L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Via Crucis immexxija mill-Papa Franġisku fil-Kolossew.  2017

 

 

 

 

 

 

UFFIĊĊJU GĦAĊ-ĊELEBRAZZJONIJIET LITURĠIĊI TAL-PAPA

IL-ĠIMGĦA L-KBIRA, IL-PASSJONI TA’ SIDNA ĠESÙ KRISTU

 

VIA CRUCIS

IMMEXXIJA MILL-Q.T. IL-PAPA FRANĠISKU

 

IL-KOLOSSEW

RUMA, 14 TA’ APRIL 2017

 

Meditazzjonijiet ta’ Anne-Marie Pelletier

 

Introduzzjoni

 

Is-siegħa issa waslet. Ġesù terraq mat-toroq kollha trab tal-Galilija u tal-Lhudija, lejn il-bnedmin u l-qlub muġugħa, imħeġġeġ mill-urġenza biex ixandar is-Saltna. Daqshekk terraq u se jieqaf hawn, illum. Fuq l-għolja tal-Golgota. Illum is-Salib qed jagħlaq it-triq. Ġesù ma jistax imur iktar ’il bogħod.

 

Impossibbli jmur iktar ’il bogħod!

 

L-imħabba ta’ Alla hawn tidher fl-aqwa tagħha, imħabba bla qies.

 

Illum l-imħabba tal-Missier, li jrid li permezz tal-Iben isalvaw il-bnedmin kollha, tasal fil-milja, u tħallina bla kliem, diżorjentati. Il-pjan bla tarf ta’ Alla jisboq kull idea ta’ reliġjon li jista’ qatt kellna.

 

Fuq il-Golgota, fil-fatt, kontra l-apparenzi kollha, hi kwistjoni ta’ ħajja. U ta’ grazzja. U ta’ paċi. Mhux qed nitkellmu dwar is-saltna tal-ħażen, li aħna nafu tajjeb, anki żżejjed, imma dwar ir-rebħa tal-imħabba.

 

U, proprju taħt l-istess salib, qed nitkellmu dwar id-dinja tagħna, bil-waqgħat kollha tagħha u bl-uġigħ, bl-appelli u l-karbiet, dak kollu li qed isejjaħ lil Alla, illum, mill-artijiet tal-miżerja jew tal-gwerra, fil-familji mkissrin, fil-ħabsijiet, fuq id-dgħajjes mimlijin bl-immigranti…

 

Ħafna dmugħ, ħafna miżerja fil-kalċi li l-Iben jixrob għalina.

 

Ħafna dmugħ, ħafna miżerja li ma jistgħux jintilfu fl-oċean taż-żmien, iżda li hu jiġbor, biex jinbidlu fil-misteru ta’ mħabba li jġib il-ħażen fix-xejn.

 

Fuq il-Golgota qed nitkellmu proprju dwar il-fedeltà bla tarf ta’ Alla lejn l-umanità tagħna.

 

Hemm seħħ dan it-twelid!

 

Għandu jkollna l-kuraġġ ngħidu li l-ferħ tal-Evanġelju huwa l-verità ta’ dan il-mument!

 

Jekk għajnejna ma jwassluniex għal din il-verità, nibqgħu maqbudin fix-xbieki tat-tbatija u tal-mewt. U għalina l-Passjoni ta’ Kristu tkun seħħet għalxejn.

 

Nitolbu

 

Mgħallem, għajnejna mdallmin. Kif nistgħu nimxu miegħek tant ’il bogħod?

 

Ismek huwa “ħniena”. Imma dan l-isem ġennata.

 

Ħa jinfaqgħu d-damiġġani qodma ta’ qlubna!

 

Fejjaq il-ħarsa tagħna sabiex tiddawwal bil-bxara t-tajba tal-Evanġelju, fil-ħin li fih nieqfu f’riġlejn is-Salib ta’ Ibnek.

 

U nkunu nistgħu niċċelebraw “il-wisa’, it-tul, l-għoli u l-fond” (Efes 3:18) tal-imħabba ta’ Kristu, li tfarraġ u tgħammex bid-dija lil qalbna.

 

VIA CRUCIS

 

L-Ewwel Stazzjon: Ġesù kkundannat għall-mewt

 

Mill-Evanġelju skont San Luqa:

Meta sebaħ, iltaqgħet il-ġemgħa tax-xjuħ tal-poplu, il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u ħadu lil Ġesù quddiem is-Sinedriju tagħhom. (Lq 22:66)

 

Mill-Evanġelju skont San Mark:

U kollha qatgħuhielu li kien ħaqqu l-mewt. Imbagħad xi wħud bdew jobżqulu fuqu, jgħattulu wiċċu, jagħtuh bil-ponn u jgħidulu: “Aqta’ min!”. U l-qaddejja bdew jagħtuh bil-ħarta. (Mk 14:64-65)

 

Meditazzjoni

 

Ma kellhomx bżonn jiddiskutu wisq il-membri tas-Sinedriju biex jiddeċiedu. Kienu ilhom li ddeċidew. Ġesù għandu jmut!

 

Diġà kienu jaħsbuha hekk dawk li riedu jitfgħuh ’l isfel mill-irdum, dakinhar li fis-sinagoga ta’ Nazaret, Ġesù fetaħ il-ktieb u tkellem fl-ewwel persuna waqt li kien qed jaqra l-kliem tal-ktieb ta’ Iżaija, “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani […] u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej”. (Lq 4:18-19)

 

Diġà meta fejjaq lill-mifluġ f’Betzata, u s-Sibt għamlu jum ta’ dak Alla li jagħti l-ħelsien minn kull skjavitù, beda jiżdied id-diskors ta’ qtil kontrih (ara Ġw 5:1-18).

 

Kif ukoll, fl-aħħar biċċa tat-triq, hu u dieħel Ġerusalemm għall-festa tal-Għid, il-mażżra kienet diġà mdendla ma’ għonqu: ma kienx se jeħlisha minn idejn l-għedewwa tiegħu (ara Ġw 11:45-57).

 

Imma jeħtieġ immorru iktar lura bil-memorja. Jekk nitilqu minn Betlehem, meta twieled, Erodi kien qatagħha li kellu jmut. Ix-xwabel tar-re użurpatur għamlu massakru mit-tfal ta’ Betlehem. Dik id-darba Ġesù ħarab il-qilla tagħhom. Imma kien biss għal żmien qasir. Ħajtu diġà kienet imdendla b’xagħra. Fil-biki ta’ Rakel għal uliedha li m’għadhomx iżjed, bħal tinstema’ l-profezija tad-dulur li Xmun kellu jħabbar lil Marija (ara Mt 2:16-18; Lq 2:34-35).

 

Talba

 

Mulej Ġesù, Iben l-iktar maħbub, li ġejt iżżurna, imxejt fostna u għamilt il-ġid, u li tajt lura l-ħajja lil min għex fid-dell tal-mewt, inti tafhom lil qlubna mħawda.

 

Aħna nsostnu li aħna ħbieb tas-sewwa u tal-valur tal-ħajja. Iżda aħna midinbin u msieħba mal-mewt.

 

Insejħu lilna nfusna dixxipli, iżda nieħdu toroq li jintilfu ’l bogħod mill-ħsibijiet tiegħek, ’il bogħod mill-ġustizzja u mill-ħniena tiegħek.

 

Titlaqniex għall-vjolenzi tagħna.

 

Agħmel li l-paċenzja tiegħek magħna ma tinħela qatt.

 

Eħlisna mill-ħażen!

 

Missierna

 

Poplu tiegħi, fiex inqastek? Fiex irrabjajtek? Weġibni.

 

 

It-Tieni Stazzjon: Ġesù miċħud minn Pietru

 

Mill-Evanġelju skont San Luqa:

Għaddiet xi siegħa u reġa’ kien hemm ieħor li beda jisħaq u jgħid: “Iva, tassew, dan ukoll kien miegħu, għax dan ukoll mill-Galilija”. Iżda Pietru qallu: “Ma nafx x’inti tgħid, sieħeb”. U minnufih, kif kien għadu jitkellem, is-serduk idden. U l-Mulej dar u ħares lejn Pietru; u Pietru ftakar fil-kelma li l-Mulej kien qallu, ‘Illum, qabel ma jidden is-serduk, inti tkun ġa ċħadtni tliet darbiet’. U ħareġ ’il barra jibki b’qalbu maqsuma. (Lq 22:59-62)

 

Meditazzjoni

 

F’dawk is-sigħat kesħin tal-lejl, fil-bitħa tas-Sinedriju, Pietru u xi oħrajn kienu qegħdin għas-sħana madwar in-nar, b’geġwiġija ta’ nies deħlin u ħerġin madwarhom.

 

Ġewwa, kienu qed jiddeċiedu x’se jiġri minn Ġesù, waqt li kien qed jaffaċċja lil dawk li akkużawh. Se jitolbu li jinqatel.

 

Bħalma jogħla l-livell tal-ilma baħar, hekk kienet qed tiżdied l-ostilità lejh. Kif tinħaraq ftila, il-mibegħda bdiet tixgħel u toktor. Dalwaqt il-folla se titlob bi ħġarha lil Pilatu jeħles lil Barabba u jikkundanna lil Ġesù.

 

Diffiċli tgħid li int ħabib ta’ kkundannat għall-mewt mingħajr ma tħoss tkexkixa ta’ biża’. Il-fedeltà ta’ Pietru ma żammitx soda xħin sema’ l-kliem mimli suspetti tal-qaddejja.

 

Li jammetti li kien dixxiplu tar-rabbi mill-Galilija kien ifisser li jagħti iktar importanza lill-fedeltà lejn Ġesù milli lil ħajtu! X’kuraġġ trid biex tagħmel hekk, il-verità diffiċli li ssib min jixhed għaliha… Il-bniedem hu magħmul b’tali mod li ħafna drabi jippreferi gidba; u Pietru bniedem bħalna. Jiċħad, għal tliet darbiet. Imbagħad għajnejh jiltaqgħu ma’ ta’ Ġesù. U d-dmugħ jinżel, morr imma fl-istess ħin ħelu, bħal ilma li jnaddaf il-ħmieġ.

 

Dalwaqt, ftit tal-jiem oħra, meta jerġa’ jkun ħdejn in-nar, fuq xatt ix-xmara, Pietru se jagħraf lill-Mulej tiegħu li qam mill-mewt, u dan se jgħidlu jirgħa l-merħla tiegħu. Pietru jara l-maħfra bla qies li l-Irxoxt jagħti lil kull ċaħda min-naħa tagħna. U minn dakinhar jibda jagħmel parti minn fedeltà sħiħa li ’l quddiem se tħallih jaċċetta l-mewt tiegħu stess, bħala offerta magħquda ma’ dik ta’ Kristu.

 

Talba

 

Mulej, Alla tagħna, int ridt li jkun Pietru, id-dixxiplu li ċaħad u li nħafer, li jintgħażel biex imexxi ’l-merħla tiegħek.

 

Immarka lil qlubna bil-fiduċja u bil-ferħ għax nafu li, fik, nistgħu naqsmu l-widien tal-biża’ u l-infedeltà tagħna.

 

Agħmel li, bl-għajnuna ta’ Pietru, id-dixxipli kollha tiegħek ikunu xhieda tal-ħarsa li toffri lill-waqgħat tagħna. Ma jkun qatt li l-ebusija jew id-disperazzjoni tagħna jġibu fix-xejn il-Qawmien ta’ Ibnek!

 

Missierna

 

Kristu li mitt għad-dnubiet tagħna,

Kristu li qomt għall-ħajja tagħna,

nitolbuk, ħenn għalina.

 

 

It-Tielet Stazzjon: Ġesù u Pilatu

 

Mill-Evanġelju skont San Mark:

Filgħodu kmieni l-qassisin il-kbar iltaqgħu malajr max-xjuħ u mal-kittieba u mas-Sinedriju kollu biex jiftiehmu bejniethom. Imbagħad rabtu lil Ġesù, ħaduh u tawh f’idejn Pilatu. Il-qassisin il-kbar bdew jaqilgħu ħafna akkużi kontra tiegħu. Pilatu mbagħad, biex jogħġob lin-nies, telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh. (Mk 15:1,3,15)

 

Mill-Evanġelju skont San Mattew:

Meta mbagħad Pilatu ra li kollox kien għalxejn, anzi li aktarx kienet se tinqala’ xi rewwixta, qabad, ħasel idejh fl-ilma quddiem il-poplu u qal: “Jien m’iniex ħati ta’ dan id-demm: dan arawh intom!”. (Mt 27:24)

 

Mill-ktieb tal-Profeta Iżaija:

Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa, kull wieħed minna qabad triq għal rasu. U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll. (Iż 53:6)

 

Meditazzjoni

 

Ruma ta’ Ċesri Awgustu, in-nazzjon ċivilizzat, li bil-leġjuni tiegħu għandu l-missjoni li jaħkem lill-popli biex jibbenefikaw mill-ordni ġust li se jġibilhom.

 

Ruma, li permezz tal-persuna ta’ Pilatu, insibuha preżenti fil-Passjoni ta’ Ġesù. Pilatu, ir-rappreżentant tal-Imperatur, li jagħti garanzija ta’ drittijiet u ġustizzja fl-artijiet barranin.

 

Madankollu, hu l-istess Pilatu li jgħid li ma jsib ebda ħtija f’Ġesù, li jikkundannah għall-mewt. Fil-Pretorju fejn jixlu lil Ġesù, il-verità tixgħel: il-ġustizzja tal-pagani mhix aħjar minn dik tas-Sinedriju tal-Lhud!

 

Ġesù, dak li hu verament ġust, u li għal xi raġuni jiġbed fuqu l-ħsibijiet qattiela tal-qalb tal-bniedem, iġib flimkien lil-Lhud u lill-pagani. Imma dan iseħħ, għalissa, billi jagħmilhom kompliċi ndaqs fil-qtil tiegħu. Madankollu, jasal il-mument, anzi huwa qrib, li fih se jgħaqqadhom mill-ġdid b’mod differenti, permezz tas-Salib u ta’ maħfra li tasal lil kulħadd, Lhud u pagani, u tfejjaqhom kollha mit-tbeżżigħ u teħlishom mill-vjolenza tagħhom.

 

Biex nirċievu dan ir-rigal, għamlilna kundizzjoni waħda: irridu nammettu l-innoċenza tal-uniku Innoċenti, il-Ħaruf ta’ Alla mogħti bħala tpattija għad-dnubiet tad-dinja; irridu niċħdu l-preżunzjoni li għandna fina: “Jien m’iniex ħati ta’ dan id-demm”; irridu nammettu li għandna tort, b’fiduċja li mħabba bla qies tħaddanna lkoll, Lhud u pagani, u li Alla jsejjaħ lill-bnedmin kollha biex ikunu wliedu.

 

Talba

 

Mulej, Alla tagħna, quddiem Ġesù mogħti u kkundannat, ma nafu nagħmlu xejn għajr nitfgħu l-ħtija fuq l-oħrajn. Għal ħafna żmien aħna l-Insara tfajna l-piż tal-kundanna għall-mewt tiegħek fuq il-poplu tiegħek ta’ Iżrael. Għal ħafna żmien ma ndunajniex li għandna nagħrfu lilna nfusna bħala lkoll imseħbin fid-dnub, biex hekk inkunu lkoll mifdija permezz tad-demm ta’ Ġesù msallab.

 

Agħtina l-grazzja li f’Ibnek nagħrfu li hu l-Innoċenti, l-uniku wieħed fl-istorja kollha. Hu li aċċetta li jsir “dnub għalina” (ara 2 Kor 5:21), sabiex permezz tiegħu int tkun tista’ terġa’ ssibna, umanità mwielda mill-ġdid fl-innoċenza li biha inti ħlaqtna, u li fiha tagħmilna wliedek.

 

Missierna

 

Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

 

 

Ir-Raba’ Stazzjon: Ġesù Sultan tal-Glorja

 

Mill-Evanġelju skont San Mark:

Is-suldati ħaduh magħhom ġewwa fil-palazz, jiġifieri l-Pretorju, u sejħu r-riġment kollu. Libbsuh ilbies aħmar skur, u qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk. U bdew isellmulu: “Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!”. (Mk 15:16-18)

 

Mill-ktieb tal-Profeta Iżaija:

Ebda sura ma kellu, u ebda ġmiel biex inħarsu lejh, jew xi sura biex nitgħaxxqu bih. Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard, bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh. Iżda hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat, mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn. (Iż 53:2-4)

 

Meditazzjoni

 

Kemm hu banali l-ħażen. Ma jingħaddux l-irġiel, in-nisa u saħansitra t-tfal abbużati, umiljati, ittorturati, maqtula, kullimkien u f’kull żmien tal-istorja.

 

Ġesù ma jużax id-divinità tiegħu biex jipproteġi lilu nnifsu, imma jidħol minn jeddu fil-wied tas-sofferenzi li l-bniedem kapaċi jikkawża lill-bnedmin l-oħra. Jaf xi jħossu l-umiljati u l-imżebilħin abbandunati.

 

Imma x’ġid tista’ tagħmel it-tbatija ta’ innoċenti ieħor?

 

Dak li huwa wieħed minna, qabel kollox huwa l-Iben maħbub tal-Missier, li ġie biex iwettaq il-ġustizzja sħiħa permezz tal-ubbidjenza tiegħu.

 

U f’waqt wieħed, is-sinjali kollha jinqalbu. Il-kliem u ż-żebliħ ta’ dawk li kienu qed isawtuh – x’paradoss! – juruna l-verità li ħadd ma jista’ jmeriha: dik li Ġesù huwa l-uniku Sultan, u dan jidher permezz ta’ mħabba li ma riedet taf b’xejn iktar għajr bir-rieda tal-Missier, u bix-xewqa tiegħu li kull bniedem jiġi mifdi. “Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti. […] Imbagħad jien għedt: ‘Hawn jien, ġej’. Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi li nagħmel ir-rieda tiegħek” (Salm 40:7-9).

 

Din is-siegħa tal-Ġimgħa l-Kbira tgħidilna dan: glorja waħda hemm f’din id-dinja jew fl-oħra, dik li tagħraf u twettaq ir-rieda tal-Missier. Ħadd minna ma jista’ jkollu ambizzjoni ta’ dinjità iktar għolja minn dik li jkun iben permezz ta’ dak li għalina obda sal-mewt tas-Salib.

 

Talba

 

Mulej, Alla tagħna, nitolbuk: f’dan il-jum qaddis li fih ir-Rivelazzjoni tasal għall-milja tagħha, farrak l-idoli fina u fid-dinja tagħna. Int taf tajjeb is-setgħa li għandhom fuq moħħna u f’qalbna.

 

Farrak il-figuri foloz li hemm fina tas-suċċess u tal-glorja.

 

Farrak ix-xbieha li dejjem għandna ta’ Alla li jaħdem skont l-ideat tagħna, Alla mbiegħed, tant imbiegħed mill-wiċċ li rrivelalna fil-Patt u li llum jidher f’Ġesù, u jmur lil hinn minn kull tbassir, hu ogħla minn kull tama. Dak li ngħidu li hu “d-dija tal-glorja [tiegħek]” (Lhud 1:3).

 

Agħmel li nidħlu fil-glorja ta’ dejjem, li tħallina nifirħu b’Ġesù mlibbes bl-aħmar u nkurunat bix-xewk, is-Sultan tal-glorja li jgħanni s-Salm: “Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem, ħa jidħol is-Sultan tal-glorja!” (24:9).

 

Missierna

 

Intrefgħu, bibien,

infetħu, intom bibien ta’ dejjem,

ħa jidħol is-Sultan tal-glorja.

 

 

Il-Ħames Stazzjon: Ġesù jġorr is-Salib

 

Mill-ktieb tal-Lamentazzjonijiet:

U intom ilkoll li għaddejjin mit-triq, ħarsu sewwa u araw jekk hawnx hemm bħal hemmi, li waqa’ fuqi; li bih il-Mulej għabbieni fil-jum ta’ saħnet għadbu. (Lam 1:12)

 

Mis-Salm 146:

Hieni min f’Alla ta’ Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu, min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu, […] Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin; il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja; il-Mulej li jerfa’ lill-milwijin; […] il-Mulej li jħares lill-barranin; hu li jżomm lill-iltim u lill-armla. (Salm 146:5,7-8,9)

 

Meditazzjoni

 

Tul it-triq iebsa lejn il-Golgota, Ġesù ma tgħabbiex bis-salib daqslikieku trofew! Hu ma jixbah xejn lill-eroj li fl-immaġinazzjoni tagħna jirbħu fuq l-għedewwa kefrin tagħhom.

 

Hu mexa pass pass, bilmod, b’ġismu dejjem aktar għajjien. Ħass laħmu dejjem aktar jitħaffer bl-injama tas-sagrifiċċju, saqajh iċedu taħt it-tagħbija.

 

Minn ġenerazzjoni għal oħra, il-Knisja mmeditat din it-triq miżgħuda bit-tfixkil u bil-waqgħat.

 

Ġesù jaqa’, jerġa’ jqum, jerġa’ jaqa’, bla saħħa jkompli miexi, aktarx taħt id-daqqiet tas-suldati li għandu miegħu, għaliex hu hekk li għandhom jittrattaw, anzi, jimmaltrattaw, lill-ikkundannati f’din id-dinja.

 

Dak li qajjem fuq saqajhom lill-mifluġin, li ddritta lill-mara mgħawġa, qajjem mill-mewt lil bint Ġajru, qajjem fuq saqajhom ħafna morda, arah illum mgħaddas fit-trab.

 

L-Ogħla wieħed jinsab mal-art.

 

Ejja nżommu ħarsitna fuq Ġesù. Permezz tiegħu, l-Għoli jgħallimna li fl-istess ħin – ħaġa li ma titwemminx – huwa l-aktar Umli, lest li jinżel sa ħdejna, iktar ’l isfel jekk hemm bżonn, biex b’hekk ħadd qatt ma jintilef fl-iktar livell baxx tal-miżerja tiegħu nnifsu.

 

Talba

 

Mulej, Alla tagħna, inti tinżel fil-fond tal-lejl tagħna, mingħajr ma qatt tgħid “daqshekk” għall-umiljazzjoni, għaliex huwa hekk li tasal fil-qiegħ ta’ ħajjitna, fejn spiss hemm l-ingratitudni, u ħafna drabi t-tifrik.

 

Nitolbuk bil-ħniena: agħmel li l-Knisja tiegħek tkun xhud li l-Ogħla u l-Iktar Umli għandhom fik l-istess wiċċ. Agħtiha l-grazzja li lil dawk kollha li jaqgħu, twasslilhom il-Bxara t-tajba: m’hemmx waqgħa li tista’ tbegħedna mill-ħniena tiegħek; m’hemmx telfa, m’hemmx abbiss tant fond li fih int ma tistax issib lil min intilef.

 

Missierna

 

Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.

 

 

Is-Sitt Stazzjon: Ġesù u Xmun minn Ċireni

 

Mill-Evanġelju skont San Luqa:

Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba’, u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù. (Lq 23:26)

 

Mill-Evanġelju skont San Mattew:

“Meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?”. (Mt 25:37-39)

 

Meditazzjoni

 

Ġesù jaqa’ tul it-triq, ġismu mgħaffeġ taħt it-toqol tas-salib. Imma jrid jibqa’ għaddej, jimxi, u jibqa’ miexi, għaliex is-suldati jridu jwassluh fuq il-Golgota, “post il-qorriegħa”, mistkerrah tant, ’il barra mill-ħitan tal-belt.

 

F’dak il-ħin jgħaddi minn hemm raġel b’saħħtu. Jidher li m’għandux x’jaqsam ma’ dak li qed jiġri hemm dakinhar. Sejjer lura lejn id-dar, ma jaf b’xejn dwar dak li qed jiġri lir-rabbi Ġesù, xħin iwaqqfuh is-suldati biex iġorr is-salib.

 

Tgħid x’kien jaf dwar dak l-ikkundannat meħud mis-suldati għall-mewt? X’seta’ kien jaf dwar dak li “ma kellux iktar sura ta’ bniedem”, bħall-qaddej bla sura ta’ Iżaija?

 

Ma nafu xejn dwar jekk ħax qatgħa, jew jekk forsi għall-ewwel irrifjutax, jew jekk Ġesù ġablux ħniena. L-Evanġelju ried iħallilna biss ismu: Xmun, minn Ċireni. Iżda l-Evanġelju ried iwasslilna isem dan il-Libjan u l-ġest tiegħu umli u ħanin, biex jgħallimna li, billi taffa mit-tbatija ta’ kkundannat għall-mewt, Xmun taffa mit-tbatija ta’ Ġesù, Bin Alla. Li ltaqa’ miegħu taħt is-sura ta’ skjav, sura li ħa għalina, kif ukoll għalih, biex jifdi lid-dinja. Mingħajr ma Xmun ikun jaf b’xejn.

 

Talba

 

Mulej, Alla tagħna, irrivelajtilna li f’kull fqir għeri, ħabsi, bil-għatx, huwa int li ġejt iżżurna, u huwa int stess li aħna nkunu nilqgħu, inżuru, inlibbsu u ngħinu jaqta’ l-għatx: “Kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:35-36).

 

Aħna nagħtuk, bħala offerta qaddisa, l-għemejjel tajba, ta’ akkoljenza u ta’ għotja li jseħħu kuljum f’din id-dinja. Nitolbuk tagħrafhom bħala l-vera umanità tagħna, li tgħajjat iktar minn kull għemil ta’ rifjut u ta’ mibegħda. Nitolbuk tbierek l-irġiel u n-nisa ta’ qalb tajba li jagħtuk glorja, imqar jekk għadhom ma jafux isejħulek.

 

Missierna

 

Kristu li mitt għad-dnubiet tagħna,

Kristu li qomt għall-ħajja tagħna,

nitolbuk, ħenn għalina.

 

 

Is-Seba’ Stazzjon: Ġesù u n-Nisa ta’ Ġerusalemm

 

Mill-Evanġelju skont San Luqa:

Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: “Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. […] Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?” (Lq 23:27-28,31)

 

Meditazzjoni

 

Il-biki li Ġesù ħalla għan-nisa ta’ Ġerusalemm, bħala wirja ta’ kompassjoni, huwa biki li ma jonqos qatt f’din id-dinja.

 

Dan jinżel, fis-skiet, ma’ ħaddejn in-nisa. Ħafna drabi, mingħajr lanqas biss jidher, f’qalbhom, bħad-dmugħ tad-demm li fuqu titkellem Katerina ta’ Siena.

 

Ma jfissirx li d-dmugħ għandu jkun biss għan-nisa, daqslikieku x-xorti tagħhom hi li jibku b’mod passiv u impotenti, fi storja li fiha l-irġiel, waħidhom, imsejħin jiktbu.

 

Fil-fatt il-biki tagħhom jilqa’ fih ukoll, anzi fuq kollox, il-biki moħbi u mhux imsemmi, f’dinja li fiha hemm ħafna għal xiex tibki. Il-biki tat-tfal imwerwrin, tal-midrubin fuq il-kampijiet tal-battalja li jsejħu għal omm, il-biki solitarju tal-morda u tal-agonizzanti li ma jafux x’ġej għalihom. Biki ta’ telfien, li jġelben fuq wiċċ din id-dinja li nħolqot, fil-bidu nett, għall-biki ta’ ferħ, ferħ tal-irġiel u n-nisa, flimkien.

 

U anki Etty Hillesum, Iżraeljana b’karattru sod, li baqgħet wieqfa fit-tempesta tal-persekuzzjoni Nażista, li ddefendiet sal-aħħar is-sbuħija tal-ħajja, issefsfilna f’widnejna dan is-sigriet li hi skopriet lejn l-aħħar tal-mixja tagħha: fuq wiċċ Alla nnifsu hemm dmugħ li għandu bżonn il-faraġ, meta dan jibki għall-miżerja li fiha jinsabu wliedu. Filwaqt li l-infern joħnoq id-dinja, hi tasal titlob lil Alla u tgħidlu: “Nipprova ngħinek”. Kuraġġ tant femminili daqskemm hu divin!

 

Talba

 

Mulej, Alla tagħna, Alla tal-ħlewwa u tal-pjetà, Alla mimli mħabba u fedeltà, għallimna, fil-ġranet ta’ ferħ, ma ninsewx id-dmugħ tal-foqra li jsejħulek u li jitolbuna l-għajnuna. Għallimna ma nibqgħux għaddejjin b’mod indifferenti minn ħdejhom. Għallimna l-kuraġġ biex nibku magħhom. Għallimna wkoll, fil-lejl tas-sofferenza, tas-solitudni u tad-delużjoni tagħna, nisimgħu l-kelma ta’ grazzja li int tarraftilna fuq il-muntanja: “Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa” (Mt 5:4).

 

Missierna

 

Kristu li mitt għad-dnubiet tagħna,

Kristu li qomt għall-ħajja tagħna,

nitolbuk, ħenn għalina.

 

 

It-Tmien Stazzjon: Ġesù mneżża’ minn Ħwejġu

 

Mill-Evanġelju skont San Ġwann:

Is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qasmuh f’erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika. (Ġw 19:23)

 

Mill-ktieb ta’ Ġob:

“Għeri ħriġt minn ġuf ommi, għeri nerġa’ mmur hemm”. (Ġob 1:21)

 

Meditazzjoni

 

Il-ġisem umiljat ta’ Ġesù jiġi mneżża’. Espost għall-ħars ta’ żebliħ u ta’ disprezz. Il-ġisem ta’ Ġesù miżgħud pjagi u ddestinat għas-sagrifiċċju estrem tal-mewt fuq is-salib. Bħala bniedem, x’tista’ tagħmel aktar milli tbaxxi għajnejk biex ma żżidlux mal-umiljazzjoni?

 

Iżda l-Ispirtu jgħinna biex ma nħossuniex mitlufin. Jgħallimna nifhmu l-lingwa ta’ Alla, il-lingwa tal-kenosi, Alla li jinżel biex ikun qribna, aħna fejn aħna. It-teologu Ortodoss Christos Yannaras fuq din il-lingwa ta’ Alla jgħidilna: “Il-lingwa tal-kenosi: Ġesù tarbija għeri fil-maxtura; għeri fix-xmara meta jitgħammed, bħal qaddej; imdendel mas-siġra tas-salib, għeri, daqslikieku kriminal. B’dan kollu hu wera biċ-ċar imħabbtu għalina”.

 

Xħin nidħlu f’dan il-misteru ta’ grazzja, inkunu nistgħu nħarsu mill-ġdid lejn il-ġisem kollu ġrieħi ta’ Ġesù. U nkunu nistgħu nibdew nintebħu b’dak li għajnejna waħidhom ma jistgħux jaraw: l-għera tiegħu tiddi bl-istess dija li ħarġet minn ħwejġu fil-mument tat-Trasfigurazzjoni.

 

Dawl li jirbaħ kull dlam.

 

Dawl irreżistibbli tal-imħabba li tibqa’ sal-aħħar.

 

Talba

 

Mulej, Alla tagħna, inpoġġulek quddiem għajnejk il-folla immensa ta’ bnedmin ittorturati, ir-ringiela twaħħxek ta’ iġsma mmaltrattati, jitriegħdu bil-biża xħin jafu li resqin id-daqqiet, u li jinsabu agonizzanti fi nħawi mill-iktar baxxi u maħmuġin.

 

Nitolbuk bil-ħniena, isma’ l-karba tagħhom.

 

Il-ħażen iħallina bla kliem u bla għajnuna.

 

Imma inti taf dak li aħna ma nafuhx. Taf issib mogħdija fil-konfużjoni u d-dlam tal-ħażen. Taf iġġib id-dija, kif għamilt diġà fil-Passjoni ta’ Ibnek il-maħbub, permezz tal-qawmien li jġib il-ħajja.

 

Kattar fina l-fidi!

 

Itfa’ ħarstek ukoll fuq il-furja ta’ min jittortura u ta’ dawk li jikkmandawhom.

 

Din ukoll tħallina bla kliem… Ħlief dak li nużaw biex nitolbuk, bi ħrara kbira, bid-dmugħ f’għajnejna, permezz tal-kliem tat-talba li int stess għallimtna: “Eħlisna mid-deni!”.

 

Missierna

 

Kristu li mitt għad-dnubiet tagħna,

Kristu li qomt għall-ħajja tagħna,

nitolbuk, ħenn għalina.

 

 

Id-Disa’ Stazzjon: Ġesù Msallab

 

Mill-Evanġelju skont San Luqa:

Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug. U Ġesù qal: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. (Lq 23:33-34)

 

Mill-ktieb tal-Profeta Iżaija:

Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna. (Is 53:5)

 

Meditazzjoni

 

Alla verament jinsab hemm fejn suppost mhux!

 

L-Iben maħbub, il-Qaddis ta’ Alla, huwa dak il-ġisem espost fuq is-salib tal-mistħija, abbandunat fid-diżunur, bejn żewġ ħallelin. Bniedem mimli uġigħ, li ta’ min jitbiegħed minnu; ngħidu l-verità, bħalma nitbiegħdu minn ħafna bnedmin bla sura li niltaqgħu magħhom fit-toroq tagħna.

 

Il-Verb ta’ Alla, li fih kollox inħoloq, issa mhu xejn għajr ġisem silenzjuż u sofferenti. Il-krudeltà tagħna l-bnedmin infexxet fih, u rebħet.

 

Iva, Alla jinsab hemm fejn suppost mhux u fejn, xorta waħda, aħna tant għandna bżonn li jkun!

 

Ġie biex jaqsam ħajtu magħna. “Ħudu!”, qal bla waqfien, waqt li offra l-fejqan lill-morda, il-maħfra lill-qlub itturmentati, ġismu waqt l-ikla tal-Għid.

 

Iżda sab ruħu f’idejna, f’territorju ta’ mewt u vjolenza: dik li tħallina bla kliem meta naraw dak li qed jiġri attwalment fid-dinja; u dik li tinsab f’kull wieħed u waħda minna. Dan kienu jafuh sewwa l-monaċi maqtulin f’Tibhirine, li mat-talba: “Neħħilhom l-armi”, żiedu s-supplika: “u neħħihom lilna!”.

 

Kien hemm bżonn li l-ħlewwa ta’ Alla żżur l-infern tagħna. Dan kien l-uniku mod biex jeħlisna mill-ħażen.

 

Kien hemm bżonn li Ġesù Kristu jwassal it-tjubija bla qies ta’ Alla fil-qalba tad-dnub tad-dinja.

 

Kien hemm bżonn li jseħħ dan biex, meta mqabbla mal-ħajja ta’ Alla, il-mewt taqa’ lura u ċċedi, bħal għadu li sab lil min hu aqwa minnu u għeb fix-xejn.

 

Talba

 

Mulej, Alla tagħna, ilqa’ t-tifħir silenzjuż tagħna.

 

Bħalma r-rejiet jagħlqu ħalqhom quddiem l-għemil tal-Qaddej irrivelat fil-profezija ta’ Iżaija (ara Iż 52:15), nibqgħu bla kliem quddiem il-Ħaruf offrut sagrifiċċju għall-ħajja tagħna u tad-dinja; u nammettu li permezz tal-pjagi tiegħu, aħna lkoll fiqna. “Xi nrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi? […] Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr, u isem il-Mulej insejjaħ” (Salm 116:12,17).

 

Missierna

 

Kristu li mitt għad-dnubiet tagħna,

Kristu li qomt għall-ħajja tagħna,

nitolbuk, ħenn għalina.

 

 

L-Għaxar Stazzjon: Ġesù mgħoddi biż-żmien fuq is-Salib

 

Mill-Evanġelju skont San Luqa:

Il-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud, salva lilek innifsek!”. Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: ‘Dan huwa s-sultan tal-Lhud’. Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna”. (Lq 23:35-39)

 

U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż.” […] “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. Għax hemm miktub li […] [l-anġli] fuq idejhom jerfgħuk”. (Lq 4:3,9-11)

 

Meditazzjoni

 

Ġesù, kieku ried, ma setax jinżel minn fuq is-salib? Bilkemm nissugraw nistaqsuha lilna nfusna din il-mistoqsija: l-Evanġelju ma jpoġġihiex fuq xufftejn dawk li ma jemmnux?

 

Madankollu tibqa’ hemm f’moħħna, għaliex għadna nagħmlu parti mid-dinja tat-tentazzjonijiet, dawk li Ġesù ltaqa’ magħhom fl-erbgħin jum fid-deżert, preludju u bidu tal-ministeru tiegħu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż, inxteħet minn hawn għal isfel, għax Alla jħares lill-maħbubin tiegħu”. Iżda sakemm, mgħammdin bil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu, nimxu warajh fit-triq it-tajba, it-tiġrib tax-Xitan m’għandux iktar setgħa fuqna, jisfa fix-xejn, il-qerq tiegħu mikxuf.

 

B’dan il-mod naraw il-bżonn ta’ dik il-“Ma kellux il-Messija jbati?” (Lq 24:26) li Ġesù qagħad jispjega, b’tant paċenzja u ħrara, lil dawk li kienu mexjin fit-triq lejn Għemmaws.

 

“Ma kellux” Kristu jidħol f’din is-sitwazzjoni ta’ ubbidjenza u impotenza, biex jilħaqna fis-sitwazzjoni ta’ impotenza li fiha qegħdin, minħabba d-diżubbidjenza tagħna?

 

B’dan il-mod nibdew nifhmu li “huwa biss Alla li jbati li jista’ jsalva”, kif kiteb Dietrich Bonhoeffer ftit xhur qabel ma nqatel. Hu li ra b’għajnejh sa fejn setgħet tasal il-qawwa tal-ħażen, seta’ jiġbor, f’din il-verità sempliċi u tant qawwija, dak li tistqarr il-fidi Nisranija.

 

Talba

 

Mulej, Alla tagħna, min se jeħlisna mill-perikli tal-poter kif tarah id-dinja? Min se jeħlisna mill-oppressjoni tal-gideb, li jġegħluna ntellgħu fuq pedestall lil min għandu l-poter u niġru, aħna wkoll, wara glorja li hi biss falza?

 

Int biss tista’ ddawwar lil qlubna.

 

Int biss tista’ turina kif inħobbu l-mogħdijiet tal-umiltà.

 

Int biss…, li turina li ma teżistix rebħa jekk mhux fl-imħabba, u li l-bqija mhux ħlief tiben li jtir mar-riħ, illużjoni li tgħib quddiem il-verità tiegħek.

 

Nitolbuk, Mulej, ġib fix-xejn il-gideb li qed jipprova jsaltan f’qalbna u fid-dinja.

 

Għinna ngħixu skont it-triqat tiegħek, biex b’hekk id-dinja tagħraf il-qawwa tas-Salib.

 

Missierna

 

Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

 

 

Il-Ħdax-il Stazzjon: Ġesù u Ommu Marija

 

Mill-Evanġelju skont San Ġwann:

Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek”. Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok”. U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu. (Ġw 19:25-27)

 

Meditazzjoni

 

Anki Marija waslet fi tmiem il-mixja tagħha. Wasal dak il-jum li dwaru kellimha x-xwejjaħ Xmun. Meta kien għolla, b’idejh jitriegħdu, lit-tfajjel, u meta r-ringrazzjament tiegħu beda jitwal u żied kliem misterjuż, li kien jinseġ flimkien niket u tama, uġigħ u fidwa.

 

“Ara”, qal, “dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna” (Lq 2:34-35).

 

Kienet diġà l-laqgħa mal-anġlu li wasslet biex tibqa’ tinstema’ f’qalbha t-tħabbira tal-għaġeb: Alla kien għażel lilha biex jingħata bidu għal dak li kien wiegħed lil Iżrael, “dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet” (1 Kor 2:9; ara Iż 64:3). U hi kienet aċċettat li tieħu sehem f’dan il-pjan divin, li kien se jibda minn ġisimha stess u li mbagħad se timxi miegħu fit-toroq mhux mistennija li minnhom kellu jgħaddi l-iben imwieled mill-ġuf tagħha.

 

Tul il-jiem hekk ordinarji ta’ Nazaret, imbagħad fi żmien il-ħajja pubblika, meta kien hemm bżonn li tħalli l-post għall-familja l-oħra, dik tad-dixxipli, dawk il-barranin li Ġesù kien isejjaħ aħwa u ommijiet. Hi kienet għożżot dan kollu f’qalbha. Kienet fdat kollox fil-paċenzja li ġġib magħha l-fidi.

 

Illum jingħalaq kollox. Il-lanza li tinfed il-kustat ta’ Binha, tinfed lil qalbha wkoll. Marija wkoll tgħix il-fidi b’mod sħiħ, l-istess fidi li Ġesù jgħix sal-aħħar billi jobdi lill-Missier.

 

Wieqfa, hi ma titbegħidx. Stabat Mater. Fid-dlam, imma ċerta, taf li Alla jżomm il-wegħdiet tiegħu. Fid-dlam, imma ċerta, taf li Ġesù hu l-wegħda u t-twettiq tagħha.

 

Talba

 

Marija, Omm Alla u mara mill-istess razza tagħna, int l-omm li tagħtina l-ħajja permezz ta’ dak li int tajtu l-ħajja, żomm sħiħa l-fidi tagħna fis-sigħat tad-dlamijiet, għallimna nittamaw kontra kull tama.

 

Ħu ħsieb il-Knisja kollha u għasses fuqha b’fedeltà. Dik il-fedeltà tiegħek, umli u doċli għall-ħsibijiet ta’ Alla, li jwassluna hemm fejn qatt ma nobsru li se mmorru; li jseħbuna, b’modi li qatt ma konna nistennew, mat-twettiq tal-fidwa.

 

Missierna

 

Salve, Regina, mater misericordiae;

vita, dulcedo et spes nostra, salve.

 

 

It-Tnax-il Stazzjon: Ġesù jmut fuq is-Salib

 

Mill-Evanġelju skont San Ġwann:

[Ġesù] qal: “Għandi l-għatx!”. Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, waħħluha ma’ qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: “Kollox hu mitmum!”. Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu. […] Meta waslu għal Ġesù, billi raw li kien ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. Madankollu, wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma. Dan qiegħed jixhdu min ra b’għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija minnha. Hu jaf li qiegħed jgħid il-verità, biex intom ukoll temmnu. (Ġw 19:28-30,33-35)

 

Meditazzjoni

 

Kollox hu mitmum. Ġesù għamel dak li kellu jagħmel. Hu ġie mingħand il-Missier biex iwasslilna l-ħniena. Dan wettqu b’fedeltà li waslet sal-aktar punt għoli tal-imħabba. Kollox mitmum. Ġesù jrodd lura ruħu lill-Missier.

 

Minn barra, veru, kollox jidher jintemm fis-silenzju tal-mewt li jaqa’ fuq il-Golgota u fuq it-tlitt islaleb weqfin. F’dan il-jum li fih il-Passjoni tintemm, min għadda minn hemm, x’seta’ jaħseb, jekk mhux li Ġesù safa tellief? Il-waqgħa tat-tama li għamlet il-qalb lil ħafna, għamlet kuraġġ lill-foqra, tat dinjità lill-umiljati, u li kkonvinċiet lid-dixxipli li kien wasal iż-żmien li fih Alla kien se jżomm il-wegħdiet li kienu tkellmu fuqhom il-profeti. Kollox kien jidher mitluf, imġarraf, spiċċut.

 

Madankollu, f’nofs dan il-qtigħ il-qalb kollu, Ġwanni l-evanġelista jwassalna biex nitfgħu ħarsitna fuq dettall żgħir u jieqaf fuqu b’mod solenni. Demm u ilma jgelglu mill-kustat tal-Imsallab. Ħaġa tal-għaġeb! Il-ferita miftuħa mil-lanza tas-suldat tħalli joħorġu ilma u demm, li jfakkruna fil-ħajja u fit-twelid.

 

Il-messaġġ hu wieħed moħbi, imma li jfisser ħafna għall-qlub li kapaċi jiftakru. Mill-ġisem ta’ Ġesù tgelgel in-nixxiegħa li l-profeta ra ħierġa mit-Tempju. In-nixxiegħa li tikber u ssir xmara mdaqqsa, li bl-ilma tagħha tagħti l-ħajja lil dak kollu li ssib fi triqitha. Forsi mhux minnu li Ġesù darba qal li ġismu huwa t-tempju l-ġdid? U d-“demm tal-patt” jingħaqad mal-ilma. Forsi mhux minnu li Ġesù ddeskriva lil ġismu u demmu bħala ikel għall-ħajja ta’ dejjem?

 

Talba

 

Mulej Ġesù, f’dawn il-jiem qaddisa tal-misteru tal-Għid, ġedded fina l-ferħ tal-magħmudija.

 

Meta nimmeditaw fuq l-ilma u d-demm li jċarċru minn ġenbek, għallimna nagħrfu liema hi l-fonti ta’ ħajjitna, fuq liema mħabba hija msejsa l-Knisja tiegħek, liema tama aħna magħżulin u mibgħuta nxandru mad-dinja.

 

Hawn insibu l-fonti tal-ħajja li tnaddaf l-univers, hi u tgelgel mill-pjaga ta’ Kristu. Il-magħmudija tagħna għandha tkun l-unika glorja, waqt li, mistgħaġba, inroddu ħajr.

 

Missierna

 

Il-Ħaruf li kien maqtul

jistħoqqlu jirċievi l-qawwa, l-għana,

l-għerf u s-saħħa,

ġieħ, glorja u tifħir,

għal dejjem ta’ dejjem.

 

 

It-Tlettax-il Stazzjon: Ġesù jitniżżel mis-Salib

 

Mill-Evanġelju skont San Luqa:

[Ġużeppi minn Arimatija] niżżlu mis-salib, keffnu f’liżar, u qiegħdu f’qabar maqtugħ fil-blat, li fih kien għadu ma tqiegħed ħadd. (Lq 23:53)

 

Meditazzjoni

 

Ġesti mimlija għożża u ġieħ għall-ġisem imżeblaħ u umiljat ta’ Ġesù. Xi rġiel u nisa jsibu ruħhom f’riġlejn is-salib. Ġużeppi, minn Arimatija, raġel “tajjeb u ġust” (Lq 23:50), li jitlob il-ġisem lil Pilatu, kif jgħid San Luqa; Nikodemu, dak li kien mar għand Ġesù billejl, iżid San Ġwann; u xi nisa li, fidili sal-aħħar, qed jaraw dak li qed jiġri.

 

Il-meditazzjoni tal-Knisja żiedet magħhom lill-Verġni Marija, li ma setgħetx ma kinitx preżenti wkoll f’dan il-mument.

 

Marija, Omm tal-ħniena, li tilqa’ f’dirgħajha l-ġisem li twieled minnha u li miegħu mxiet, bil-ħlewwa u fis-silenzju, tul is-snin, bħalma kull omm tieħu ħsieb lil binha.

 

Issa, qed jagħtuha lura ġisem li sar bla qies, bla qies daqs id-dulur tagħha, bla qies daqs il-ħolqien ġdid, li ġej mill-passjoni u mill-imħabba li nifdu l-qlub tal-iben u tal-omm.

 

Fis-skiet kbir li waqa’ wara li waqaf l-għajat tas-suldati, iż-żebliħ tan-nies, u l-ħsejjes tat-tislib, il-ġesti issa juru biss ħlewwa u rispett. Ġużeppi jniżżel il-ġisem li jintelaq f’idejh. Igeżwru f’liżar, iqiegħdu f’qabar ġdid, f’post fil-qrib, bħal donnu lest apposta għalih.

 

Ġesù jittieħed minn idejn dawk li qatluh. Issa, fil-mewt, isib ruħu f’idejn mimlija ħlewwa u kompassjoni.

 

Il-vjolenza tal-qattiela issa tinsab ’il bogħod. Fejn seħħ il-qtil, issa reġgħet sabet postha l-ħlewwa.

 

Il-ħlewwa ta’ Alla u ta’ dawk li huma tiegħu, dawk il-qlub umli li Ġesù kien wegħedhom li tagħhom kienet se tkun l-art kollha. Ħlewwa li ssib il-bidu tagħha fil-ħolqien, speċjalment dak tal-bniedem xbieha ta’ Alla. Ħlewwa sat-tmiem, meta ħadd ma jxerred dmugħ iktar, meta l-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, għaliex kulħadd ikun għaraf lill-Mulej (ara Iż 11:6,9).

 

Għanja lil Marija

 

O Marija, tibkix iktar: ibnek, il-Mulej tagħna, raqad fis-sliem. U Missieru, fil-glorja, jiftaħ il-bieb tal-ħajja!

 

O Marija, ifraħ: Ġesù rxoxt rebaħ il-mewt!

 

Missierna

 

Fis-sliem tiegħek, Mulej, nimtedd u norqod;

u nqum: għax int tieqaf miegħi.

 

 

L-Erbatax-il Stazzjon: Ġesù fil-Qabar u n-Nisa

 

Mill-Evanġelju skont San Luqa:

In-nisa, li kienu ġew mill-Galilija ma’ Ġesù, marru wara Ġużeppi u raw il-qabar u kif kienu qiegħdu l-katavru; imbagħad reġgħu lura u ħejjew il-fwejjaħ u l-mirra. Is-Sibt għaddewh fil-mistrieħ, skont il-preċett tal-Liġi. (Lq 23:55-56)

 

Meditazzjoni

 

In-nisa telqu. Dak li kienu mxew miegħu, b’kuraġġ u premura, fit-toroq tal-Galilija, ma kienx għadu magħhom. Lilhom dik il-lejla ma ħalla xejn x’jagħmlilhom kumpanija, ħlief ix-xbieha li se tibqa’ magħhom tal-qabar u tal-liżar fejn issa jinsab mistrieħ. It-tifkira umli imma prezzjuża tal-jiem mimlijin fervur issa għebet. Solitudni u silenzju. Wara kollox, riesaq ix-Shabbat, u Iżrael mistieden jieqaf mix-xogħol, bħalma Alla waqaf meta temm il-ħolqien, li seħħ permezz tal-barka tiegħu.

 

Dakinhar seħħ tmiem ieħor; moħbi u misterjuż. Shabbat li fih ma jagħmlu xejn, fil-ġabra tal-qalb u fil-memorja miżgħuda bid-dmugħ. Jippreparaw ukoll il-fwejjaħ li bihom jagħtu l-aħħar tislima lill-ġisem tiegħu, l-għada, filgħodu kmieni.

 

Iżda, b’dak il-ġest, qegħdin biss jippreparaw irwieħhom biex jibbalzmaw it-tama tagħhom? U jekk Alla, bħala tweġiba għad-devozzjoni tagħhom, ippreparalhom xi ħaġa li qatt ma setgħu jimmaġinaw, jissoponu, jobsru?… Is-sejba ta’ qabar vojt… Il-messaġġ li hu m’għadux hemm, għax ġarraf il-bibien tal-mewt…

 

Talba

 

Mulej, Alla tagħna, itfa’ ħarstek u bierek il-ġesti kollha tan-nisa li f’din id-dinja jagħtu ġieħ lill-iġsma fraġli li huma jieħdu ħsieb bi ħlewwa u b’ġieħ.

 

U lilna, li mxejna miegħek tul din it-triq ta’ mħabba li tibqa’ għal dejjem, ħu ħsiebna, man-nisa tal-Evanġelju, permezz tat-talba u tal-istennija li nafu li se jitwettqu fil-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù, li l-Knisja tiegħek waslet biex tiċċelebra fil-ferħ tal-lejl tal-Għid.

 

Missierna

 

Lilu glorja u qawwa għal dejjem ta’ dejjem!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta