Aktar dwar il-Motu Proprio tal-Papa Franġisku, Aperuit illis ...

L-ITTRA APPOSTOLIKA “APERUIT ILLIS”

Kitba at’ Patri Marcello Ghirlando ofm

 

 

Nhar it-30 ta’ Settembru li għadda, fit-tifkira liturġika ta’ San Ġirolmu u fil-bidu tal-1,600 anniversarju minn mewtu, il-Papa Franġisku ħareġ Ittra Appostolika bit-titlu “Aperuit Illis”.B’din l-Ittra Appostolika, fil-forma ta’ Motu Proprju, il-Papa stieden lill-Knisja Universali biex jiċċelebraw “Ħadd il-Kelma ta’ Alla” fit-tielet Ħadd tas-sena liturġika.

It-titlu tal-Ittra Appostolika “Aperuit illis”, “fetħilhom” hija riferiment għar-rakkont tal-manifestazzjoni tal-Irxoxt liż-żewġ dixxipli wara l-ġrajja tad-dixxipli ta’Għemmaws kif insibuha f’Luqa 24.

 

Fid-Dawl ta’ Għemmaws

 

Għal ħafna minna li kellna x-xorti nżuru l-Art Imqaddsa, il-mixja tad-dixxipli lejn Għemmaws tqanqal fina ħafna memorji sbieħ!Nafu llum li r-raħal ta' Għemmaws, li fih Ġesù daħal għand id-dixxipli Kleofa u Xmun u wera ruħu irxuxtat waqt il-qsim tal-ħobż (Luqa 24, 13-35) hu identifikat mar-raħal Għarbi ta' El-Qubeibeh, li hu bogħod 65 “stadji” minn Ġerusalemm.Fil-qrib hemm il-għolja ta' Nebi Samwel, bis-santwarju li fih iċ-ċenotafju tal-profeta Samwel.Il-Kruċjati kienu jsejħu din l-għolja “Mons Gaudi”, il-muntanja tal-ferħ, għax minn fuqha kienu jilmħu għall-ewwel darba l-belt il-qaddisa ta' Ġerusalemm.F'Għemmaws il-Kruċjati sabu fortizza Rumana, li semmewha “Castellum Emmaus”.Maġenb il-Knisja tal-Franġiskani għad hemm il-fdalijiet tat-triq Rumana, u rovini ta' bini tal-Kruċjati, li hawnhekk identifikaw ir-rakkont evanġeliku ta' Luqa.

FL-1852 il-Franġiskani skoprew ir-rovini.Fl-1861 il-Markiża Paulina de Nicolay akkwistat il-proprjetà u tatha lill-Franġiskani.Hi stess għexet bħala eremita f'dan il-post u hi midfuna fil-knisja.Il-knisja sabiħa, bi tlett navati, inbniet fl-1902, fuq il-bażilika ta' żmien il-Kruċjati.Fin-navata tat-tramuntana hemm fdalijiet ta' bini Biżantin jew Ruman, li hu identifikat bħala d-dar ta' Kleofa, li skond it-tradizzjoni miet martri hawnhekk.Id-dixxiplu l-ieħor, li Luqa ma jsemmix ismu, hu identifikat ma' Xmun, it-tieni isqof ta' Ġerusalemm.

Kien matul il-Gwerra tal-1939-1945 li l-Franġiskani Taljani, li ġew internati f'Għemmaws mill-qawwiet Inliżi, mandatarji tal-Palestina, bl-inizjattiva tal-arekologu Patri Bellarmino Bagatti OFM għamlu skavi fiż-żona, u sabu l-fdalijiet Rumani u Kruċjati li semmejna.

Ma nistax hawnhekk ma nagħmilx riflessjoni personali u pastorali.Niftakar li, meta kont ngħix Ġerusalemm darba mxejtha lejn Għemmaws.Kien filgħaxija u wasalt ir-raħal ma' nżul ix-xemx.U jien u nara x-xemx nieżla ftakart fiż-żewġ dixxipli ta' Għemmaws.Ix-xemx nieżla saret qisha sinjal tal-qtigħ il-qalb tagħhom.Huma li kienu tant ittamaw f'Ġesù.Imma wara l-mewt tiegħu fuq is-salib, kienu ħasbu li kollox kien spiċċa.Telqu lid-dixxipli, u nimmaġina b'qalb tqila, irħewlha lura lejn ir-raħal tagħhom.Bla tama.Ma bkewx...imma sfugaw id-dwejjaq tagħhom billi tkellmu ma' xulxin.

San Luqa jiktbilna kif dik it-tama reġgħet tkebbset ftit ftit huma u jagħmlu esperjenza ta' Ġesù ħaj.Ta' Ġesù rxoxt li, pass wara l-ieħor, jurihom li kien verament ħaj, li kien tassew qam minn bejn l-imwiet!Jurihom lilu nnifsu permezz tal-Iskritturi.U meta jidħol mistieden fid-dar tagħhom, jurihom lilu nnifsu fil-qsim tal-ħobż.Splużjoni ta' ferħ f'dawk il-qlub tagħhom, li issa bħal donnhom twieldu mill-ġdid.Splużjoni ta' ferħ u stgħaġib:“Ma kenitx imkebbsa qalbna huwa hu jispjegalna l-Iskrittura fit-triq!”Tkebbis tal-qalb li għenhom jagħarfuh fil-qsim tal-ħobż.X'ma jmorrux lura jiġru lejn Ġerusalemm, anke jekk issa kien bil-lejl, biex jaqsmu mad-dixxipli dak li tiegħu kienu għamlu esperjenza!

Għemmaws:ġrajja ta' żewġ dixxipli.Ġrajja ta' kull dixxiplu.Ta' kull dixxiplu ta' Ġesù li, jekk irid, jiltaqa' miegħu fl-Ewkaristija.Fis-smigħ tal-Kelma ta' Alla.Fil-qsim tal-ħobż.Kull Quddiesa hija l-esperjenza mġedda ta' Għemmaws.Kull quddiesa toffrielna l-okkażjoni li niltaqgħu miegħu.Kull quddiesa tista' tħeġġilna qalbna...kull quddiesa hija Għemmaws...jekk irridu.

 

Lura lejn il-Motu Proprju

 

Naħseb li b’dan il-Motu Proprju, il-Papa Franġisku, l-ewwel u qabel kollox, ried jagħti importanza lit-tifkira ta’ San Ġirolmu, il-patrun tal-istudjużi tal-Iskrittura Mqaddsa.Huwa dak li kien ħareġ bl-istqarrija tant qawwija:“Min ma jafx l-Iskrittura, ma jafx lil Kristu (In Is.,Prologu:PL 24,17).

B’dan il-Ħadd partikulari jidher li l-Papa ma jridx li niftakru fil-Kelma Mqaddsa darba fis-sena, imma li dan il-jum ifakkarna fl-importanza tal-Kelma matul is-sena kollha.Forsi hawnhekk għandna xebħ mal-Festa ta’ Corpus Domini, l-Ewkaristija.Festa li ssir darba fis-sena biex tfakkarna fl-importanza tal-Ewkarsitija matul is-sena kollha.Ħadd għall-Kelma biex iftakru fis-sejħa tagħna li inkunu ħbieb tal-Iskrittura, tal-Irxoxt, li kontinwament jiftħilna moħħna għall-għarfien tal-Iskrittua u għall-qsim tal-ħobż fost dawk li jemmnu fiH.

 

Ħa nsegwu issa l-idejat prinċipali ta’ din l-Ittra Appostolika.

 

Il-Papa jibda(numru 1) billi jistieden lill-insara jkunu midħla tal-IsKrittura Mqaddsa bħala il-komunità ta’ dawk li jemmnu.Dan għaliex ir-relazzjoni bejn l-Irxoxt, il-komunità ta’ dawk li jemmnu u l-Iskrittura Mqaddsa hija fundamentali fit-tiswir ta’ min aħna.Huwa l-Mulej li jiftħilna moħħna għall-għarfien tal-Iskrittura.Fl-istess ħin hija l-Iskrittura li turina l-missjoni ta’ Kristu u l-Knisja tiegħu.

B’sinjal ta’ kontinwità fit-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja l-Papa jlaqqam id-diskors tiegħu(numru 2) fil-Kostiuzzjoni Dommatika fuq ir-Rivelazzjoni Divina, Dei Verbum, u l-Esortazzjoni Appostolika ta’ Benedittu XVI, Verbum Domini, frott is-Sinodu tal-Isqfijiet fuq ir-Rwol tal-Kelma ta’ Alla fil-Knisja.Ifakkar u jgħid:“Mill-paġni ta’ Dei Verbum, toħroġ b’mod ċar in-natura tal-Iskrittura Mqaddsa, il-mod kif ġiet mgħoddija minn ġenerazzjoni għall-oħra (kap. II), l-ispirazzjoni divina tagħha (kap. III) li tħaddan it-Testment il-Qadim u dak Ġdid (kap. IV u V), u l-importanza tagħha fil-ħajja tal-Knisja (kap. VI)”.Fuq il-Verbum Domini jgħid:“fiha tagħlim essenzjali għall-komunitajiet tagħna...jinżel aktar fil-fond tal-karattru ħaj u attiv tal-Kelma ta’ Alla, fuq kollox meta fl-azzjoni liturġika joħroġ il-karattru sagramentali tagħha”.Ifakkar kliem Sant’Efrem li fuq il-Kelma jistqarr:“Il-Mulej lewwen il-kelma tiegħu bi ġmiel ta’ kull xorta, biex dawk li jgħarbluha jistgħu jikkontemplaw dak li jixtiequ minnha.Satar fil-kelma tiegħu t-teżori kollha biex kull wieħed minna jsib għana f’dak li jikkontempla”(Tifsir fuq id-Diatessaron, 1, 18).

Fin-numru 3 il-Papa juri l-importanza ta’ dan il-Ħadd tal-Kelma li għandu jitlaqqam fil-ħidma ekumenika tal-Knisja u fid-djalogu interreliġjuż mal-Lhud:“Għalhekk nistabilixxi li t-III Ħadd fiż-Żmien ta’ Matul is-Sena jkun iddedikat għaċ-ċelebrazzjoni, ir-riflessjoni u tixrid tal-Kelma ta’ Alla...se jaħbat f’mument opportun ta’ dak il-perijodu tas-sena, meta aħna mistednin insaħħu r-rabtiet tagħna mal-Lhud u nitolbu għall-għaqda tal-Insara...għax l-Iskrittura Mqaddsa ruri lil min jagħti widen għaliha l-mixja li għandu jterraq biex jilħaq l-għaqda awtentika u b’saħħitha”.Dan il-Ħadd jista’ jsir okkażjoni biex tingħata mportanza xierqa lill-qaddejja tal-Kelma.Għalhekk il-Papa jissuġerixxi li f’dan il-Ħadd l-Isqfijiet jistgħu jiċċelebraw ir-Rit tal-Istituzzjoni tal-Letturi, dawk msejħa biex b’mod xieraq ixandru l-Kelma waqt il-Liturġija bħalma fil-fatt isir ukoll għal dawk li jiġu isititwiti Akkoliti jew Ministri Straordinarji tat-Tqarbin.

 

il-Bibbja hija għal kulħadd

 

Il-Papa jħares lura lejn l-istorja tal-poplu l-magħżul(numru 4) u jfakkar kemm il-Kelma ta’ Alla mmarkat din l-istorja.Jagħmel riferiment għal Kapitlu 8 tal-Ktieb ta’ Neħemija fejn għall-ewwel darba, wara l-eżilju qares f’Babel,għandna rakkont li jippreżenta lill-poplu miġbur biex jisma’ l-Kelma miktuba.Hija Kelma mismugħa b’attenzjoni, imfissra...tant li tolqot il-qlub!Neħemija 8 jgħallimna:il-Bibbja hija għal kulħadd, ħadd eskluż;hija Kelma li ma tistax tiġi mmanipulata f’xi gruppi eskluħivi;hija Kelma li tgħaqqad u toħloq poplu wieħed.Hu għalhekk (numru 5) li “ir-Ragħaj qabe lxejn għandu r-responsabilità kbira li jfisser u jagħti lil kulħadd il-faċilità li jifhem l-Iskrittura Mqaddsa”.Ma jistax jonqos li l-Papa jfakkar fl-importanza tal-omelija mħejjija tajjeb mix-xandara tal-Kelma:“għandha karattru kważi sagramentali, iddaħħalna fil-profondità tal-Kelma ta’ Alla, b’lingwaġġ sempliċi u adattat għa min qed jisma’, u biha s-saċerdot jgħinna niskopru wkoll il-ġmiel tax-xbihat li kien juċa l-Mulej biex iħeġġeġ għal ħajja tajba.Din hi opportunità pastorali li ma nistgħux nitilfu!”

Fin-numri 6-8 il-Papa jerġa’ lura fid-dawl tar-rakkont ta’ Għemmaws.Ifakkarna kif l-Iskritturi ħejjew għall-ħajja u l-missjoni tal-KristuHu nnifsu mbagħad ried jwettaq dak li kien inkiteb fuqu fl-Iskritturi biex juri li ħajtu, il-mewt u l-qawmien tiegħu, fil-fatt kienu r-realizzazzjoni al-Kelma ta’ Alla.“Għalhekk, il-Bibbja, l-Iskrittura Mqaddsa, titkellem fuq Kristu uf tħabbru bħala dak li jrid jgħaddi mit-tbatija biex jidħol fil-glorja.Mhux parti waħda biss, imma l-Iskrittura kollha titkellem fuqu.Il-mewt u l-qawmien tiegħu ma nistgħux nifhmuhom minngħajrha”.Mhux ta’ b’xejn li “waħda mill-eqdem stqarrijiet tal-fidi tisħaq li Kristu miet minħabba dubietna, skond l-Iskrittura;difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skond l-Iskrittura.U deher lil Kefa (1 Kor 15:3-5).La l-Iskrittura titkellem fuq Kristu, biha nistgħu nemmnu li l-mewt u l-qawmien tiegħu mhumiex ħaġa tal-mitoloġija, imma tal-istorja, u jinsabu fil-qalba tal-fidi tad-dixxipli tiegħu” (numru 7).Hu għalhekk, ikompli Franġisku, li hi qawwija r-rabta bejn l-Iskrittura u l-fidi ta’ min jemmen.Smigħ il-Kelma huwa fundamentali fil-liturġija, fit-talb u fir-riflessjoni personali.Mhux biss:il-fatt li l-mixja tad-dixxipli ta’ Għemmaws tintemm l-ikla li matulha “infetħulhom għajnejhom u għarfuh fil-qsim tal-ħobż” tfakkarna fir-rabta qawwija li hemm bejn l-Iskrittura u l-Ewkaristija.Il-Papa ifakkar fi kliem il-Konċilju Vatikan II, fid-Dei Verbum, 21:“Il-Knisja dejjem tat qima lill-Iskrittura Mqaddsa kif tat lill-Ġisem tal-Mulej billi qatt ma naqset, l-aktar fil-liurġija mqaddsa, li tieħu l-għajxien bil-ħobż tal-ħajja mill-mejda tal-Kelma ta’ Alla u tal-Ġisem ta’ Kristu, u tagħtih lill-fidili”.Bl-istess mod, “L-Iskrittura Mqaddsa u s-Sagramenti ma jistgħux jinfirdu minn xulxin” (numru 8).

 

Tlett prinċipji teoloġiċi

 

Fin-numri 9, 10 u 11 il-Papa jfakkarna f’tlett prinċipji teoloġiċi neċessarji biex nersqu lejn il-Kelma ta’ Alla, u dan fid dawl ta’ 2Timotju 3:16, “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa”:il-finalità salvifika, id-dimensjoni spiritwali u l-prinċipju tal-inkarnazzjoni għall-Iskrittura Mqaddsa.

Dan ifisser li wieħed għandu jiftakar li l-Bibbja “mhijiex xi ġabra ta’ kotba ta’ storja, lanqas ta’ kronaka, imma hi kollha kemm hi ffukata fuq is-salvazzjoni sħiħa tal-persuna.Il-fundament storiku tal-kotba li hemm fit-test sagru, aspett li ma nistgħux niċħduh, mgħandux inessina din il-finalità ewlenija:is-salvazzjoni tagħna.Dei Verbum 11 kien stqarr:“Il-Kotba tal-Iskrittura Mqaddsa jgħallmu b’ċertezza, b’fedeltà u mingħajr żbalji l-verità li, għas-salvazzjoni tagħna, Alla ried li tinġabar fil-Kotba Mqaddsa”.Hu għalhekk li l-Iskrittura trid tiġi moqrija bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li nebbaħha:“għalhekk, l-Ispirtu s-Santu jibdel l-Iskrittura Mqaddsa f’Kelma ħajja ta’ Alla, li tingħax u tiġi mgħoddija fil-fidi tal-poplu qaddis tiegħu” (numru 9).

L-ispirazzjoni tal-Bibbja fil-fatt ma tmissx biss it-tiswir tal-Kotba Mqaddsa imma tmiss ukoll lil dawk li jagħtu widen għall-Kelma.Dei Verbum 12 kien stqarr:“L-Iskrittura Mqaddsa għandha tinqara u tkun interpreta bl-għajnuna tal-istess Spirtu li permezz tiegħu nkitbet”.Irridu nafdaw fl-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu meta l-Knisja tgħallem u tinterpreta l-Iskrittura Mqaddsa u meta dawk li jemmnu jagħmluha n-norma tal-għixien tagħhom(numru 10).

Il-Papa jfakkar ukoll il-prinċipju msemmi fid-Dei Verbum 13:“Il-kliem ta’ Alla mogħti lilna b’ilsna ta’ bnedmin, sar jixbaħ il-kliem tal-bniedem, kif l-Iben tal-Missier Etern, meta ħa d-dgħufija tan-natura tal-bniedem, sar jixbaħ lill-bniedem”.L-Inkarnazzjoni al-Verb ta’ Alla tagħti għamla u sens lir-relazzjoni bejn il-Kelma ta’ Alla u l-ingwaġġ uman, bil-kundizzjonijiet storiċi u klturali tiegħu.‘Hu f’din il-ġrajja li tieħu sura t-Tradizzjoni...il-kelma ħajja – it-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja, li tgħaddiha bla waqfien mal-medda tas-sekli minn nisel għal nisel, għandha f’dak il-ktieb imqaddes ir-regola ewlenija tal-fidi tagħha” (numru 11).

Il-Papa jgħaddi biex jitkellem fuq il-funzjoni profetika tal-Kelma ta’ Alla.Funzjoni profetika fis-sens li ddawwal l-illum ta’ min jitrejjaq bil-Kelma.Hija Kelma profetika li “tipprovoka ħlewwa u mrar fl-istess ħin”.Hija ħlewwa li twassalna biex naqsmu l-Kelma ta’ Alla ma’ dawk li magħhom niltaqgħu fil-ħajja ta’ kuljum.Hija mrar li tfakkarna kontinwament fis-sejħa tagħna għall-konverżjoni fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla u ma’ ħutna (numru 12).

Hija Kelma li tixprunana għall-karità, għall-imħabba, għall-ħniena.“Il-Kelma ta’ Alla kapaċi tiftħilna għajnejna biex tgħinna noħorġu mill-individwaliżmu li jaqta’ n-nifs u jħallina vojta, waqt li tiftħilna beraħ it-triq quddiemna biex naqsmu u nkunu solidali mal-oħrajn” (numru 13).

 

Trasfigurazzjoni u Faqar

 

Fin-numru 14 il-Papa jfakkar fir-rakkont tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesu’.Il-kelma ta’ Pietru “ħa ntellgħu tlett tined...” tfakkarna fil-kuntest tal-Festa Lhudija tal-Għerejjex, l-istess kuntest tal-qari tal-Kelma f’Neħemija 8 u tantiċipa l-glorja ta’ Ħesu’.Il-Papa jgħid li din it-Trasfigurazzjoni tixbah lil dik tal-Iskrittura Mqaddsa, li tittraxxendi lilha nfisha meta ssir ikel għal dawk li jemmnu:“Biex nirbħu lura l-artikulazzjoni bejn id-diversi tifsiriet tal-Iskrittura hemm bżonn ngħaddu mill-ittra għall-ispirtu.Dan mhuwiex xi ppassaġġ awtomatiku u spontanju; pjuttost jeħtieġ immorru lil hemm mill-ittra”.

 

Il-Papa hekk jikkonkludi din l-Ittra Appostolika (numru 15):

“Fit-triq biex nilqgħu l-Kelma ta’ Alla, timxi magħna Omm il-Mulej, li tissejjaħ hienja għax emmnet li jsir dak li kien qalilha l-Mulej (ara Lq 1:45). Il-beatitudni ta’ Marija tiġi qabel il-beatitudnijiet kollha mħabbra minn Ġesù għall-foqra, il-maħqurin, l-umli, il-bennejja tal-paċi u dawk li huma ppersegwitati, għax hija l-kundizzjoni meħtieġa għal kull beatitudni oħra. L-ebda fqir ma hu hieni għax hu fqir; isir hieni jekk, bħal Marija, jemmen li l-Kelma ta’ Alla ħa sseħħ. Dan ifakkarhulna dixxiplu u mgħallem kbir tal-Iskrittura Mqaddsa, Santu Wistin: “Xi ħadd minn qalb il-folla, partikularment mirbuħ mill-entużjażmu, esklama: ‘Hieni l-ġuf li ġiebek’. U hu: ‘Henjin iżjed dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarsuha’. Qisu ried jgħid: anki ommi, li int qed issejħilha hienja, hi hienja sewwasew għax tħares il-kelma ta’ Alla, mhux għax fiha l-Verb sar bniedem u għammar fostna, imma għax tħares il-Verb ta’ Alla nnifsu li permezz tiegħu hi saret, u li fiha tlaħħam” (Fuq il-Vanġelu ta’ Ġwanni, 10, 3).

 

Jalla l-Ħadd iddedikat lill-Kelma jkattar fil-poplu ta’ Alla l-familjarità reliġjuża u assidwa mal-Iskrittura Mqaddsa, l-istess kif l-awtur sagru kien diġà għallem fiż-żminijiet ta’ dari: “Imma din il-ħaġa hi qribek sewwa f’fommok u f’moħħok, biex tagħmilha” (Dewt 30:14)”.