Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 3 ta’ Ottubru 2007

 

San Ċirillu ta’ Lixandra

 

Għeżież ħuti,

 

Illum ukoll, aħna u nkomplu bil-mixja tagħna fuq il-passi tal-Missirijiet tal-Knisja, niltaqgħu ma’ figura kbira: San Ċirillu ta’ Lixandra. Marbut mal-kontroversja Kristoloġika li wasslet għall-Konċilju ta’ Efesu fis-sena 431 u l-aħħar rappreżentant tat-tradizzjoni importanti Lixandrina, fil-Lvant Grieg Ċirillu iktar tard ġie msejjaħ “ħarries tal-eżattezza” – jiġifieri ħarries tal-fidi vera – u saħansitra “siġill tal-Missirijiet”. Dawn l-espressjonijiet qodma jesprimu tajjeb fatt li hu karatteristiku ta’ Ċirillu, jiġifieri r-riferiment kostanti tal-Isqof ta’ Lixandra għall-awturi ekkleżjastiċi ta’ qablu (fosthom, fuq kollox, Atanasju) bl-għan li juri l-kontinwità tat-teoloġija tiegħu mat-Tradizzjoni. Hu intenzjonalment u espliċitament jinserixxi ruħu fit-Tradizzjoni tal-Knisja, li fiha jagħraf il-garanzija tal-kontinwità mal-Appostli u ma’ Kristu nnifsu. Meqjum bħala Qaddis kemm fil-Lvant u kemm fil-Punent, fl-1882 San Ċirillu ġie pproklamat Duttur tal-Knisja mill-Papa Ljun XIII, li fl-istess waqt ta l-istess titlu anki lil esponent ieħor importanti tal-Patristika Griega, San Ċirillu ta’ Ġerusalemm. Hekk dehru l-attenzjoni u l-imħabba ta’ dak il-Papa għat-tradizzjonijiet Insara tal-Lvant, li mbagħad ried jipproklama Duttur tal-Knisja wkoll lil San Ġwann Damaxxenu, biex b’dan il-mod juri l-konvinzjoni tiegħu dwar l-importanza ta’ dawk it-tradizzjonijiet fl-espressjoni tad-duttrina tal-Knisja waħda ta’ Kristu.

 

It-tagħrif fuq il-ħajja ta’ Ċirillu qabel il-ħatra tiegħu fis-sede importanti ta’ Lixandra huwa ftit. Neputi ta’ Teofilu, li sa mit-385 bħala Isqof rieġa b’id soda u prestiġju kbir id-Djoċesi ta’ Lixandra, Ċirillu aktarx twieled fl-istess metropoli Eġizzjana bejn it-370 u t-380. Malajr ġie indirizzat lejn il-ħajja ekkleżjastika u rċieva edukazzjoni tajba, kemm kulturali u kemm teoloġika. Fl-403 kien Kostantinopli jsegwi liz-ziju setgħan tiegħu, u hawn ħa sehem fis-Sinodu magħruf bħala tal-Ballut, li neħħa lill-Isqof tal-belt, Ġwanni (iktar tard imsejjaħ il-Kriżostmu), u hekk immarka t-trijonf tas-sede ta’ Lixandra fuq dik, tradizzjonalment rivali, ta’ Kostantinopli, fejn kien jgħix l-imperatur. Mal-mewt ta’ zijuh Teofilu, Ċirillu, li kien għadu żagħżugħ, fl-412 ġie maħtur Isqof tal-Knisja influwenti ta’ Lixandra, li hu mexxa b’enerġija kbira għal 32 sena, dejjem bil-mira li jafferma l-primat tagħha fil-Lvant kollu, b’saħħitha wkoll fir-rabtiet tradizzjonali ma’ Ruma.

 

Xi snin wara, fl-417 jew fl-418, l-Isqof ta’ Lixandra wera kemm kien realista meta reġa’ sewwa l-firda tal-komunjoni ma’ Kostantinopli, li kienet ilha sejra issa mill-406 b’konsegwenza tat-tneħħija tal-Kriżostmu. Imma t-tilwim antik mas-sede ta’ Kostantinopli reġa’ tkebbes xi għaxar snin wara, meta fl-428 ġie elett hemm Nestorju, monaku awtorevoli u sever ta’ formazzjoni Antjokena. L-Isqof il-ġdid ta’ Kostantinopli, fil-fatt, malajr qanqal oppożizzjoni kontrih għax fil-predikazzjoni tiegħu kien jippreferi juża għal Marija t-titlu ta’ “Omm ta’ Kristu” (Christotókos), flok dak – diġà għażiż ħafna għall-qima popolari – ta’ “Omm Alla” (Theotókos). Ir-raġuni għal din l-għażla tal-Isqof Nestorju kienet il-Kristoloġija ta’ bixra Antjokena li hu kien iħaddan, li, biex tħares l-importanza tal-umanità ta’ Kristu, spiċċat biex stqarret il-firda tagħha mid-divinità. U hekk ma kinitx għadha vera l-għaqda bejn Alla u l-bniedem fi Kristu u, naturalment, ma stajtx titkellem iżjed fuq “Omm Alla”.

 

Ir-reazzjoni ta’ Ċirillu – li issa kien l-aqwa esponent tal-Kristoloġija Lixandrina, li minflok, riedet tagħfas bil-qawwa fuq l-għaqda tal-persuna ta’ Kristu – kienet kważi immedjata, u tħabat kemm felaħ, diġà sa mill-429, billi anki kiteb xi ittri lill-istess Nestorju. Fit-tieni waħda li kitiblu Ċirillu (PG 77, 44-49), fi Frar 430, naqraw stqarrija ċara tad-dmir tar-Ragħajja li jżommu sħiħa l-fidi tal-Poplu ta’ Alla. Dan kien il-kriterju tiegħu, li fl-aħħar mill-aħħar għadu validu sal-lum: il-fidi tal-Poplu ta’ Alla hija espressjoni tat-Tradizzjoni, hija garanzija tad-duttrina sana. Hekk jiktiblu lil Nestorju: “Jeħtieġ nuru lill-poplu t-tagħlim u l-interpretazzjoni tal-fidi bl-aktar mod korrett u niftakru li min jagħti skandlu lil imqar wieħed miċ-ċkejknin li jemmnu fi Kristu, iġarrab kastig qalil”.

 

Fl-istess ittra lil Nestorju – ittra li iktar tard, fl-451, ġiet approvata mill-Konċilju ta’ Kalċedonja, ir-raba’ wieħed ekumeniku – Ċirillu jiddeskrivi b’mod ċar il-fidi Kristoloġika tiegħu: “Hekk nistqarru li huma differenti minn xulxin in-naturi li ngħaqdu f’għaqda vera, imma mit-tnejn għandna Kristu u Iben wieħed, mhux għax minħabba l-għaqda tneħħiet id-differenza tan-naturi, imma pjuttost għax divinità u umanità, magħqudin f’għaqda li ma tistax titfisser jew titlissen, tawna Mulej u Kristu u Iben wieħed”. U dan hu importanti: tassew il-vera umanità u l-vera divinità jingħaqdu f’Persuna waħda, Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk, jissokta jgħidilna l-Isqof ta’ Lixandra, “aħna nistqarru Kristu u Mulej wieħed, mhux fis-sens li naduraw lill-bniedem flimkien mal-Logos, biex ma ninsinwawx l-idea ta’ firda meta ngħidu ‘flimkien’, imma fis-sens li naduraw wieħed u l-istess, għax mhuwiex barrani għal-Logos il-ġisem tiegħu, li bih ukoll jinsab fi ħdan Missieru, mhux bħallikieku għandu bilqiegħda maġenbu żewġ ulied, imma wieħed magħqud mal-istess ġisem tiegħu”.

 

U malajr l-Isqof ta’ Lixandra, grazzi għal alleanzi għaqlin li ħoloq, wassal biex Nestorju ġie kkundannat iktar minn darba: min-naħa tas-sede Rumana, jiġifieri b’serje ta’ tnax-il anatema minsuġa minnu stess u, fl-aħħar, mill-Konċilju li nżamm f’Efesu fl-431, it-tielet wieħed ekumeniku. Il-ġemgħa, li ltaqgħet qalb ġrajjiet alternati u mqallbin, għalqet bl-ewwel trijonf kbir tad-devozzjoni lejn Marija u bl-eżilju tal-Isqof ta’ Kostantinopli li ma riedx jagħraf lill-Verġni t-titlu ta’ “Omm Alla”, minħabba fi Kristoloġija żbaljata, li kienet timplika l-firda fi Kristu nnifsu. Imma wara li b’dan il-mod ipprevala fuq ir-rivali u d-duttrina tiegħu, Ċirillu mbagħad għaraf jasal, diġà fl-433, għal formula teoloġika ta’ rikonċiljazzjni mal-Antjokeni. U anki dan hu sinifikattiv: minn naħa hemm iċ-ċarezza tad-duttrina tal-fidi, imma mill-oħra anki t-tiftixa qawwija tal-għaqda u tar-rikonċiljazzjoni. Fis-snin li ġew wara huwa ddedika ruħu b’kull mod biex jiddefendi u jiċċara l-pożizzjoni teoloġika tiegħu sa mewtu, li seħħet fis-27 ta’ Ġunju 444.

 

Il-kitbiet ta’ Ċirillu – tassew bosta fil-għadd u mxerrdin fil-wisa’ anki f’diversi traduzzjonijiet Latini u Orjentali diġà tul ħajtu, b’xhieda tas-suċċess immedjat tagħhom – huma ta’ importanza ewlenija għall-istorja tal-Kristjaneżmu. Ta’ importanza huma l-kummentarji tiegħu għal bosta kotba tat-Testment il-Qadim u tat-Testment il-Ġdid, fosthom il-Pentatewku kollu, Iżaija, is-Salmi u l-Vanġeli ta’ Luqa u ta’ Ġwanni. Huma wkoll ta’ rilevanza l-bosta opri duttrinali, li fihom hi rikorrenti d-difiża tal-fidi Trinitarja kontra t-teżijiet Arjani u kontra dawk ta’ Nestorju. Bażi tat-tagħlim ta’ Ċirillu hija t-Tradizzjoni tal-Knisja, u b’mod partikulari, kif aċċennajt, il-kitbiet ta’ Atanasju, il-predeċessur kbir tiegħu fuq is-sede ta’ Lixandra. Fost il-kitbiet l-oħra ta’ Ċirillu fl-aħħar nett insemmu l-kotba Kontra Ġuljanu, l-aħħar tweġiba kbira għall-polemiċi anti-Kristjani, iddettati mill-Isqof ta’ Lixandra aktarx fl-aħħar snin ta’ ħajtu biex iwieġeb għall-opra Kontra l-Galilej minsuġa ħafna snin qabel, fit-363, mill-imperatur li ġie msejjaħ l-Apostata għax telaq il-Kristjaneżmu li fih kien ġie edukat.

 

Il-fidi Nisranija hija qabelxejn laqgħa ma’ Ġesù, “Persuna, li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċiżiva” (Enċiklika Deus caritas est, 1). Ta’ Ġesù Kristu, Verb ta’ Alla inkarnat, San Ċirillu ta’ Lixandra kien xhud sod u bla heda, u saħaq fuq kollox fuq l-għaqda, kif hu jtenni fis-sena 433 fl-ewwel ittra lill-Isqof Suċċensu: “Wieħed biss hu l-Iben, wieħed biss il-Mulej Ġesù Kristu, kemm qabel l-inkarnazzjoni u kemm wara. Fil-fatt, ma kienx Iben il-Logos imwieled minn Alla l-Missier, u ieħor dak imwieled mill-Verġni mqaddsa; imma aħna nemmnu li proprju Dak li hu qabel kull żmien twieled anki skont il-ġisem minn mara”. Din l-istqarrija, lil hemm mit-tifsira duttrinali tagħha, turi li l-fidi f’Ġesù Logos imwieled mill-Missier għandha wkoll għeruqha sħaħ fl-istorja għax, kif jistqarr San Ċirillu, dak l-istess Ġesù daħal fiż-żmien bit-twelid tiegħu minn Marija, it-Theotókos, u, skont il-wegħda, se jibqa’ dejjem magħna. U dan hu importanti: Alla hu etern, twieled minn mara u jibqa’ magħna ta’ kuljum. F’din il-fiduċja aħna ngħixu, f’din il-fiduċja nsibu t-triq ta’ ħajjitna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard