Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 3 ta’ Marzu 2010

 

San Bonaventura

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq nitkellem fuq San Bonaventura ta’ Bagnoregio. Nistqarr magħkom li, jiena u nipproponilkom dan, qed inħoss ċerta nostalġija, għax niftakar fit-tiftix li, bħala studjuż żagħżugħ, jien għamilt proprju fuq dan l-awtur, partikularment għażiż għalija. L-għarfien tiegħu ħalla effett mhux żgħir fuq il-formazzjoni tiegħi. B’ferħ kbir xi xhur ilu mort f’pellegrinaġġ fejn twieled, Bagnoregio, belt Taljana, fil-Lazio, li tgħożż b’qima t-tifkira tiegħu.

 

Twieled aktarx fl-1217 u miet fl-1274. Għex fis-seklu 13, epoka li fiha l-fidi Nisranija kienet daħlet b’mod qawwi fil-kultura u fis-soċjetà tal-Ewropa, u nebbħet opri ċelebri fil-qasam tal-letteratura, tal-arti viżiva, tal-filosofija u tat-teoloġija. Fost il-figuri kbar Insara li taw sehemhom għan-nisġa ta’ din l-armonija bejn fidi u kultura jispikka appuntu Bonaventura, bniedem ta’ azzjoni u ta’ kontemplazzjoni, ta’ devozzjoni profonda u ta’ prudenza fit-tmexxija.

 

Kien jismu Ġwanni ta’ Fidanza. Episodju li seħħ meta kien għadu żgħir immarka profondament lil ħajtu, kif jirrakkonta huwa stess. Kien intlaqat minn marda serja u lanqas missieru, li kien tabib, ma kellu tama li seta’ jsalvah mill-mewt. Ommu, dak iż-żmien, irrikkorriet għall-interċessjoni ta’ San Franġisk ta’ Assisi, li kien għadu kemm ġie kkanonizzat. U Ġwanni fieq.

 

Il-figura tal-Fqajjar ta’ Assisi sar iktar familjari magħha xi snin wara, meta kien Pariġi, fejn mar għall-istudji tiegħu. Kien kiseb id-diploma ta’ Mgħallem tal-Arti, li nistgħu nqabbluha ma’ dik ta’ Liċew prestiġjuż ta’ żmienna. Hemmhekk, bħal ħafna żgħażagħ tal-passat u anki tal-lum, Ġwanni għamel mistoqsija kruċjali lilu nnifsu: “Xi rrid nagħmel b’ħajti?”. Imsaħħar mix-xhieda ta’ ħeġġa u radikalità evanġelika tal-Aħwa Minuri, li kienu waslu Pariġi fl-1219, Ġwanni mar ħabbat fuq il-bieb tal-Kunvent Franġiskan ta’ dik il-belt, u talab li jiġi milqugħ fil-familja kbira tad-dixxipli ta’ San Franġisk. Ħafna snin wara, hu spjega x’kienu r-raġunijiet tal-għażla tiegħu: f’San Franġisk u fil-moviment li beda huwa għaraf il-ħidma ta’ Kristu. Kiteb hekk f’ittra indirizzata lil patri ieħor: “Nistqarr quddiem Alla li r-raġuni li ġagħlitni nħobb iżjed il-ħajja tal-imqaddes Franġisku hi li din tixbah lill-ewwel snin u t-trobbija tal-Knisja. Il-Knisja bdiet b’sajjieda sempliċi, u kompliet stagħniet b’għalliema illustri u għorrief ħafna; ir-reliġjon tal-imqaddes Franġisku ma ġietx imwaqqfa mill-prudenza tal-bnedmin, imma minn Kristu” (Epistula de tribus quæstionibus ad magistrum innominatum, f’Opere di San Bonaventura. Introduzione generale, Roma 1990, p. 29).

 

Għalhekk, lejn is-sena 1243 Ġwanni libes iċ-ċoqqa Franġiskana u ħa l-isem ta’ Bonaventura. Minnufih ġie indirizzat għall-istudji, u ffrekwenta l-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Pariġi, fejn segwa ġabra ta’ korsijiet impenjattivi ħafna. Kiseb id-diversi titli mitluba mill-karriera akkademika, dawk ta’ “baċċellier bibliku” u ta’ “baċċellier sentenzjarju”. Hekk Bonaventura studja fil-fond l-Iskrittura Mqaddsa, is-Sentenzi ta’ Pietru Lombardu, il-manwal tat-teoloġija ta’ dak iż-żmien, u l-iktar awturi importanti tat-teoloġija u, f’kuntatt mal-imgħallmin u l-istudenti mill-Ewropa kollha li bihom kienet mimlija Pariġi, immatura fih riflessjoni personali tiegħu u sensibbiltà spiritwali ta’ valur kbir li, mal-medda tas-snin ta’ wara, għaraf iwassal permezz tal-opri tiegħu u tal-prietki tiegħu, biex hekk sar wieħed mit-teologi l-aktar importanti tal-istorja tal-Knisja. Ta’ min ifakkar it-titlu tat-teżi li hu ddefenda biex seta’ jibda jgħallem it-teoloġija, il-licentia ubique docendi, kif kienu jgħidu dakinhar. Id-dissertazzjoni tiegħu kellha bħala titlu Mistoqsijiet fuq l-għarfien ta’ Kristu. Dan l-argument juri r-rwol ċentrali li minn dejjem kellu Kristu fil-ħajja u t-tagħlim ta’ Bonaventura. Bla dubju ta’ xejn nistgħu ngħidu li l-ħsieb kollu tiegħu kien profondament Kristoċentriku.

 

F’dawk is-snin f’Pariġi, il-belt ta’ adozzjoni ta’ Bonaventura, kien hemm taqbad polemika vjolenti kontra l-Aħwa Minuri ta’ San Franġisk ta’ Assisi u l-Aħwa Predikaturi ta’ San Duminku ta’ Guzman. Kienu qed jikkontestaw il-jedd tagħhom li jgħallmu fl-Università, u jpoġġu fid-dubju saħansitra l-awtentiċità tal-ħajja kkonsagrata tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, il-bidliet li daħħlu l-Ordnijiet Mendikanti fil-mod kif wieħed jifhem il-ħajja reliġjuża, li dwarha tkellimt fil-katekeżijiet ta’ qabel, tant kienu innovattivi li mhux kulħadd wasal biex jifhimhom. Ma’ dawn imbagħad trid iżżid, kif xi drabi jiġri wkoll bejn persuni ġenwinament reliġjużi, raġunijiet ta’ dgħufija umana, bħall-għira. Bonaventura, imqar jekk imdawwar mill-oppożizzjoni tal-għalliema l-oħra fl-università, kien diġà beda jgħallem fil-katedra tat-teoloġija tal-Franġiskani u, biex iwieġeb lil min kien qed jikkontesta lill-Ordnijiet Mendikanti, niseġ kitba intitolata Il-perfezzjoni evanġelika. F’din il-kitba juri kif l-Ordnijiet Mendikanti, speċjalment l-Aħwa Minuri, bil-prattika tagħhom tal-voti tal-faqar, tal-kastità u tal-ubbidjenza, kienu qed isegwu l-kunsilli tal-Vanġelu nnifsu. Lil hemm minn dawn iċ-ċirkustanzi storiċi, it-tagħlim li tana Bonaventura f’din l-opra tiegħu u fil-ħajja tiegħu jibqa’ dejjem attwali: il-Knisja tidher iktar imdawla u sabiħa mill-fedeltà għall-vokazzjoni ta’ dawk uliedha li mhux biss iqiegħdu fil-prattika l-preċetti evanġeliċi imma, għall-grazzja ta’ Alla, huma msejħa josservaw il-kunsilli tiegħu u hekk jagħtu xhieda, bl-istil tal-ħajja fqajra, kasta u ubbidjenti tagħhom, li l-Vanġelu huwa għajn ta’ ferħ u ta’ perfezzjoni.

 

It-tilwim ġie msikket, tal-inqas għal xi żmien, u, bl-intervent personali tal-Papa Alessandru IV, fl-1257, Bonaventura ġie rikonoxxut uffiċjalment bħala duttur u mgħallem tal-Università ta’ Pariġi. Madankollu kellu jirrifjuta dan l-inkarigu prestiġjuż, għax f’dik l-istess sena l-Kapitlu ġenerali tal-Ordni eleġġieh Ministru ġenerali.

 

Wettaq din il-kariga għal 17-il sena b’għerf u dedikazzjoni, żar il-provinċji, kiteb lill-patrijiet, u xi drabi kien jintervieni b’ċerta severità biex ixejjen l-abbużi. Meta Bonaventura beda dan is-servizz, l-Ordni tal-Aħwa Minuri kien kiber b’mod tal-għaġeb: kienu fuq 30,000 il-Patrijiet imxerrda mad-dija kollha tal-Punent bi preżenzi missjunarji fl-Afrika ta’ Fuq, fil-Lvant Nofsani, u anki f’Beijing. Kien hemm bżonn isaħħaħ dan it-tkabbir u fuq kollox, b’fedeltà sħiħa lejn il-kariżma ta’ Franġisku, jagħtihom għaqda fl-azzjoni u fl-ispirtu. Fil-fatt, fost id-dixxipli tal-qaddis ta’ Assisi kont issib diversi modi ta’ interpretazzjoni tal-messaġġ tiegħu u tabilħaqq kien hemm ir-riskju ta’ qsim intern. Biex jevita dan il-periklu, il-Kapitlu ġenerali tal-Ordni f’Narbonne, fl-1260, aċċetta u rratifika test li ppropona Bonaventura, li fih ġabar u għaqqad flimkien in-normi li jirregolaw il-ħajja ta’ kuljum tal-Aħwa Minuri. Madankollu, Bonaventura seta’ jifhem li d-dispożizzjonijiet leġislattivi, kienu kemm kienu mnebbħa minn għerf u moderazzjoni, ma kinux biżżejjed biex jiżguraw il-komunjoni tal-ispirtu u tal-qlub. Kien meħtieġ li jaqsmu l-istess ideali u l-istess motivazzjonijiet. Għal dan il-għan, Bonaventura ried jippreżenta l-kariżma awtentika ta’ Franġisku, il-ħajja tiegħu u t-tagħlim tiegħu. Għalhekk hu ġabar b’żelu kbir dokumenti dwar il-Fqajjar u sema’ b’attenzjoni t-tifkiriet ta’ dawk li kienu jafu direttament lil Franġisku. Minn hawn twieldet bijografija, b’bażi storika tajba, tal-qaddis ta’ Assisi, intitolata Legenda Maior, miġbura wkoll f’għamla iżjed konċiża, u għalhekk imsejħa Legenda minor. Il-kelma Latina, b’differenza minn dik Taljana, ma tindikax frott ta’ fantasija, imma, bil-maqlub, “Legenda” tfisser test awtorevoli, “biex jinqara” uffiċjalment. Fil-fatt, il-Kapitlu ġenerali tal-Awħa Minuri tal-1263, li ltaqa’ f’Pisa, għaraf fil-bijografija ta’ San Bonaventura r-ritratt l-iżjed fidil tal-Fundatur u din għalhekk saret il-bijografija uffiċjali tal-Qaddis.

 

Liema xhieda ta’ San Franġisk toħroġ mill-qalb u mill-pinna tal-iben u suċċessur devot tiegħu, San Bonaventura? Il-punt essenzjali: Franġisku hu alter Christus, raġel li fittex b’passjoni kbira lil Kristu. Fl-imħabba li wasslitu biex jixbhu, hu twaħħad għalkollox miegħu. Bonaventura wera dan l-ideal ħaj lid-dixxipli kollha ta’ Franġisku. Dan l-ideal, validu għal kull Nisrani, ilbieraħ, illum, dejjem, ġie indikat bħala programm ukoll għall-Knisja tat-Tielet Millennju mill-Predeċessur tiegħi, il-Venerabbli Ġwanni Pawlu II. Dan il-programm, kiteb hu fl-Ittra Novo Millennio ineunte, għandu ċ-ċentru tiegħu “fi Kristu, li jeħtieġ nagħrfu, inħobbu u nimitaw biex fih inkunu nistgħu jkollna l-ħajja tat-Trinità u bih inbiddlu l-istorja sakemm din issib il-milja tagħha f’Ġerusalemm tas-Sema” (n. 29).

 

Fl-1273 seħħet bidla oħra fil-ħajja ta’ San Bonaventura. Il-Papa Girgor X ried jikkonsagrah Isqof u jaħtru Kardinal. Talbu anki jieħu ħsieb it-tħejjija għal ġrajja importantissma fil-Knisja: it-II Konċilju Ekumeniku ta’ Lyons, li kellu bħala għan tiegħu li jerġa’ jġib il-komunjoni bejn il-Knisja Latina u dik Griega. Hu ddedika ruħu għal din il-ħidma b’diliġenza, imma ma seħħlux jara l-għeluq ta’ dik il-ġemgħa ekumenika, għax miet hi u għaddejja. Wieħed nutar pontifiċju anonimu niseġ eloġju lil Bonaventura, li joffrilna ritratt konklużiv ta’ dan il-qaddis kbir u teologu eċċellenti: “Bniedem tajjeb, affabbli, devot u ħanin, mimli bil-virtù, maħbub minn Alla u mill-bnedmin… Fil-fatt Alla kien żejnu b’tant grazzja, li dawk kollha li jarawh kienu jħossu fihom imħabba li qalbhom ma setgħetx taħbi” (ara J.G. Bougerol, Bonaventura, f’A. Vauchez (a cura), Storia dei santi e della santità cristiana. Vol. VI. L’epoca del rinnovamento evangelico, Milano 1991, p. 91).

 

Niġbru l-wirt li ħallielna dan id-Duttur qaddis tal-Knisja, li jfakkarna x’inhi t-tifsira tal-ħajja tagħna, b’dawn il-kelmiet: “Fuq l-art… nistgħu nikkontemplaw l-immensità divina permezz tar-raġunament u l-ammirazzjoni; fis-Sema pajjiżna, imma, permezz tal-viżjoni, meta nsiru bħal Alla, u permezz tal-estasi… nidħlu fit-tgawdija ta’ Alla” (L-għarfien ta’ Kristuq. 6, konklużjoni, f’Opere di San Bonaventura. Opuscoli Teologici /1, Roma 1993, p. 187).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard