fiha u hekk ġiet mibdula; il-kuxjenza ġiet imdawla, sabet kriterji, dawl, u ġiet imnaddfa. Dan hu li għandna bżonn aħna wkoll: li nħallu l-kliem, il-ħajja, id-dawl ta’ Kristu jidħlu fil-kuxjenza tagħna biex idawluha, u tifhem dak li hu veru u tajjeb u dak li hu ħażin; li l-kuxjenza tagħna tiġi mdawla u mnaddfa. Iż-żibel ma nsibuhx biss f’ħafna toroq tad-dinja. Hemm żibel ukoll fil-kuxjenza tagħna u fir-ruħ tagħna. Id-dawl tal-Mulej, il-qawwa tiegħu u l-imħabba tiegħu biss jistgħu jnaddfuna, isaffuna u jpoġġuna fit-triq it-tajba. Għalhekk ejjew nimxu wara l-imqaddsa Margerita f’din il-ħarsa lejn Ġesù. Naqraw mill-ktieb ta’ ħajjitha, inħalluh idawwalna u jnaddafna, biex nitgħallmu l-ħajja vera. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard