Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja tal-qedem.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 2 ta’ Diċembru 2009

 

Guliermu ta’ Saint-Thierry

 

Għeżież ħuti,

 

F’katekeżi ta’ qabel ippreżentajt il-figura ta’ Bernard ta’ Clairvaux, id-“Duttur tal-ħlewwa”, protagonista kbir tas-seklu 12. Il-bijografu tiegħu – ħabib u ammiratur – kien Guliermu ta’ Saint-Thierry, li fuqu se nieqaf fir-riflessjoni ta’ dalgħodu.

 

Guliermu twieled fi Liège bejn l-1075 u l-1080. Minn familja nobbli, mogħni b’intelliġenza kbira u bi mħabba naturali għall-istudju, iffrekwenta skejjel famużi ta’ dak iż-żmien, bħal dik ta’ belt twelidu u ta’ Reims, fi Franza. Daħal f’kuntatt personali anki ma’ Abelardu, l-imgħallem li applika l-filosofija għat-teoloġija b’mod hekk oriġinali li qanqal ħafna perplessità u oppożizzjonijiet. Anki Guliermu esprima r-riservi tiegħu, u ħeġġeġ lil ħabibu Bernardu biex jieħu pożizzjoni fil-konfront ta’ Abelardu. Bi tweġiba għal dik is-sejħa misterjuża u irreżistibbli ta’ Alla, li hi l-vokazzjoni għall-ħajja kkonsagrata, Guliermu daħal fil-Monasteru Benedittin ta’ Saint-Nicaise ta’ Reims fl-1113, u xi snin wara sar Abbati tal-Monasteru ta’ Saint-Thierry, fid-Djoċesi ta’ Reims. F’dak iż-żmien kien jinħass ma’ kullimkien bżonn kbir ta’ purifikazzjoni u tiġdid tal-ħajja monastika, biex issir awtentikament evanġelika. Guliermu ħadem f’din id-direzzjoni fi ħdan il-monasteru tiegħu, u b’mod ġenerali fl-Ordni Benedittin. Madankollu hu ltaqa’ ma’ bosta reżistenzi quddiem it-tentattivi tiegħu għar-riforma, u hekk, minkejja l-parir kuntrarju ta’ ħabibu Bernard, fl-1135, ħalla l-abbazija Benedittina, neża’ t-tonka sewda u libes dik bajda, biex ingħaqad maċ-Ċisterċensi ta’ Signy. Minn dak il-mument sa mewtu, li seħħet fl-1148, ta ruħu għall-kontemplazzjoni fit-talb tal-misteri ta’ Alla, sa minn dejjem oġġett tax-xewqat l-aktar profondi tiegħu, u għall-kompożizzjoni ta’ kitbiet ta’ letteratura spiritwali, importanti fl-istorja tat-teoloġija monastika.

 

Waħda mill-ewwel opri tiegħu hi intitolata De natura et dignitate amoris (In-natura u d-dinjità tal-imħabba). Fiha hemm espressa waħda mill-ideat fundamentali ta’ Guliermu, valida għalina wkoll. L-enerġija prinċipali li ċċaqlaq lir-ruħ tal-bniedem – jgħid hu – hi l-imħabba. In-natura umana, fl-aktar essenza profonda tagħha, hi li wieħed iħobb. Bla dubju, hemm ħidma waħda li kull bniedem hu fdat biha: li jitgħallem iħobb, b’mod sinċier, awtentiku, b’xejn. Imma fl-iskola ta’ Alla biss din il-ħidma tista’ sseħħ u hekk il-bniedem jista’ jilħaq l-għan li għalih ġie maħluq. Fil-fatt Guliermu jikteb: “L-arti tal-arti kollha hija l-arti tal-imħabba… L-imħabba tiġi mqanqla mill-Ħallieq tan-natura. L-imħabba hi qawwa tar-ruħ, li bħal piż naturali tmexxiha lejn il-post u l-għan tagħha” (In-natura u d-dinjità tal-imħabba 1, PL 184,379). Li nitgħallmu nħobbu jitlob minna mixja twila u impenjattiva, li Guliermu jqassamha f’erba’ tappi, li jikkorrispondu għall-età tal-bniedem: it-tfulija, iż-żgħożija, il-maturità u x-xjuħija. F’din il-mixja l-persuna trid tidħol f’axxeżi effikaċi, kontroll qawwi tagħha nfisha biex telimina kull ġibda diżordinata, kull ċediment għall-egoiżmu, u tiġbor ħajjitha f’Alla, għajn, destinazzjoni u qawwa tal-imħabba, sa ma tasal fil-quċċata tal-ħajja spiritwali, li Guliermu jsejħilha “għerf”. Bħala għeluq ta’ din il-mixja axxetika, wieħed iħoss serenità u ħlewwa kbira. Il-fakultajiet kollha tal-bniedem – intelliġenza, rieda, imħabbiet – jistrieħu f’Alla, magħruf u maħbub fi Kristu.

 

Anki f’opri oħra, Guliermu jitkellem fuq din is-sejħa radikali għall-imħabba ta’ Alla, li hija s-sigriet ta’ ħajja li rnexxiet u hienja, u li hu jfissirha bħala xewqa bla heda u dejjem tikber, imnebbħa minn Alla nnifsu fil-qalb tal-bniedem. F’meditazzjoni huwa jgħid li l-oġġett ta’ din l-imħabba hu l-Imħabba bl-“M” kbira, jiġifieri Alla. “Hu li jsawwab lilu nnifsu fil-qalb ta’ min iħobb, u jagħmlu denn li jirċevih. Jingħata bix-xaba’ u jagħmel li dan l-għatx għalih qatt ma jonqos. Din l-imħabba ħerqana hija l-milja tal-bniedem” (De contemplando Deo 6, passim, SC 61bis, pp. 79-83). Jolqotna l-fatt li Guliermu, meta jitkellem fuq l-imħabba ta’ Alla, jagħti importanza kbira lid-dimensjoni affettiva. Fil-verità, għeżież ħbieb, qalbna hi magħmula minn laħam, u meta nħobbu lil Alla, li hu l-istess Imħabba, kif nistgħu f’din ir-relazzjoni ma nesprimux mal-Mulej anki s-sentimenti l-aktar umani tagħna, bħalma huma l-ħlewwa, is-sensibbiltà, id-delikatezza? Il-Mulej innifsu, meta sar bniedem, ried iħobbna b’qalb tal-laħam!

 

Skont Guliermu, imbagħad, l-imħabba għandha proprjetà oħra importanti: iddawwal l-intelliġenza u tippermettilna nsiru nafu aħjar u b’mod profond lil Alla u, f’Alla, il-persuni u l-ġrajjiet. L-għarfien li jiġi mis-sensi u mill-intelliġenza jnaqqas, imma ma jeliminax, id-distanza bejn is-suġġett u l-oġġett, bejn il-jien u l-inti. Imma l-imħabba toħloq attrazzjoni u komunjoni, sal-punt li sseħħ bidla u assimiljazzjoni bejn is-suġġett li jħobb u l-oġġett maħbub. Din ir-reċiproċità ta’ mħabba u ta’ simpatija mbagħad tippermetti għarfien iżjed profond ta’ dak li jseħħ bir-raġuni waħidha. Hekk wieħed jista’ jifhem espressjoni ċelebri ta’ Guliermu:Amor ipse intellectus est – l-imħabba fiha nfisha diġà hi l-bidu tal-għarfien”. Għeżież ħbieb, nistaqsu ftit lilna nfusna: forsi mhux hekk jiġri f’ħajjitna? Forsi mhuwiex minnu li aħna nagħrfu tassew biss lil dak li nħobbu? Mingħajr ċerta simpatija ma tista’ tkun taf xejn u lil ħadd! U dan jgħodd qabelxejn fl-għarfien ta’ Alla u tal-misteri tiegħu, li jegħlbu l-ħila tal-għarfien tal-intelliġenza tagħna: lil Alla nsiru nafuh jekk inħobbuh!

 

Sintesi tal-ħsieb ta’ Guliermu ta’ Saint-Thierry insibuha f’ittra twila indirizzata liċ-Ċertosini ta’ Mont-Dieu, li għandhom kien mar għal żjara u li xtaq jagħmlilhom il-qalb u jfarraġhom. Il-Benedittin għaref Jean Mabillon diġà fl-1690 ta lil din l-ittra titlu sinifikattiv: Epistola aurea (Ittra tad-deheb). Fil-fatt, it-tagħlim fuq il-ħajja spiritwali li hemm fiha hu prezzjuż għal dawk kollha li jixtiequ jikbru fil-komunjoni ma’ Alla, fil-qdusija. F’dan it-trattat Guliermu jipproponi mixja fi tliet tappi. Jeħtieġ – jgħid – li ngħaddu mill-bniedem “annimal” għal dak “razzjonali”, biex naslu għal dak “spiritwali”. Xi jrid jgħid l-awtur tagħna b’dawn it-tliet espressjonijiet? Għall-bidu persuna taċċetta l-viżjoni tal-ħajja mnebbħa mill-fidi b’att ta’ ubbidjenza u ta’ fiduċja. Imbagħad, bi proċess ta’ interjorizzazzjoni, li fih ir-raġuni u r-rieda għandhom rwol kbir, il-fidi fi Kristu tiġi milqugħa b’konvinzjoni profonda u wieħed jgħixha f’korrispondenza armonjuża bejn dak li jemmen u jittama u x-xewqat l-aktar moħbija tar-ruħ, ir-raġuni tagħna, l-imħabbiet tagħna. U hekk naslu għall-perfezzjoni tal-ħajja spiritwali, meta r-realtajiet tal-fidi jsiru għajn ta’ ferħ qawwi u ta’ komunjoni vera u gratifikanti ma’ Alla. Ngħixu biss fl-imħabba u għall-imħabba. Guliermu jibni din il-mixja tiegħu fuq viżjoni soda tal-bniedem, imnebbħa mill-Missirijiet Griegi tal-qedem, fuq kollox minn Oriġene, li, b’lingwaġġ kuraġġjuż, kienu għallmu li l-vokazzjoni tal-bniedem hi li jsir bħal Alla, li ħalqu fuq is-sura u x-xbieha tiegħu. Ix-xbieha ta’ Alla preżenti fil-bniedem timbuttah biex jixbhu iżjed, jiġifieri lejn identità dejjem iżjed sħiħa bejn ir-rieda tiegħu u dik divina. Għal din il-perfezzjoni, li Guliermu jsejħilha “għaqda tal-ispirtu”, ma naslux bl-isforz personali tagħna, ikun kemm ikun sinċier u ġeneruż, għax hemm bżonn ta’ ħaġa oħra. Din il-perfezzjoni naslu għaliha bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, li jgħammar fir-ruħ u jsaffi, jassorbi u jibdel fi mħabba kull ħeġġa u kull xewqa ta’ mħabba li hemm fil-bniedem. “Hemm imbagħad xebh ieħor ma’ Alla”, naqraw fl-Epistola aurea, “li ma jissejjaħx iktar xebh, imma għaqda fl-ispirtu, meta l-bniedem isir ħaġa waħda ma’ Alla, spirtu wieħed, mhux biss bl-għaqda ta’ rieda waħda, imma għax ma jistax irid ħaġa oħra. Hekk il-bniedem jistħoqqlu li jsir mhux Alla, imma dak li Alla hu: il-bniedem isir bi grazzja dak li Alla hu min-natura tiegħu” (Epistola aurea 262-263, SC 223, pp. 353-355).

 

Għeżież ħuti, dan l-awtur, li nistgħu nsejħulu l-“Għannej tal-imħabba, tal-karità”, jgħallimna li f’ħajjitna rridu nagħmlu l-għażla fundamentali, li tagħti sens u valur lill-għażliet l-oħra kollha: inħobbu lil Alla u, għal imħabbtu, inħobbu lill-proxxmu tagħna; hekk biss nistgħu niltaqgħu mal-veru ferħ, li jdewwaqna minn qabel l-hena ta’ dejjem. Ejjew mela nidħlu fl-iskola tal-qaddisin biex nitgħallmu nħobbu b’mod awtentiku u sħiħ, biex nidħlu f’din il-mixja tal-jien tagħna. Bħal qaddisa żagħżugħa, Duttur tal-Knisja, Tereża ta’ Ġesù Bambin, ngħidulu aħna wkoll lill-Mulej li rridu ngħixu bl-imħabba. U nagħlaq proprju b’talba ta’ din il-qaddisa: “Jiena nħobbok, u dan inti tafu, Ġesù divin! L-Ispirtu tal-imħabba jkebbisni bin-nar tiegħu. Jiena u nħobb lilek, niġbed lejja lill-Missier, li l-qalb dgħajfa tiegħi tgħożż għaliha, u ma tgħixx mingħajru. O Trinità! Int priġuniera ta’ mħabbti. Li ngħix bl-imħabba, hawn isfel, ifisser li ningħata bla ma nqis xejn, bla ma nitlob ebda ħlas… min iħobb ma joqgħodx iqis. Jien tajt qalbi kollha lill-Qalb divina, li hi mfawra bil-ħlewwa! U nħaffef u niġri. M’għad għandi xejn tiegħi, u l-ġid waħdieni tiegħi hu li ngħix bl-imħabba”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard