Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 1 ta’ Awwissu 2007

 

San Bażilju

II: It-tagħlim

 

Għeżież ħuti,

 

Mill-ħajja u mill-kitbiet ta’ San Bażilju – dan kien l-argument tal-aħħar katekeżi tagħna – nistgħu nisiltu xi messaġġi importanti u validi anki għalina llum.

 

Qabelxejn ifakkarna fil-misteru ta’ Alla, li jibqa’ r-riferiment l-iżjed sinifikattiv u vitali għall-bniedem. Il-Missier huwa “l-bidu ta’ kollox u l-kawża ta’ dak kollu li jeżisti, l-għerq tal-ħajjin kollha” (Om. 15,2 fuq il-fidi), u fuq kollox huwa “Missier Sidna Ġesù Kristu” (Anafora ta’ San Bażilju). Meta mill-ħlejjaq naslu għand Alla, aħna “nagħrfu t-tjieba tiegħu u l-għerf tiegħu” (Bażilju, Kontra Ewnomju 1,14). L-Iben hu x-“xbieha tat-tjieba tal-Missier u siġill tal-istess sura tiegħu” (ara Anafora ta’ San Bażilju). Bl-ubbidjenza tiegħu u l-passjoni tiegħu l-Verb inkarnat wettaq il-missjoni ta’ Feddej tal-bniedem (ara Bażilju, Omeliji fuq is-Salmi 48,8; ara wkoll Il-Magħmudija 1,2,17).

 

Fit-tagħlim ta’ Bażilju għandha importanza wiesgħa l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. “Minnu, minn Kristu, idda l-Ispirtu s-Santu: l-Ispirtu tal-verità, id-don tal-adozzjoni ta’ wlied, ir-rahan tal-wirt ġejjieni, l-ewwel frott tal-ġid etern, il-qawwa li tagħti l-ħajja, l-għajn ta’ kull qdusija” (ara Anafora ta’ San Bażilju). L-Ispirtu jagħti l-ħajja lill-Knisja, ifawwarha bid-doni tiegħu, iqaddisha. Id-dawl sabiħ tal-misteru divin hu rifless fuq il-bniedem, xbieha ta’ Alla, u jgħollilu d-dinjità tiegħu. Meta nħarsu lejn Kristu, nifhmu b’mod sħiħ id-dinjità tal-bniedem. Bażilju jistagħġeb: “[Bniedem], agħraf il-kobor tiegħek meta tqis il-prezz li tħallas għalik: ara x’inhu l-prezz tal-fidwa tiegħek, u ifhem id-dinjità li għandek!” (Omeliji fuq is-Salmi 48,8). B’mod partikulari n-Nisrani, meta jgħix ħaġa waħda mal-Vanġelu, jagħraf li l-bnedmin huma lkoll aħwa bejniethom; li l-ħajja hija t-tqassim tal-ġid li rċivejna mingħand Alla, li għalih kull wieħed u waħda minna hu responsabbli quddiem l-oħrajn, u min hu għani għandu jkun bħal eżekutur tal-ordnijiet ta’ Alla benefattur (ara Omelija 4 fuq l-elemożina u Omelija 6 fuq ir-regħba). Ilkoll irridu ngħinu lil xulxin, u nikkoperaw flimkien bħall-membri ta’ ġisem wieħed (Ep. 203,3).

 

L-opri ta’ karità huma meħtieġa biex nuru l-fidi tagħna: permezz tagħhom il-bnedmin jaqdu lil Alla nnifsu (ara Regoli morali 5,2). Dwar dan, xi testi tal-omeliji ta’ Bażilju jibqgħu sal-lum kuraġġjużi u eżemplari: “‘Bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra’ (Mt 19:22)…: għax, imqar jekk ma qtiltx jew għamilt adulterju jew sraqt jew xhidt fil-falz, xejn ma jiswielek jekk ma tagħmilx ukoll il-bqija: hekk biss tista’ tidħol fis-saltna ta’ Alla” (Omelija kontra l-għonja 1). Fil-fatt, min, skont il-kmandament ta’ Alla, irid iħobb lill-proxxmu bħalu nnifsu, “ma għandu jkollu tiegħu xejn iżjed minn dak li għandu l-proxxmu tiegħu” (ibid.). “Int fqir?”, kien jistaqsi; “l-ieħor hu ifqar minnek. Int għandek ħobż għal għaxart ijiem, hu għal jum wieħed biss. Dak li jibqagħlek żejjed, dan int – bħala bniedem tajjeb u ta’ qalb tajba – aqsmu ndaqs ma’ min hu fil-ħtieġa. Toqgħodx taħsibha biex tagħti mill-ftit tiegħek; tpoġġix il-ġid tiegħek qabel il-bżonn tal-oħrajn! Jekk x’tiekol int jibqagħlek biss ħobża waħda u fuq l-għatba ta’ biebek jieqaf tallab, oħroġ mill-ħażna tiegħek dik il-ħobża waħda u, waqt li tqegħedha f’idejk u tħares lejn is-sema, għid b’leħen ta’ karba u mħabba: ‘Għandi biss din il-ħobża waħda li qed tara, o Mulej, u jidher ċar il-periklu tal-ġuħ. Imma qed inpoġġi quddiemi l-kmandament tiegħek u mill-ftit tiegħi noffri parti lil ħija mġewwaħ. Issa ejja int biex tgħin lill-qaddej tiegħek fil-periklu li jinsab fih. Jiena naf it-tjieba tiegħek, u nafda fil-qawwa tiegħek’” (Omelija fi żmien il-ġuħ u n-nixfa 6).

 

Għalhekk tassew jistħoqqlu l-eloġju li għamillu Girgor Nazjanzenu: “Bażilju pperswadiena li aħna, la aħna bnedmin, ma għandniex nistkerrhu l-bnedmin, lanqas noffendu lil Kristu, ras waħda ta’ kulħadd, billi ma nġibux ruħna ta’ bnedmin mal-bnedmin; pjuttost, fl-għawġ tal-oħrajn, aħna stess għandna niksbu ġid għalina, u nisilfu lil Alla l-ħniena tagħna, għax għandna bżonn tal-ħniena” (Diskors 43,63). Kliem, dan, li għadu attwali ħafna. Naraw kif San Bażilju hu tassew wieħed mill-Missirijiet tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja.

 

Barra minn hekk, Bażilju jfakkarna li biex inżommu mkebbsa fina l-imħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin għandna bżonn tal-Ewkaristija, ikel tajjeb għall-imgħammdin, li jista’ jseddaq l-enerġiji ġodda li jiġu mill-Magħmudija (ara Il-Magħmudija 1,3,1). Huwa motiv ta’ ferħ kbir li nistgħu nieħdu sehem fl-Ewkaristija (Regoli morali 21,3), imwaqqfa “biex tħares bla waqfien it-tifkira ta’ Dak li miet u rxoxta għalina” (Regoli morali 80,22). L-Ewkaristija, don bla qies ta’ Alla, iħares f’kull wieħed u waħda minna t-tifkira tas-siġill tal-Magħmudija u jagħtina li ngħixu fil-milja u l-fedeltà l-grazzja tal-Magħmudija. Għalhekk l-Isqof qaddis jirrakkomanda t-tqarbin ta’ spiss, anki ta’ kuljum: “Li wieħed jitqarben anki ta’ kuljum u jirċievi l-ġisem u d-demm imqaddsa ta’ Kristu hi ħaġa tajba u siewja; għax Hu stess jgħidilna ċar: ‘Min jiekol ġismi u jixrob demmi jgħix għal dejjem’ (Ġw 6:54). Min, mela, jista’ jiddubita li t-tqarbin ta’ spiss mill-ħajja mhuwiex il-ħajja fil-milja tagħha?” (Ep. 93). L-Ewkaristija, f’kelma waħda, hi meħtieġa għalina biex nilqgħu fina l-ħajja vera, il-ħajja ta’ dejjem (ara Regoli morali 21).

 

Fl-aħħar nett, Bażilju naturalment interessa ruħu anki f’dik il-parti magħżula tal-poplu ta’ Alla li huma ż-żgħażagħ, il-futur tas-soċjetà. Lilhom indirizza Diskors fuq il-mod kif jistgħu japprofittaw mill-kultura pagana ta’ żmienhom. B’ħafna sens ta’ bilanċ u ftuħ, hu jagħraf li fil-letteratura klassika, Griega u Latina, wieħed jista’ jsib eżempji ta’ ħajja tajba. Dawn l-eżempji jistgħu jiswew għaż-żagħżugħ Nisrani huwa u jfittex il-verità, il-mod it-tajjeb kif għandu jgħix (ara Diskors liż-żgħażagħ 3). Għalhekk għandna nieħdu mit-testi tal-awturi klassiċi dak li hu konvenjenti u konformi mal-verità: hekk b’atteġġjament kritiku u miftuħ – fil-fatt dan hu “dixxerniment” veru u proprju – iż-żgħażagħ jikbru fil-libertà. Bix-xbieha famuża tan-naħal, li mill-fjuri jieħdu biss dak li jservihom għall-għasel, Bażilju jirrakkomanda: “Bħalma n-naħal jaf jieħu l-għasel mill-fjuri, b’differenza mill-annimali l-oħrajn li jillimitaw ruħhom għat-tgawdija tal-fwieħa u tal-ilwien tal-fjuri, hekk ukoll minn dawn il-kitbiet… nistgħu niksbu xi ġid għar-ruħ. Jeħtieġ ninqdew b’dawn il-kotba billi nimxu f’kollox fuq l-eżempju tan-naħal. Dawn ma jaqbdux u jtiru għal fuq il-fjuri kollha, u lanqas ifittxu li jieħdu magħhom kollox minn dawk li fuqhom jieqfu, imma jieħdu biss dak li għandhom bżonn biex jaħdmu l-għasel, u l-bqija jħalluh. U aħna, jekk moħħna jilħqilna biżżejjed, minn dawk il-kitbiet nieħdu biss dak li jiswa għalina, u jaqbel mal-verità, u nwarrbu l-bqija” (Diskors liż-żgħażagħ 4). Bażilju, fuq kollox, jirrakkomanda liż-żgħażagħ li jikbru fil-virtujiet: “Filwaqt li l-ġid l-ieħor… jgħaddi minn dan għall-ieħor bħal fil-logħob tad-dadi, il-virtù biss hija ġid inaljenabbli u li jibqa’ fil-ħajja u wara l-mewt” (Diskors liż-żgħażagħ 5).

 

Għeżież ħuti, naħseb li nistgħu ngħidu li dan il-Missier minn żmien imbiegħed qed ikellem lilna wkoll u jgħidilna ħwejjeġ importanti. Qabelxejn, dan is-sehem attent, kritiku u kreattiv fil-kultura ta’ żmienna. Imbagħad, ir-responsabbiltà soċjali: dan hu żmien li fih, f’dinja globalizzata, anki l-popli ġeografikament imbiegħda huma tassew il-proxxmu tagħna. Għalhekk, il-ħbiberija ma’ Kristu, Alla li għandu wiċċ ta’ bniedem. U, fl-aħħar nett, l-għarfien u r-rikonoxxenza lejn Alla Ħallieq, Missier tagħna lkoll: huwa biss jekk niftħu qalbna għal dan Alla, Missier wieħed ta’ kulħadd, li nistgħu nibnu dinja ġusta u fraterna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard