ĦAMIS IX-XIRKA

IL-ĠIMGĦA L-KBIRA

SIBT IL-GĦID

NOTI

NOTI DWAR X'ĦIN U KIF JINTALAB IL-BREVJAR

Is-Sejħa għat-Tifħir lil Alla u l-Uffiċċju tal-Qari filgħodu qabel it-Tifħir ta' Sbiħ il-Jum jew miegħu.

It-Talb ta' Nofs il-Jum jingħad fil-ħin tiegħu: fid-disgħa ta' filgħodu, f'nofsinhar u fit-tlieta ta' wara nofsinhar.

L-Għasar jingħad ma' nżul ix-xemx.

It-Talba ta' Għeluq il-Jum tingħad qabel l-irqad.

Meta xi Sigħat jIngħadu flimkien, jingħad l-innu (jew is-Salm fil-każ tas-Sejħa għat-Tifħir lil Alla) tal-ewwel Siegħa li tingħad, ma jingħadux, l-introduzzjonijiet għat-talb, it-talbiet li jiġu bejniethom u lanqas l-innijiet, u tingħad it-Talba tal-għeluq fl-aħħar ta' kollox.

Eżempju: Jekk is-Sejħa għat-Tifħir lil Alla tingħad mal-Uffiċċju tal-Qari u t-Tifħir ta' Sbiħ il-Jum.

tibda bis-Sejħa;
fl-Uffiċċju tal-Qari
ma tingħadx Mulej iftaħli xoftejja;
ma jingħadx l-Innu tal-Uffiċċju tal-Qari;
ma tingħadx it-Talba tal-għeluq;
ma tingħadx il-konklużjoni Inbierku lil Mulej;
ma tingħadx O Alla ejja eħlisni;
ma jingħadx l-Innu;
tingħad it-Talba u l-konklużjoni Il-Mulej iberikna ...

 

DWAR DAWN IL-VIDJOS

Biex titlob il-Liturġija tas-Sigħat kull siegħa hija video separat, ħalli jkun aħjar biex titlob is-Siegħa fil-ħin proprju tagħha.

Bejn paġna u oħra (ħlief il-paġna tad-dħul) hemm, kważi dejjem, żewġ minuti.

L-aħjar mod biex titlob aħjar il-Liturġija tas-Sigħat huwa li taqra b’leħen li jinstema u bil-mod, biex hekk, il-kliem jidħol iżjed fil-qalb. Importanti li taqra bis-sens biex tifhem aħjar dak li qed tgħid.

Żomm f’moħħok li meta titlob il-Liturġija tas-Sigħat, qed titlob f’isem Ġesù nnifsu, iktar u iktar f’dawn il-jiem li matulhom, ngħixu siegħa b’siegħa dak li għadda minnu hu stess mill-aħħar ikla mad-dixxipli tiegħu fiċ-Ċenaklu sal Qawmien qaddis tiegħu mill-imwiet. Kull kelma tinftiehem aħjar fil-kuntest tal-ħajja ta’ Ġesù u dak li għadda minnu.

Aħna mseħbin miegħu għax hu għażel li jissieħeb magħna u jitgħabba bid-dgħufijiet u d-dnubiet tagħna.
Niskużaw ruħna għal xi żbalji li jista’ jkun hemm fit-test; dawn il-videos inħadmu bir-riżorsi limitati li nistgħu nużaw bħalissa. Napprezzaw ħafna li, fejn ikun hemm xi żbalji, tgħadduhomlna, biex it-test ikun jista’ jiġi rranġat.  Email: lajci@maltadiocese.org

Jekk trid tgħaġġel jew twaqqaf il-video tista' tuża l-pause jew l-iscroller.