Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 3 ta’ Ġunju 2009

 

Rabanu Mawru

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq nitkellem fuq persunaġġ tal-Punent Latin li hu tassew straordinarju: il-monaku Rabanu Mawru. Flimkien ma’ rġiel bħal Isidoru ta’ Seville, Beda l-Venerabbli, u Ambroġ Autpert, li dwarhom diġà tkellimt f’katekeżijiet qabel, matul is-sekli tal-hekk imsejjaħ Medjuevu Għoli hu għaraf iżomm il-kuntatt mal-kultura kbira tal-għorrief tal-qedem u tal-Missirijiet Insara. Spiss imfakkar bħala “præceptor Germaniæ”, Rabanu Mawru ħalla frott tal-għaġeb. Bil-ħila tiegħu ta’ ħidma assolutament eċċezzjonali forsi kkontribwixxa iżjed minn kulħadd biex iżomm ħajja dik il-kultura teoloġika, eseġetika u spiritwali li minnha xorbu s-sekli ta’ warajh. Lejh jerġgħu lura kemm persunaġġi kbar tad-dinja tal-monaċi bħal Pietru Damiani, Pietru l-Venerabbli u Bernard ta’ Clairvaux, kif ukoll għadd dejjem iżjed konsistenti ta’ “clerici” tal-kleru sekulari, li matul is-sekli 12 u 13 taw il-ħajja lil twarrid tal-ħsieb uman mill-isbaħ u l-aktar għammiel.

 

Imwieled Mainz lejn is-sena 780, Rabanu kien għadu żagħżugħ ħafna meta daħal fil-monasteru: żidulu l-isem ta’ Mawru proprju b’riferiment għaż-żagħżugħ Mawru li, skont it-II Ktieb tad-Djalogi ta’ San Girgor il-Kbir, meta kien għadu żgħir ħafna kien ġie fdat mill-istess ġenituri tiegħu, nobbli Rumani, lill-Abbati Benedittu ta’ Norcia. Dan id-dħul bikri ta’ Rabanu bħala “puer oblatus” fid-dinja monastika Benedittina, u l-frott li kiseb minnu biex kiber umanament, kulturalment u spiritwalment, waħidhom jiftħulna xaqq interessantissmu mhux biss fuq il-ħajja tal-monaċi u tal-Knisja, imma wkoll fuq is-soċjetà kollha ta’ żmienu, li normalment insejħula “Karolinġjana”. Dwarha, jew forsi dwaru nnifsu, Rabanu Mawru jikteb: “Hemm xi wħud li kellhom ix-xorti li jidħlu fl-għarfien tal-Iskrittura sa minn ċkunithom (a cunabulis suis”) u tant ġew mitmugħa tajjeb bl-ikel li offritilhom il-Knisja mqaddsa li setgħu jgħaddu, bl-edukazzjoni xierqa, għall-ogħla ordnijiet sagri” (PL 107, kol. 419BC).

 

Il-kultura stroardinarja, li għaliha kien magħruf Rabanu Mawru, malajr ġibdet l-attenzjoni tal-kbarat ta’ żmienu. Sar kunsillier tal-Prinċpijiet. Ħabrek biex jiggarantixxi l-għaqda tal-Imperu u, fuq livell kulturali usa’, qatt ma baqa’ lura milli joffri lil min kien jistaqsih tweġiba maħsuba, li preferibbilment kien jislet mill-Bibbja jew mit-testi tas-Santi Padri. Elett l-ewwel Abbati tal-Monasteru famuż ta’ Fulda u mbagħad Arċisqof ta’ belt twelidu, Mainz, xorta ma waqafx mill-istudji tiegħu, u bl-eżempju ta’ ħajtu wera li tista’ tkun fl-istess waqt għad-dispożizzjoni tal-oħrajn, mingħajr ma tiċċaħħad minħabba f’hekk minn ħin xieraq għar-riflessjoni, l-istudju u l-meditazzjoni. Hekk Rabanu Mawru kien eseġeta, filosfu, poeta, ragħaj u bniedem ta’ Alla. Id-Djoċesijiet ta’ Fulda, Mainz, Limburg u Breslau (Wrocław) iqimuh bħala qaddis jew beatu. L-opri tiegħu jimlew sitt volumi sħaħ tal-Patroloġija Latina ta’ Migne. Aktarx lilu nafuh wieħed mill-isbaħ u l-aktar innijiet magħrufa tal-Knisja Latina, il-Veni Creator Spiritus, sintesi straordinarja tal-Pnewmatoloġija Nisranija. L-ewwel impenn teoloġiku ta’ Rabanu fil-fatt kien fl-għamla ta’ poeżija u kellu bħala oġġett tiegħu l-misteru tas-Salib Imqaddes f’opra msemmija De laudibus Sanctæ Crucis”, maħsuba biex tipproponi mhux biss kontenuti kunċettwali imma wkoll stimoli iżjed ta’ ġmiel artistiku, fejn hu jħaddem kemm il-forma poetika u kemm il-forma pittorika fl-istess kodiċi manuskritt. Ngħidu aħna, waqt li jipproponi ikonografikament fost il-linji tal-kitba tiegħu x-xbieha ta’ Kristu msallab, hu jikteb: “Araw ix-xbieha tas-Salvatur li, bil-qagħda ta’ riġlejh, iqaddes għalina l-għamla mill-aktar ħelwa u maħbuba tas-Salib li minnha naqilgħu s-saħħa, biex aħna li nemmnu f’ismu u nobdu l-kmandamenti tiegħu, nistgħu niksbu l-ħajja ta’ dejjem grazzi għall-Passjoni tiegħu. Għalhekk, kull darba li nerfgħu ħarsitna lejn is-Salib, niftakru f’Dak li bata għalina biex jaqlagħna minn taħt is-setgħa tad-dlamijiet, u ħa fuqu l-mewt biex jagħmilna werrieta tal-ħajja ta’ dejjem” (Lib. 1, Fig. 1, PL 107 kol. 151 C).

 

Dan il-metodu li jikkumbina flimkien l-arti kollha, l-intellett, il-qalb u s-sensi, li kien ġej mil-Lvant, żviluppa bil-kbir fil-Punent u mess qċaċet li qatt ma kienu dehru bħalhom qabel fil-kodiċi minjaturi tal-Bibbja u f’opri oħra ta’ fidi u ta’ arti, li warrdu fl-Ewropa sa ma seħħet l-invenzjoni tal-istampi u anki lil hemm minn hekk. F’kull każ dan jikxef f’Rabanu Mawru għarfien straordinarju tal-ħtieġa li, fl-esperjenza tal-fidi, idaħħal mhux biss il-moħħ u l-qalb, imma anki s-sensi permezz tal-aspetti l-oħra tal-gost estetiku u tas-sensibbiltà umana li jwasslu lill-bniedem biex igawdi mill-verità b’dak kollu li hu, “spirtu, ruħ u ġisem”. Dan hu importanti: il-fidi mhijiex biss ħsieb, imma tmiss dak kollu li aħna. Ladarba Alla sar bniedem tad-demm u l-laħam, daħal fid-dinja tas-sensi, aħna fid-dimensjonijiet kollha ta’ dak li aħna jeħtieġ infittxu u niltaqgħu ma’ Alla. Hekk ir-realtà ta’ Alla, permezz tal-fidi, tinfed f’dak li aħna u tibdilna. Għalhekk Rabanu Mawru kkonċentra l-attenzjoni tiegħu fuq kollox fuq il-Liturġija, bħala sintesi tad-dimensjonijiet kollha tal-perċezzjoni tagħna tar-realtà. Din l-intuwizzjoni ta’ Rabanu Mawru tagħmlu straordinarjament attwali. Tiegħu baqgħu famużi wkoll il-“Carmina”, proposti biex jintużaw fuq kollox fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Fil-fatt, ladarba Rabanu kien qabelxejn monaku, l-interess tiegħu fiċ-ċelebrazzjoni liturġika kien ħaġa ovvja. Imma hu ma ddedikax ruħu għall-arti poetika bħala fini fiha nfisha, imma poġġa l-arti u kull xorta oħra ta’ għarfien għas-servizz tal-approfondiment tal-Kelma ta’ Alla. Għalhekk, bi tħabrik u reqqa kbira, fittex li jintroduċi lin-nies ta’ żmienu, imma fuq kollox il-ministri (isqfijiet, presbiteri u djakni), għall-għarfien tat-tifsira profondament teoloġika u spiritwali tal-elementi kollha taċ-ċelebrazzjoni liturġika.

 

U hekk ipprova jifhem u jipproponi lill-oħrajn it-tifsiriet teoloġiċi moħbija fir-riti, dejjem billi jibni fuq il-Bibbja u t-tradizzjoni tal-Padri. Ma kienx joqgħod lura milli jistqarr, b’onestà u anki biex jagħti piż ikbar lit-tifsir tiegħu, l-għejun Patristiċi li minnhom kien kiseb l-għarfien tiegħu. Imma kien jinqeda bihom b’libertà u dixxerniment attent, huwa u jissokta fl-iżvilupp tal-ħsieb Patristiku. Fi tmiem l-“Epistola prima” indirizzata lil “chorepiscopus” tad-Djoċesi ta’ Mainz, ngħidu aħna, wara li wieġbu għall-mistoqsijiet li għamillu biex jiċċara x’għandha tkun l-imġiba fit-taħriġ tar-responsabbiltà pastorali, ikompli: “Ktibnielek dan kollu hekk kif fhimnieh mill-Iskrittura Mqaddsa u mill-kanoni tal-Padri. Imma int, raġel l-aktar qaddis, iddeċiedi kif jidhirlek l-aħjar għalik, każ b’każ, u fittex li ssaħħaħ il-ġudizzju tiegħek b’mod li f’kollox tiggarantixxi l-prudenza, għax din hija l-omm tal-virtujiet kollha” (Epistulæ, I, PL 112, kol. 1510 C). Hekk naraw il-kontinwità tal-fidi Nisranija, li għandha l-bidu tagħha fil-Kelma ta’ Alla; imma hi dejjem ħajja, tiżviluppa u tesprimi ruħha b’modi ġodda, dejjem f’koerenza mal-binja kollha tal-fidi.

 

Ladarba parti integrali miċ-ċelebrazzjoni liturġika hija l-Kelma ta’ Alla, għal din tal-aħħar Rabanu Mawru jiddedika ruħu b’impenn kbir tul ħajtu kollha. Ta spjegazzjonijiet eseġetiċi xierqa kważi dwar il-kotba bibliċi kollha tat-Testment il-Qadim u l-Ġdid b’fehma pastorali ċara, li ġġustifika bi kliem bħal dan: “Ktibt dawn il-ħwejjeġ… u ġbart fihom spjegazzjonijiet u proposti ta’ ħafna oħrajn biex noffri servizz lill-qarrej fqir li ma jistax ikollu f’idejh ħafna kotba, imma anki biex nagħmilha eħfef għal dawk li f’ħafna każi ma jirnexxilhomx jidħlu fil-fond tal-għarfien li kixfu l-Padri” (Commentariorum in Matthæum præfatioPL 107, kol. 727D). Fil-fatt, huwa u jikkummenta t-testi bibliċi, hu kien jieħu għalkollox mill-Padri tal-qedem, bi preferenza speċjali għal Ġirolmu, Ambroġ, Wistin u Girgor il-Kbir.

 

Is-sensibbiltà pastorali qawwija mbagħad wasslitu biex jittratta fuq kollox waħda mill-akbar problemi tal-fidili u tal-ministri sagri ta’ żmienu: dik tal-Penitenza. Fil-fatt ġabar il-“Penitenziari” – hekk kien isejħilhom – li fihom, skont is-sensibbiltà ta’ żmienu, kienu jiġu mniżżla d-dnubiet u l-pwieni li jikkorrispondu għalihom, fejn kien jinqeda sa fejn possibbli b’motivazzjonijiet li jieħu mill-Bibbja, mid-deċiżjonijiet tal-Konċilji u mid-Digrieti tal-Papiet. B’dawn it-testi kienu jinqdew ukoll il-“Karolinġi” fit-tentattiv tagħhom għal riforma tal-Knisja u tas-soċjetà. Għall-istess fehma pastorali jwieġbu opri bħal “De disciplina ecclesiastica” u “De institutione clericorum” fejn, huwa u jieħu fuq kollox minn Wistin, Rabanu jfisser lin-nies sempliċi u lill-kleru tad-djoċesi tiegħu l-elementi fundamentali tal-fidi Nisranija: kienu bħal speċi ta’ katekiżmi ċkejknin.

 

Nixtieq nagħlaq il-preżentazzjoni ta’ dan il-“bniedem tal-Knisja” kbir billi nikkwota xi kliem tiegħu li fih tidher ċara l-konvinzjoni fil-fond ta’ qalbu: “Min hu ttraskurat fil-kontemplazzjoni (“qui vacare Deo negligit”), qed iċaħħad lilu nnifsu mid-dehra tad-dawl ta’ Alla; min imbagħad iħalli l-preokkupazzjonijiet ikaxkruh bla rażan u jħalli l-ħsibijiet tiegħu jitħawdu mill-ġenn tal-ħwejjeġ tad-dinja, ikun jikkundanna lilu nnifsu għall-impossibbiltà assoluta li jinfed fis-sigrieti ta’ Alla li ma jidhirx” (Lib. I, PL 112, kol. 1263A). Naħseb li Rabanu Mawru qed jgħid dawn il-kelmiet anki lilna llum: fil-ħinijiet tax-xogħol, bir-ritmi frenetiċi tiegħu, u fil-ħinijiet tal-vaganzi, jeħtieġ insibu mumenti għal Alla. Niftħu ħajjitna għalih u naħsbu fih, b’riflessjoni, talba qasira, u fuq kollox ma rridux ninsew il-Ħadd bħala jum il-Mulej, jum il-liturġija, biex fil-ġmiel tal-knejjes tagħna, tal-mużika sagra u tal-Kelma ta’ Alla nilmħu l-istess ġmiel ta’ Alla, u nħalluh jidħol fina. Hekk biss ħajjitna tikber, u ssir ħajja vera.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard