| 
												 
												
												  
												
												
												
												
												DOKUMENT PREPARATORJU 
												
												
												
												
												TAL-XV-IL ASSEMBLEA ĠENERALI 
												ORDINARJA  
												
												
												
												
												TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET 
												
												
												
												
												BIT-TEMA  
												
												
												
												
												“IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IL-FIDI U 
												D-DIXXERNIMENT VOKAZZJONALI” 
												
												
												
												  
												
												
												
												13 ta’ Jannar 2017 
												
												
												
												  
												
												
												
												
												Introduzzjoni 
												
												
												
												“Għedtilkom 
												dan biex il-ferħ tiegħi jkun 
												fikom, u biex il-ferħ tagħkom 
												ikun sħiħ” 
												(Ġw 15:11): dan hu l-pjan ta’ 
												Alla għall-bnedmin ta’ kull 
												żmien u għalhekk anki 
												għaż-żgħażagħ  kollha tat-tielet 
												millennju, ħadd eskluż. 
												
												
												  
												
												
												
												Il-Knisja ġiet 
												fdata mill-Mulej bil-missjoni li 
												tħabbar il-ferħ tal-Vanġelu. 
												Is-Sinodu dwar 
												l-Evanġelizzazzjoni l-ġdida u 
												l-Eżortazzjoni Appostolika
												
												
												Evangelii gaudium affrontaw 
												it-tema ta’ kif se nwettqu din 
												il-missjoni fid-dinja tal-lum; 
												għat-tisħib tal-familji madwar 
												dan il-ferħ imbagħad ġew 
												iddedikati ż-żewġ Sinodi fuq 
												il-familja u l-Eżortazzjoni 
												Appostolika Postsinodali 
												
												
												Amoris lætitia. 
												
												
												  
												
												
												
												F’kontinwità ma’ din il-mixja, 
												permezz ta’ mixja sinodali ġdida 
												fuq it-tema: “Iż-żgħażagħ, 
												il-fidi u d-dixxerniment 
												vokazzjonali”, il-Knisja 
												ddeċidiet li tistaqsi lilha 
												nfisha fuq kif għandha ssieħeb 
												liż-żgħażagħ biex jagħrfu u 
												jilqgħu s-sejħa għall-imħabba u 
												għall-ħajja fil-milja tagħha, u 
												anki li titlob liż-żgħażagħ 
												infushom jgħinuha tidentifika 
												l-modi l-iżjed effikaċi kif 
												illum tista’ tħabbar il-Bxara 
												t-Tajba. Permezz taż-żgħażagħ, 
												il-Knisja tista’ tisma’ leħen 
												il-Mulej li jidwi anki llum. 
												Bħalma għamlu darba Samwel (ara 
												1 Sam 3:1-21) u Ġeremija (ara 
												Ġer 1:4-10), għandna żgħażagħ li 
												jafu jaqraw dawk is-sinjali ta’ 
												żmienna li qed juri l-Ispirtu. 
												Jekk nisimgħu x’inhuma x-xewqat 
												tagħhom, nistgħu nħarsu lejn 
												id-dinja ta’ għada li tinsab 
												quddiemna u t-toroq li l-Knisja 
												msejħa timxi. 
												
												
												  
												
												
												
												Is-sejħa għall-imħabba għal kull 
												wieħed u waħda tieħu bixra 
												konkreta fil-ħajja ta’ kuljum 
												permezz ta’ serje ta’ għażliet, 
												li jitlaħħmu fi stat ta’ ħajja 
												(żwieġ, ministeru ordnat, ħajja 
												kkonsagrata, u oħrajn), 
												professjoni, modi ta’ impenn 
												soċjali u politiku, stil ta’ 
												ħajja, tqassim tal-ħin u 
												tal-flus, u aktar. Sew jekk 
												wieħed jagħmilhom hu jew ikollu 
												joqgħod għalihom, sew jekk jaf u 
												sew jekk ma jafx x’qed jagħmel, 
												dawn huma għażliet li ħadd ma 
												jista’ jaħrab minnhom. L-għan 
												tad-dixxerniment vokazzjonali hu 
												li niskopru kif nibdluhom, 
												fid-dawl tal-fidi, f’passi lejn 
												il-milja tal-ferħ li aħna lkoll 
												imsejħa għaliha. 
												
												
												  
												
												
												
												Il-Knisja taf li għandha 
												f’idejha “dak li hu l-qawwa u 
												l-ġmiel taż-żgħażagħ: il-ħila li 
												tifraħ għal dak li għadu jibda, 
												li tingħata bla tistenna xejn 
												lura, li tiġġedded u li titlaq 
												itterraq mill-ġdid lejn kisbiet 
												ġodda” (Messaġġ tal-Konċilju 
												Vatikan II liż-żgħażagħ, 8 
												ta’ Diċembru 1965); l-għana 
												tat-tradizzjoni spiritwali 
												tagħha joffri ħafna għodod li 
												bihom tista’ ssieħeb 
												il-maturazzjoni tal-kuxjenza u 
												ta’ libertà awtentika. 
												
												
												  
												
												
												
												F’din il-perspettiva, b’dan id-Dokument 
												Preparatorju, qed tinfetaħ 
												il-fażi tal-konsultazzjoni 
												tal-Poplu kollu ta’ Alla. Id-Dokument 
												– indirizzat lis-Sinodu 
												tal-Isqfijiet u lill-Kunsilli 
												tal-Ġerarki tal-Knejjes 
												Orjentali Kattoliċi, 
												lill-Konferenzi Episkopali, 
												lid-Dikasteri tal-Kurja Rumana u 
												lill-Unjoni tas-Superjuri 
												Ġenerali – jagħlaq bi 
												kwestjonarju. Barra minn hekk, 
												hi maħsuba konsultazzjoni 
												maż-żgħażagħ kollha permezz ta’ 
												sit elettroniku, bi kwestjonarju 
												fuq ix-xewqat u l-ħajja tagħhom. 
												It-tweġibiet għaż-żewġ 
												kwestjonarji sa jkunu l-qafas 
												għat-tfassil tad-Dokument ta’ 
												ħidma jew Instrumentum 
												laboris, li jkun il-punt ta’ 
												riferiment għad-diskussjoni 
												tal-Padri Sinodali. 
												
												
												  
												
												
												
												Dan id-Dokument Preparatorju 
												jipproponi riflessjoni fi tliet 
												tappi. Jibda billi jindirizza 
												fil-qosor xi dinamiċi soċjali u 
												kulturali tad-dinja li fiha 
												ż-żgħażagħ jikbru u jieħdu 
												d-deċiżjonijiet tagħhom, biex 
												jipproponilna naqrawhom 
												mill-għajnejn tal-fidi. Imbagħad 
												jagħmel mixja mal-passaġġi 
												fundamentali tal-proċess ta’ 
												dixxerniment, li hu l-istrument 
												prinċipali li l-Knisja tħoss li 
												għandha toffri liż-żgħażagħ 
												biex, fid-dawl tal-fidi, jistgħu 
												jiskopru l-vokazzjoni tagħhom. 
												Fl-aħħar jiddiskuti l-punti 
												fundamentali ta’ pastorali 
												vokazzjonali maż-żgħażagħ. 
												Għalhekk dan mhux dokument 
												komplut, imma bħal mappa li trid 
												tgħin għal tiftixa li l-frott 
												tagħha jkun disponibbli biss fi 
												tmiem il-mixja sinodali. 
												
												
												  
												
												
												
												
												Fuq il-passi tad-dixxiplu 
												l-maħbub 
												
												
												
												Għal din il-mixja li qed nibdew, 
												noffru din l-ikona mill-Vanġelu: 
												l-Appostlu Ġwanni. Fil-qari 
												tradizzjonali tar-Raba’ Vanġelu 
												hu sew il-figura eżemplari 
												taż-żagħżugħ li jagħżel li jimxi 
												wara Ġesù, u sew “id-dixxiplu li 
												Ġesù kien iħobb” (Ġw 13:23; 
												19:26; 21:7). 
												
												
												  
												
												
												
												“[Ġwanni 
												l-Battista] 
												ħares lejn Ġesù li kien għaddej 
												minn hemm, u qal: ‘Araw il-Ħaruf 
												ta’ Alla’. Iż-żewġ dixxipli 
												semgħuh jgħid dan, u marru wara 
												Ġesù. Ġesù dar u rahom mexjin 
												warajh, u qalilhom: ‘Xi tridu?’. 
												Iżda huma staqsewh: ‘Fejn 
												toqgħod, Rabbi?’ – li tfisser 
												Mgħallem. Hu weġibhom: ‘Ejjew u 
												taraw’. U marru miegħu u raw 
												fejn kien joqgħod, u dakinhar 
												baqgħu miegħu. Kien ħabta 
												tal-għaxar siegħa” (Ġw 
												
												
												1:36-39). 
												
												
												  
												
												
												
												Huma u jfittxu li jagħtu sens 
												lil ħajjithom, żewġ dixxipli 
												tal-Battista jħossu lil Ġesù 
												jagħmlilhom il-mistoqsija li 
												tinfed lill-qalb tagħhom: “Xi 
												tridu?”. Għat-tweġiba tagħhom 
												“Fejn toqgħod, Rabbi? – li 
												tfisser Mgħallem”, tasal 
												l-istedina tal-Mulej: “Ejjew u 
												taraw” (vv. 38-39). Ġesù 
												fl-istess ħin isejħilhom għal 
												mixja tal-qalb u disponibbiltà 
												li tassew jiċċaqilqu minn 
												posthom, bla ma jafu sew dan 
												fejn sa jeħodhom. Tispiċċa tkun 
												laqgħa memorabbli, tant li 
												jiftakru saħansitra l-ħin li fih 
												seħħet (v. 39). 
												 
												
												
												  
												
												
												
												Grazzi għall-kuraġġ li kellhom 
												li jmorru u jaraw, id-dixxipli 
												daqu l-ħbiberija fidila ta’ 
												Kristu u setgħu jgħixu ta’ 
												kuljum miegħu, iħallu kliemu 
												jisfidahom u jnebbaħhom, u 
												l-ġesti tiegħu jolqtuhom u 
												jqanqluhom. 
												
												
												  
												
												
												
												Ġwanni, b’mod partikulari, ġie 
												msejjaħ ikun xhud tal-Passjoni u 
												l-Qawmien tal-Imgħallem tiegħu. 
												Fl-Aħħar Ikla (ara Ġw 13:21-29), 
												l-intimità tiegħu miegħu 
												wasslitu biex iserraħ rasu fuq 
												sider Ġesù u joqgħod għall-kelma 
												tiegħu. Meta ħa lil Xmun Pietru 
												fid-dar tal-Qassis il-Kbir, 
												kellu jaffronta l-lejl tal-prova 
												u tas-solitudni (ara Ġw 
												18:13-27). Taħt is-salib laqa’ 
												l-uġigħ kbir ta’ qalb tal-Omm, 
												li lilha ġie fdat, u ħa fuqu 
												r-responsabbiltà li jieħu 
												ħsiebha (ara Ġw 19:25-27). 
												Fl-għodwa tal-Għid hu qasam ma’ 
												Pietru l-ġirja ħosbiena u 
												mimlija tama lejn il-qabar vojt 
												(ara Ġw 21:1-10). Fl-aħħar nett, 
												f’dik is-sajda straordinarja 
												ħdejn l-għadira ta’ Tiberija 
												(ara Ġw 21:1-14), hu għaraf 
												lill-Irxoxt u ta xhieda tiegħu 
												lill-komunità. 
												
												
												  
												
												
												
												Il-figura ta’ Ġwanni tista’ 
												tgħinna nilqgħu l-esperjenza 
												tas-sejħa tagħna bħala proċess 
												progressiv ta’ dixxerniment 
												ġewwieni u ta’ maturazzjoni 
												fil-fidi, li jwassalna niskopru 
												l-ferħ tal-imħabba u l-ħajja 
												fil-milja tagħha fl-għotja 
												tagħna nfusna u fis-sehem tagħna 
												fix-xandir tal-Bxara t-Tajba.
												 
												
												
												
												 
 
												
												
												I 
												
												
												
												
												IŻ-ŻGĦAŻAGĦ FID-DINJA TAL-LUM 
												
												
												  
												
												
												
												Dan il-kapitlu ma 
												jagħmilx xi analiżi sħiħa 
												tas-soċjetà u tad-dinja 
												taż-żgħażagħ, imma jżomm quddiem 
												għajnejh ċerti riżultati ta’ 
												tiftix fil-qasam soċjali li 
												jiswew biex nistgħu naffrontaw 
												it-tema tad-dixxerniment 
												vokazzjonali, biex hekk 
												“inħalluh imiss il-ġewwieni 
												tagħna u joffri bażi konkreta 
												għall-mixja etika u spiritwali 
												li tiġi wara” 
												
												(Laudato sì, 
												15). 
												
												
												  
												
												
												
												Il-kwadru, imfassal fuq livell 
												universali, jitlob li jiġi 
												adattat għall-konkretezza 
												taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ 
												kull reġjun: imqar fil-preżenza 
												ta’ tendenzi globali, 
												id-differenzi bejn id-diversi 
												partijiet tal-pjaneta jibqgħu 
												jgħoddu. F’iktar minn sens 
												wieħed nistgħu naffermaw li hemm 
												pluralità ta’ dinjiet 
												taż-żgħażagħ, u mhux waħda. Fost 
												il-ħafna differenzi, hemm uħud 
												li jispikkaw b’mod partikulari. 
												L-ewwel waħda hi effett ta’ 
												dinamiċi demografiċi u tifred 
												il-pajjiżi ta’ rata għolja ta’ 
												twelid, fejn iż-żgħażagħ 
												jirrappreżentaw persentaġġ 
												sinifikanti u li qed jikber 
												tal-popolazzjoni, minn dawk fejn 
												il-piż demografiku qed jonqos. 
												Differenza oħra ġejja 
												mill-istorja, li turi li 
												l-pajjiżi u kontinenti ta’ 
												tradizzjoni Nisranija qadima, 
												fejn il-kultura ġġorr fiha 
												memorja li mhux ta’ min 
												jitlifha, huma differenti 
												mill-pajjiżi u l-kontinenti li 
												l-kultura tagħhom hi mmarkata 
												minn tradizzjonijiet reliġjużi 
												oħra u fejn il-Kristjaneżmu hu 
												preżenza minoritarja u spiss 
												riċenti. Fl-aħħar nett, ma 
												nistgħux ninsew id-differenza 
												bejn il-ġeneru maskil u dak 
												femminil: minn naħa dan 
												jiddetermina sensibbiltà 
												differenti, u mill-oħra hu 
												l-għajn ta’ għamliet ta’ ħakma, 
												esklużjoni u diskriminazzjoni li 
												s-soċjetajiet kollha għandhom 
												jaraw kif jeħilsu minnhom. 
												
												
												  
												
												
												
												Fil-paġni li ġejjin it-terminu 
												“żgħażagħ” jindika l-persuna ta’ 
												età bejn wieħed u ieħor bejn 
												is-16 u d-29 sena, fl-għarfien 
												li anki dan l-element jitlob 
												adattament għaċ-ċirkustanzi 
												lokali. Hu x’inhu, tajjeb 
												niftakru li ż-żgħożija, iktar 
												milli tidentifika kategorija ta’ 
												persuni, hi fażi tal-ħajja li 
												kull ġenerazzjoni terġa’ 
												tinerpreta b’mod uniku u 
												irripetibbli. 
												
												
												  
												
												
												
												1. 
												
												Dinja li qed 
												tinbidel b’rata mgħaġġla 
												
												
												
												Il-ħeffa tal-proċessi ta’ bidla 
												hi ċ-ċifra ewlenija li 
												tikkaratterizza s-soċjetajiet u 
												l-kulturi ta’ żmienna (ara 
												Laudato sì, 18). Iż-żwieġ 
												bejn il-kumplessità għolja u 
												l-bidla mgħaġġla jġibna 
												f’kuntest ta’ fluwidità u 
												inċertezza li qatt ma konna 
												doqna qabel: hu fatt li rridu 
												nassumu mingħajr ma niġġudikaw 
												minn qabel jekk din hix problema 
												jew opportunità. Din 
												is-sitwazzjoni titlob li nagħtu 
												ħarsa sħiħa u jkollna l-ħila 
												nipprogrammaw fit-tul, attenti 
												għas-sostenibbiltà u 
												għall-konsegwenzi li l-għażliet 
												li nagħmlu llum iħallu fi 
												żminijiet u mkejjen imbiegħda. 
												
												
												  
												
												
												
												Il-fatt li l-inċertezzi dejjem 
												jiżdiedu jaffettwa l-qagħda ta’ 
												vulnerabbiltà, jiġifieri kemm 
												il-faqar soċjali u kemm 
												id-diffikultajiet ekonomiċi, kif 
												ukoll in-nuqqas ta’ sigurtà li 
												qed jgħixu fih faxex kbar 
												tal-popolazzjoni. Fid-dinja 
												tax-xogħol, nistgħu naħsbu 
												fil-fenomeni tal-qgħad, 
												fiż-żieda fil-flessibbiltà u 
												fl-isfruttament fuq kollox ta’ 
												min hu taħt l-età, jew inkella 
												fil-kawżi politiċi, ekonomiċi, 
												soċjali u saħansitra ambjentali 
												li jispjegaw iż-żieda allarmanti 
												fl-għadd ta’ rifuġjati u 
												immigranti. Ħdejn il-ftit 
												ipprivileġġjati li għandhom 
												aċċess għall-opportunitajiet 
												offruti mill-proċessi ta’ 
												globalizzazzjoni ekonomika, 
												ħafna qed jgħixu f’qagħda ta’ 
												vulnerabbiltà u ta’ nuqqas ta’ 
												sigurtà, li għandha impatt fuq 
												il-mixjiet ta’ ħajjithom u fuq 
												l-għażliet tagħhom. 
												 
												
												
												  
												
												
												
												Fuq livell 
												globali, id-dinja tal-lum hi 
												mmarkata minn kultura 
												“xjentista”, spiss maħkuma 
												mit-teknoloġija u 
												mill-possibbiltajiet bla qies li 
												hi twiegħed li tiftaħ, li fih 
												ħdanhom imma “qed jimmultiplikaw 
												ruħhom il-forom ta’ niket u 
												solitudni li jaqgħu fihom 
												in-nies, kif ukoll tant 
												żgħażagħ” 
												(Misericordia et misera, 
												3). 
												
												Kif tgħallimna 
												l-Enċiklika 
												
												Laudato sì, 
												il-paradigma teknokratika 
												flimkien mat-tiftixa qarrieqa 
												għall-qligħ baxx qed joħolqu dik 
												il-kultura tal-iskart li 
												teskludi miljuni ta’ persuni, 
												fosthom ħafna żgħażagħ, u li 
												twassal għall-isfruttament bla 
												distinzjoni tar-riżorsi naturali 
												u għat-taħsir tal-ambjent, 
												b’theddida għall-futur 
												tal-ġenerazzjonijiet ta’ warajna 
												(ara 20-22). 
												
												
												
												  
												
												
												
												Imbagħad lanqas irridu 
												nittraskuraw il-fatt li ħafna 
												soċjetajiet huma dejjem iżjed 
												multikulturali u multireliġjużi. 
												B’mod partikulari l-preżenza 
												flimkien ta’ iżjed 
												tradizzjonijiet reliġjużi hi 
												sfida u opportunità fl-istess 
												ħin: jista’ jiżdied it-taħwid u 
												tikber it-tentazzjoni 
												tar-relattiviżmu, imma magħhom 
												tikber ukoll il-possibbiltà ta’ 
												konfront għammiel u għana 
												reċiproku. F’għajnejn il-fidi 
												dan jidher bħala sinjal ta’ 
												żmienna, li jitlobna nikbru 
												fil-kultura tas-smigħ, 
												tar-rispett u tad-djalogu. 
												
												
												  
												
												
												
												2. 
												
												
												Il-ġenerazzjonijiet il-ġodda 
												
												
												
												Min hu żagħżugħ illum qed jgħix 
												ħajtu b’mod differenti 
												mill-ġenerazzjonijiet 
												tal-ġenituri u l-edukaturi 
												tiegħu. Mhux biss is-sistema ta’ 
												rabtiet u opportunitajiet 
												tinbidel mal-bidliet ekonomiċi u 
												soċjali, imma jinbidlu wkoll, 
												fin fin, ix-xewqat, 
												il-ħtiġijiet, 
												is-sensibbiltajiet, il-mod ta’ 
												kif nirrelataw ma’ xulxin. Barra 
												minn hekk, jekk minn ċerta 
												perspettiva hu minnu li 
												bil-globalizzazzjoni ż-żgħażagħ 
												f’kull parti tad-dinja qed isiru 
												dejjem iżjed omoġenji, imma 
												jibqgħu, fil-kuntesti lokali, 
												partikularitajiet kulturali u 
												istituzzjonali li għandhom 
												konsegwenzi fil-proċess ta’ 
												soċjalizzazzjoni u tal-binja 
												tal-identità. 
												
												
												  
												
												
												
												L-isfida tal-multikulturalità 
												tolqot b’mod partikulari d-dinja 
												taż-żgħażagħ, ngħidu aħna 
												bil-partikularità tat-“tieni 
												ġenerazzjonijiet” (jiġifieri ta’ 
												dawk iż-żgħażagħ li jikbru 
												f’soċjetà u f’kultura differenti 
												minn dawk tal-ġenituri tagħhom, 
												minħabba fil-fenomeni 
												migratorji) jew tal-ulied ta’ 
												koppji b’xi mod “imħallta” 
												(mill-perspettiva etnika, 
												kulturali u/jew reliġjuża). 
												
												
												  
												
												
												
												F’ħafna partijiet tad-dinja 
												ż-żgħażagħ qed jgħixu 
												kundizzjonijiet partikularment 
												iebsa, fejn isir diffiċli 
												jagħmlu wisa’ għal għażliet 
												awtentiċi ta’ ħajja, fin-nuqqas 
												ta’ mqar l-iċken marġini ta’ 
												tħaddim tal-libertà. Jiġuna 
												f’moħħna ż-żgħażagħ f’qagħda ta’ 
												faqar u esklużjoni; dawk li 
												jikbru bla ġenituri jew familja, 
												jew m’għandhomx il-possibbiltà 
												li jmorru l-iskola; it-tfal u 
												ż-żgħażagħ tat-triq f’tant 
												periferiji; iż-żgħażagħ qiegħda, 
												mitlufa jew immigranti; dawk li 
												huma vittmi ta’ sfruttament, 
												traffikar jew jasar; it-tfal u 
												l-adolexxenti mġiegħla jissieħbu 
												ma’ gruppi kriminali jew armati 
												irregolari; il-bniet miżżewġa 
												jew tfajliet imġiegħla jiżżewġu 
												kontra r-rieda tagħhom. Huma 
												wisq fid-dinja dawk li 
												mit-tfulija jkollhom jgħaddu 
												direttament għall-età adulta u 
												għal irfigħ ta’ responsabbiltà 
												li ma tħallewx jagħżlu huma. 
												Spiss il-bniet, it-tfajliet u 
												ż-żgħażagħ nisa jkollhom 
												jaffrontaw diffikultajiet ikbar 
												minn sħabhom tal-istess etajiet. 
												
												
												  
												
												
												
												Grazzi għall-istudji li jsiru 
												fuq livell internazzjonali 
												nistgħu nidentifikaw ċerti 
												karatteristiċi prinċipali 
												fiż-żgħażagħ ta’ żmienna. 
												
												
												  
												
												
												
												Appartenenza
												
												
												u parteċipazzjoni 
												
												
												
												Iż-żgħażagħ ma jarawx lilhom 
												infushom bħala kategorija 
												żvantaġġata jew grupp soċjali li 
												rridu nipproteġuh u, allura, 
												bħala destinatarji passivi ta’ 
												programmi pastorali jew ta’ 
												għażliet politiċi. Mhux ftit 
												fosthom jixtiequ jkunu parti 
												attiva mill-proċessi ta’ bidla 
												tal-preżent, kif jikkonfermaw 
												dawk l-esperjenzi ta’ attività u 
												innovazzjoni minn isfel li jaraw 
												iż-żgħażagħ bħala protagonisti 
												ewlenin, jekk mhux ukoll uniċi. 
												
												
												
												  
												
												
												
												Id-disponibbiltà 
												għall-parteċipazzjoni u 
												għall-mobilitazzjoni f’għemejjel 
												konkreti, fejn is-sehem 
												personali ta’ kull wieħed u 
												waħda hu okkażjoni ta’ 
												rikonoxximent identitarju, 
												tidher fl-intolleranza għal 
												ambjenti fejn iż-żgħażagħ 
												iħossuhom, b’tort jew bir-raġun, 
												li ma jistgħux isibu spazju 
												għalihom jew ma jsibu xejn xi 
												jqanqalhom; dan jista’ 
												jwassalhom biex jibqgħu lura jew 
												isibuha bi tqila jixtiequ, 
												joħolmu u jipproġettaw, kif juri 
												t-tixrid tal-fenomenu tan-NEET (not 
												in education, employment or 
												training, 
												
												jiġifieri 
												żgħażagħ li mhumiex impenjati 
												f’attività ta’ studju, ta’ 
												xogħol jew ta’ formazzjoni 
												professjonali). Id-diskrepanza 
												bejn iż-żgħażagħ passivi u 
												qalbhom maqtugħa u dawk ta’ 
												inizjattiva u dinamiċi hi 
												l-frott tal-opportunitajiet 
												konkretement offruti lil kull 
												wieħed u waħda fi ħdan 
												il-kuntest soċjali u familjari 
												li fihom jikber, kif ukoll 
												tal-esperjenzi bis-sens, 
												relazzjonali u ta’ valur li 
												jkunu għaddew minnhom anki qabel 
												il-bidu taż-żgħożija. Barra 
												fil-passività, in-nuqqas ta’ 
												fiduċja fihom infushom u 
												fil-ħiliet tagħhom tista’ tidher 
												fi tħassib żejjed għad-dehra 
												tagħhom jew f’konformiżmu li 
												jċedi għall-moda tal-mument. 
												
												
												
												  
												
												
												
												Punti 
												
												
												ta’ 
												
												
												riferiment 
												personali 
												
												u 
												
												istituzzjonali 
												
												
												
												Bosta riċerka turi li ż-żgħażagħ 
												iħossu l-bżonn ta’ figuri ta’ 
												riferiment qrib tagħhom, 
												kredibbli, koerenti u onesti, 
												barra postijiet u okkażjonijiet 
												fejn jistgħu jippruvaw il-ħila 
												tagħhom li jirrelataw mal-oħrajn 
												(sew adulti, sew tal-istess età) 
												u jaffrontaw id-dinamiċi 
												affettivi. Ifittxu figuri li 
												jistgħu jesprimu sintonija u 
												joffrulhom tweżin, inkuraġġiment 
												u għajnuna biex jagħrfu l-limiti 
												tagħhom, bħal ma joqogħdu 
												jiġġudikawhom. 
												
												
												  
												
												
												
												Minn din il-perspettiva, ir-rwol 
												tal-ġenituri u l-familji jibqa’ 
												kruċjali u xi drabi 
												problematiku. 
												Il-ġenerazzjonijiet iżjed maturi 
												spiss jaslu biex jissottovalutaw 
												il-potenzjalitajiet, ikabbru 
												d-dgħufijiet u jsibuha bi tqila 
												jifhmu l-esiġenzi ta’ dawk iżjed 
												żgħażagħ. Ġenituri u edukaturi 
												adulti jaf ikollhom f’moħħhom 
												ukoll l-iżbalji tagħhom u x’ma 
												jixtiqux li ż-żgħażagħ jagħmlu, 
												imma spiss ma jkollhomx daqhekk 
												ċar quddiem għajnejhom kif 
												jistgħu jgħinuhom jorjentaw 
												ħarsithom lejn il-futur. Iż-żewġ 
												reazzjonijiet l-iżjed komuni 
												huma li jibqgħu ma jkunux 
												preżenti u l-impożizzjoni 
												tal-għażliet tagħhom fuqhom. 
												Ġenituri assenti jew protettivi 
												żżejjed idgħajfu iżjed lil 
												uliedhom u aktarx 
												jissottovalutaw ir-riskji jew 
												ikunu ossessjonati mill-biża’ li 
												jieħdu xi żball. 
												
												
												  
												
												
												
												Imma ż-żgħażagħ ma jfittxux biss 
												figuri ta’ riferiment adulti: hi 
												qawwija fihom ix-xewqa li 
												jikkonfrontaw ruħhom ma’ oħrajn 
												tamparhom. Għalhekk hu kbir 
												il-bżonn ta’ okkażjonijiet ta’ 
												interazzjoni ħielsa, ta’ 
												espressjoni affettiva, ta’ 
												edukazzjoni informali, ta’ 
												sperimentazzjoni ta’ rwoli u ta’ 
												ħiliet mingħajr tensjoni jew 
												ansjetà. 
												
												
												  
												
												
												
												Tendenzjalment kawti 
												fil-konfront ta’ dawk li huma ’l 
												barra miċ-ċirku 
												tar-relazzjonijiet personali, 
												iż-żgħażagħ spiss iħossu 
												sfiduċja, indifferenza u anki 
												stmerrija 
												għall-istituzzjonijiet. Dan mhux 
												biss fil-politika, imma jolqot 
												dejjem iżjed l-istituzzjonijiet 
												ta’ formazzjoni u l-Knisja, 
												fl-aspett istituzzjonali tagħha. 
												Jixtequha iktar qrib tan-nies, 
												iżjed attenta għall-problemi 
												soċjali, imma jafu li dan mhux 
												sa jseħħ minnufih. 
												
												
												  
												
												
												
												Dan kollu jiżvolġi f’kuntest 
												fejn l-appartenenza 
												konfessjonali u l-prattika 
												reliġjuża qed isiru dejjem iżjed 
												aspetti ta’ minoranza u 
												ż-żgħażagħ ma jeħduhiex 
												“kontra”, imma qed jitgħallmu 
												jgħixu “mingħajr” Alla kif 
												ippreżentat mill-Vanġelu u 
												“mingħajr” il-Knisja, sakemm ma 
												jafdawx ruħhom f’idejn għamliet 
												ta’ reliġjożità u spiritwalità 
												alternattivi u ftit li xejn 
												istituzzjonalizzati jew isibu 
												kenn f’setet jew esperjenzi 
												reliġjużi li jagħtuhom sens 
												qawwi ta’ identità. F’ħafna 
												postijiet, il-preżenza 
												tal-Knisja m’għadhiex imxerrda 
												daqs qabel u għalhekk sar iżjed 
												diffiċli tiltaqa’ magħha, waqt 
												li l-kultura dominanti titlob 
												ħwejjeġ li spiss huma f’kuntrast 
												mal-valuri tal-Vanġelu, sew jekk 
												minħabba f’elementi 
												tat-tradizzjoni tagħha u sew 
												jekk minħabba l-effett lokali 
												tal-globalizzazzjoni konsumista 
												u individwalista. 
												
												
												
												  
												
												
												
												
												Lejn ġenerazzjoni
												
												
												(iper)konnessa 
												
												
												
												Il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ 
												illum huma kkaratterizzati 
												mir-relazzjoni tagħhom 
												mat-teknoloġiji moderni 
												tal-komunikazzjoni u ma’ dik li 
												normalment tissejjaħ “dinja 
												virtwali”, imma li għandha wkoll 
												effetti reali ħafna. Din toffri 
												possibbiltajiet ta’ aċċess għal 
												serje ta’ opportunitajiet li 
												l-ġenerazzjonijiet ta’ qabel ma 
												kellhomx, u fl-istess waqt 
												tippreżenta riskji. Madankollu, 
												hu importanti ħafna niffukaw fuq 
												kif l-esperjenza 
												tar-relazzjonijiet medjati 
												mit-teknoloġija qed tibni 
												l-kunċett tad-dinja fi żmienna, 
												tar-realtà u tar-relazzjonijiet 
												interpersonali, u ma’ dan irridu 
												nkejlu l-azzjoni pastorali, li 
												għandha bżonn tiżviluppa kultura 
												adegwata. 
												
												
												  
												
												
												
												3. 
												
												Iż-żgħażagħ u 
												l-għażliet 
												
												
												
												F’dan il-kuntest ta’ fluwidità u 
												prekarjetà li semmejna, 
												it-tranżizzjoni għall-ħajja 
												adulta u l-bini ta’ identità 
												jitolbu dejjem iżjed mixja 
												“riflessiva”. Il-persuni 
												jkollhom jadattaw mill-ġdid 
												il-mixjiet ta’ ħajjithom u 
												jerġgħu jagħmlu ċerti għażliet. 
												Barra dan, flimkien mal-kultura 
												tal-Punent qed jixtered kunċett 
												ta’ libertà mifhuma bħala 
												possibbiltà ta’ aċċess għal 
												opportunitajiet dejjem ġodda. Ma 
												rridux naċċettaw iżjed illi li 
												nsejsu mixja personali ta’ ħajja 
												jfisser niċċaħħdu milli 
												fil-futur nimxu toroq oħra: 
												“Illum nagħżel dan, għada 
												mbagħad naraw”. 
												Fir-relazzjonijiet affettivi, 
												kif ukoll fid-dinja tax-xogħol, 
												ix-xefaq hu magħmul minn 
												għażliet li dejjem nistgħu 
												rreġġgħuhom lura, iżjed milli 
												minn għażliet għal dejjem. 
												
												
												  
												
												
												
												F’dan il-kuntest 
												il-metodi qodma m’għandhomx 
												jaħdmu iżjed u l-esperjenza li 
												għaddewlna l-ġenerazzjonijiet 
												ta’ qabilna malajr issir bla 
												siwi. Opportunitajiet validi u 
												riskji perikulużi jixxebilku 
												flimkien f’kobba mħabbla li mhux 
												lakemm tħoll. Huma 
												indispensabbli strumenti 
												kulturali, soċjali u spiritwali 
												tajba biex il-mekkaniżmi 
												tal-proċess deċiżjonali ma 
												jistaġnawx, u nispiċċaw, forsi 
												għax nibżgħu li niżbaljaw, 
												noqogħdu għall-bidla flok 
												inwettquha aħna. Dan qalu l-Papa 
												Franġisku: “‘Kif nistgħu nerġgħu 
												nqajmu mill-ġdid il-kobor u 
												l-kuraġġ li nagħmlu għażliet 
												importanti, qalbenin biex 
												naffrontaw l-isfidi edukattivi u 
												affettivi?’. Kelma li għidt 
												bosta drabi! Nirriskja! Min ma 
												jirriskjax ma jimxix. ‘Imma jekk 
												niżbalja?’. Ikun imbierek 
												il-Mulej! Tkun qed tiżbalja 
												aktar jekk tibqa’ wieqaf” 
												
												
												(Diskors 
												f’Villa 
												Nazareth, 
												18 
												
												ta’ Ġunju 
												
												
												2016). 
												
												
												  
												
												
												
												Aħna u nfittxu mixjiet li kapaċi 
												jerġgħu jimlewna bil-kuraġġ u 
												dak li jqanqal lil qalbna, ma 
												nistgħux ma nżommux f’moħħna li 
												l-persuna ta’ Ġesù u l-Bxara 
												t-Tajba li hu xandar għadhom 
												isaħħru lil ħafna żgħażagħ. 
												
												
												  
												
												
												
												Il-ħila taż-żgħażagħ li jagħmlu 
												għażla hi mxekkla 
												mid-diffikultajiet marbuta 
												mal-kundizzjonijiet ta’ 
												prekarjetà: isibuha bi tqila 
												biex isibu xogħol jew ix-xogħol 
												hu traġikament nieqes; ix-xkiel 
												li jsibu biex jibnu awtonomija 
												ekonomika; ma jirnexxilhomx 
												jaslu għal stabbiltà fil-mixja 
												professjonali tagħhom. 
												Għaż-żgħażagħ nisa dan ix-xkiel 
												normalment hu iktar iebes biex 
												jegħlbuh. 
												
												
												  
												
												
												
												Il-problemi ekonomiċi u soċjali 
												tal-familji, il-mod kif 
												iż-żgħażagħ jixorbu ċerti 
												aspetti tal-kultura ta’ 
												żmienhom, u l-impatt 
												tat-teknoloġiji l-ġodda jitolbu 
												ħila ikbar li wieħed iwieġeb 
												għall-isfida edukattiva 
												fit-tifsira usa’ tagħha: din hi 
												l-emerġenza edukattiva li wriena 
												Benedittu XVI fl-Ittra 
												lill-Belt u lid-Djoċesi ta’ Ruma 
												dwar l-urġenza tal-edukazzjoni 
												(21 ta’ Jannar 2008). Fuq livell 
												globali hemm bżonn inżommu 
												f’moħħna wkoll in-nuqqas ta’ 
												ugwaljanza bejn pajjiżi sħaħ u 
												l-effett ta’ dan fuq 
												l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ 
												fid-diversi soċjetajiet f’dik li 
												hi inklużjoni. Anki fatturi 
												kulturali u reliġjużi jistgħu 
												jġibu l-esklużjoni, ngħidu aħna 
												f’dak li għadu x’jaqsam 
												mad-differenza bejn is-sessi u 
												d-diskriminazzjoni tal-minoranzi 
												etniċi u reliġjużi, hekk li mqar 
												iż-żgħażagħ l-aktar ta’ 
												inizjattiva jispiċċaw ikollhom 
												jemigraw. 
												
												
												  
												
												
												
												F’dan il-kwadru, hu 
												partikularment urġenti 
												nippromovu l-ħiliet personali 
												billi nqegħduhom għas-servizz 
												ta’ proġett b’saħħtu ta’ tkabbir 
												komuni. Iż-żgħażagħ japprezzaw 
												il-possibbiltajiet fejn inżewġu 
												flimkien l-azzjoni fi proġetti 
												konkreti fejn jistgħu jkejlu 
												l-ħiliet tagħhom li jiksbu 
												riżultati, it-tħaddim ta’ 
												protagoniżmu indirizzat biex 
												itejjeb il-kuntest li fih 
												jgħixu, l-opportunità li jiksbu 
												u jirfinaw fil-qasam 
												tal-kompetenzi li jiswewlhom 
												kemm għall-ħajja u kemm 
												għax-xogħol. 
												
												
												  
												
												
												
												L-innovazzjoni soċjali tesprimi 
												protagoniżmu pożittiv li jtejjeb 
												il-qagħda tal-ġenerazzjonijiet 
												il-ġodda: minn telliefa li 
												jitolbu l-protezzjoni mir-riskji 
												tal-bidliet għal suġġetti 
												tal-bidla li kapaċi joħolqu 
												opportunitajiet ġodda. Hu 
												sinifikattiv kif propju 
												ż-żgħażagħ – spiss ittimbrati 
												bl-isterjotip tal-passività u 
												tan-nuqqas ta’ esperjenza – 
												jipproponu u jipprattikaw 
												alternattivi li juru kif 
												id-dinja jew il-Knisja għandhom 
												ikunu. Jekk fis-soċjetajiet jew 
												fil-komunitajiet Insara rridu 
												nagħmlu xi ħaġa ġdida, irridu 
												nħallu wisa’ għal persuni ġodda 
												biex jaġixxu. Fi kliem ieħor, li 
												nipproġettaw il-bidla skont 
												il-prinċipji tas-sostenibbiltà 
												jitlob minna li nħallu 
												lill-ġenerazzjonijiet ġodda 
												jesperimentaw mudell ġdid ta’ 
												żvilupp. Dan jirriżulta 
												partikularment problematiku 
												f’dawk il-pajjiżi u kuntesti 
												istituzzjonali fejn l-età ta’ 
												min għandu postijiet ta’ 
												responsabbiltà hi għolja ħafna, 
												għax dan itawwal iżjed ir-ritmi 
												ta’ bidliet ġenerazzjonali 
												fit-tmexxija. 
												
												
												
												 
 
												
												
												II 
												
												
												
												
												FIDI, DIXXERNIMENT, VOKAZZJONI 
												
												
												  
												
												
												
												Permezz ta’ din 
												il-mixja ta’ dan is-Sinodu, 
												il-Knisja tixtieq ittenni x-xewqa 
												tagħha 
												li tiltaqa’, issieħeb, tieħu 
												ħsieb ta’ kull żagħżugħ u 
												żagħżugħa, ħadd eskluż. La 
												nistgħu u lanqas irridu 
												nitilquhom għas-solitudni u 
												għall-esklużjoni li għalihom 
												tesponihom id-dinja. Li l-ħajja 
												tagħhom tkun esperjenza tajba, 
												li ma jintilfux f’toroq ta’ 
												vjolenza jew ta’ mewt, li 
												l-qtigħ il-qalb ma jjassarhomx 
												fl-aljenazzjoni: dan kollu ma 
												jistax ma jkunx għal qalb min 
												ġie mnissel għall-ħajja u 
												għall-fidi u jaf li rċieva don 
												għoli. 
												
												
												  
												
												
												
												Hu bil-qawwa ta’ dan id-don li 
												nafu li l-miġja tagħna f’din 
												id-dinja tfisser li niltaqgħu 
												mal-wegħda ta’ ħajja tajba, u li 
												wieħed jiġi milqugħ u mħares hi 
												l-esperjenza oriġinarja li 
												tnaqqax f’kull persuna l-fiduċja 
												li mhux mitluq għal ħajja bla 
												sens jew għad-dalma tal-mewt, u 
												t-tama li jista’ jesprimi 
												l-oriġinalità tiegħu f’mixja 
												lejn il-milja tal-ħajja. 
												
												
												  
												
												
												
												L-għerf tal-Knisja tal-Lvant 
												jgħinna niskopru kif din 
												il-fiduċja għandha għeruqha 
												fl-esperjenza ta’ “tliet 
												twelidijiet”: it-twelid naturali 
												bħala mara u bħala raġel f’dinja 
												li kapaċi tilqa’ u twieżen 
												il-ħajja; it-twelid 
												tal-Magħmudija “meta xi ħadd 
												bil-grazzja jsir iben ta’ Alla”; 
												u mbagħad it-tielet twelid, meta 
												tasal il-mogħdija “mill-mod 
												tal-ħajja korporali għal dik 
												spiritwali”, li jiftaħ triq 
												għat-tħaddim matur tal-libertà 
												(ara Diskorsi ta’ Filossenu 
												ta’ Mabbug, isqof Sirjan 
												tal-ħames seklu, n. 9). 
												 
												
												
												  
												
												
												
												Li noffru lill-oħrajn id-don li 
												aħna stess irċivejna jfisser 
												inseħbuhom matul din il-mixja, 
												nimxu qrib tagħhom biex jistgħu 
												jaffrontaw id-dgħufijiet tagħhom 
												u d-diffikultajiet fil-ħajja, 
												imma fuq kollox inwieżnu 
												l-libertajiet li għadhom qed 
												jinħolqu quddiemhom. 
												
												
												  
												
												
												
												Dan kollu jsejjaħ lill-Knisja, 
												ibda mir-Ragħajja tagħha, biex 
												tgħarbel lilha nfisha u tiskopri 
												mill-ġdid il-vokazzjoni tagħha 
												għall-ħarsien, bl-istil li 
												l-Papa Franġisku fakkarna 
												fil-bidu tal-pontifikat tiegħu: 
												“Fil-Vanġeli, San Ġużepp jidher 
												bħala bniedem b’saħħtu, 
												qalbieni, ħaddiem, imma minn ġo 
												qalbu toħroġ ħlewwa liema 
												bħalha, li mhix il-virtù 
												tad-dgħajfa, anzi, 
												għall-kuntrarju, tikxef il-qawwa 
												li hemm fih u l-kapaċità ta’ 
												attenzjoni, ta’ kompassjoni, ta’ 
												qalb tassew miftuħa għall-ieħor, 
												kapaċità ta’ mħabba” (Omelija 
												għall-bidu tal-Ministeru Petrin, 
												19 ta’ Marzu 2013). 
												
												
												  
												
												
												
												F’din il-perspettiva issa qed 
												nippreżentaw hawn xi spunti 
												fid-dawl ta’ mixja ta’ tisħib 
												taż-żgħażagħ fil-fidi, fis-smigħ 
												tat-tradizzjoni tal-Knisja u 
												bl-għan ċar li nweżnuhom 
												fid-dixxerniment vokazzjonali 
												tagħhom u fl-għażliet 
												fundamentali li jieħdu 
												fil-ħajja, ibda mill-għarfien 
												tal-karattru irriversibbli ta’ 
												xi wħud minn dawn l-għażliet. 
												
												
												
												  
												
												
												
												1. 
												
												Fidi u vokazzjoni 
												
												
												
												Il-fidi, bħala sehem fil-mod kif 
												jara Ġesù (ara Lumen fidei, 
												18), hi l-għajn tad-dixxerniment 
												vokazzjonali, għax toffri 
												l-kontenuti fundamentali tagħha, 
												l-iżvilupp speċifiku, l-istil 
												uniku u l-pedagoġija propja. 
												Biex nilqgħu bil-ferħ u b’qalb 
												miftuħa dan id-don tal-grazzja 
												jeħtieġ nagħmluh għammiel 
												b’għażliet ta’ ħajja li jkunu 
												konkreti u koerenti. 
												
												
												
												  
												
												
												
												“Mhux intom 
												għażiltu lili, imma jien għażilt 
												lilkom, u ħtartkom biex tmorru 
												tagħmlu l-frott u l-frott 
												tagħkom jibqa’, ħalli kulma 
												titolbu lill-Missier f’ismi, 
												huwa jagħtihulkom. Dan hu li 
												qiegħed nikkmandakom: li tħobbu 
												lil xulxin” 
												(Ġw
												
												
												15:16-17).
												
												
												Jekk is-sejħa 
												għall-ferħ tal-imħabba hi 
												l-istedina fundamentali li Alla 
												jagħmel fil-qalb ta’ kull 
												żagħżugħ biex il-ħajja tiegħu 
												tista’ tagħmel il-frott, il-fidi 
												hi fl-istess ħin don mill-għoli 
												u tweġiba minn min iħossu 
												magħżul u maħbub. 
												
												
												
												  
												
												
												
												Il-fidi “mhijiex 
												kenn għal nies bla kuraġġ, iżda 
												ġġib ’il quddiem il-ħajja 
												tagħna. Hi tikxef sejħa kbira, 
												il-vokazzjoni għall-imħabba, u 
												tiżgura li din l-imħabba hi 
												affidabbli, li wieħed jaqbillu 
												jingħata lilha, għaliex is-sies 
												tagħha jinsab fil-fedeltà ta’ 
												Alla, li hi aqwa minn kull 
												dgħufija tagħna” 
												(Lumen fidei, 53). Dn 
												il-fidi “ssir 
												dawl biex iddawwal 
												ir-relazzjonijiet soċjali kollha”, 
												u hekk tgħin biex “tinbena 
												l-fraternità universali” bejn 
												il-bnedmin ta’ kull żmien (ibid., 
												54). 
												
												
												
												  
												
												
												
												Il-Bibbja tippreżenta bosta 
												rakkonti ta’ sejħat u ta’ 
												tweġibiet minn żgħażagħ. 
												Fid-dawl tal-fidi, huma jagħrfu 
												ftit ftit x’inhu l-pjan ta’ 
												mħabba mqanqla li Alla għandu 
												għal kull wieħed u waħda. Din hi 
												l-fehma ta’ Alla f’kull għemil 
												tiegħu, sa mill-ħolqien 
												tad-dinja bħala post “tajjeb”, 
												li jaf jilqa’ fih il-ħajja, u 
												offrut f’don bħala nisġa ta’ 
												relazzjonijiet li fihom nistgħu 
												nqiegħdu l-fiduċja tagħna. 
												
												
												  
												
												
												
												Li temmen ifisser tisma’ 
												lill-Ispirtu u tiddjaloga 
												mal-Kelma li hi triq, verità u 
												ħajja (ara Ġw 14:6) 
												bl-intelliġenza u l-imħabba 
												kollha tiegħek, titgħallem tafda 
												fiha u “tlaħħamha” 
												fil-konkretezza tal-ħajja ta’ 
												kuljum, fil-mumenti fejn 
												is-salib ikun qrib tiegħek u 
												f’dawk fejn tħoss il-ferħ 
												quddiem is-sinjali tal-qawmien, 
												l-istess kif għamel id-“dixxiplu 
												l-maħbub”. Din hi l-isfida 
												għall-komunità Nisranija u għal 
												kull min jemmen. 
												
												
												  
												
												
												
												L-ispazju ta’ dan 
												id-djalogu hu l-kuxjenza. Kif 
												jgħallimna l-Konċilju Vatikan 
												II, hi “ċ-ċentru  l-aktar moħbi 
												tal-bniedem u s-santwarju fejn 
												hu jinsab waħdu ma’ Alla, u fejn 
												il-leħen ta’ Alla jinstama’ ġo 
												fina” (Gaudium 
												et spes, 
												16). 
												Għalhekk il-kuxjenza hi spazju 
												bla mittiefes fejn tidher 
												l-istedina biex nilqgħu 
												l-wegħda. Li nagħżlu leħen 
												l-Ispirtu minn sejħat oħra u 
												niddeċiedu xi tweġiba nagħtu hi 
												ħidma li kulħadd irid jagħmel: 
												l-oħrajn jistgħu jseħbuna u 
												jwettquna fiha, imma qatt ma 
												jistgħu jagħmluha huma għalina. 
												
												
												
												  
												
												
												
												Il-ħajja u l-istorja jgħallmuna 
												li għall-bniedem mhix dejjem 
												ħaġa ħafifa jagħraf l-għamla 
												konkreta ta’ dak il-ferħ li Alla 
												qed isejjaħlu għalih u li hu 
												mxennaq għalih, wisq inqas issa 
												f’kuntest ta’ bidla u ta’ 
												inċertezza hekk mifruxa. Drabi 
												oħra l-persuna jkollha tagħmel 
												il-kontijiet mal-qtigħ il-qalb u 
												mal-qawwa ta’ ġibdiet oħra, li 
												jżommuha fil-ġirja tagħha lejn 
												il-milja: hi l-esperjenza ta’ 
												ħafna, ngħidu aħna ta’ dak 
												iż-żagħżugħ li kien għani 
												żżejjed biex seta’ jkun ħieles 
												li jilqa’ s-sejħa ta’ Ġesù u 
												għalhekk telaq imnikket flok 
												mimli bil-ferħ (ara Mk 
												10:17-22). Il-libertà umana, 
												anki jekk għandha bżonn li tiġi 
												msoffija u meħlusa, xorta ma 
												titlef qatt għalkollox il-ħila 
												radikali tagħha li tagħraf 
												it-tajjeb u twettqu: “L-istess 
												bnedmin li kapaċi jfarrku lilhom 
												infushom sal-iktar punt estrem, 
												jistgħu anki jirbħu lilhom 
												infushom, u jerġgħu lura 
												għall-għażla tat-tajjeb u 
												jfittxu ħajja ġdida, lil hemm 
												minn kull kundizzjonament 
												psikoloġiku u soċjali impost 
												fuqhom” (Laudato sì, 
												205). 
												
												
												  
												
												
												
												2. 
												
												Id-don 
												tad-dixxerniment 
												
												
												
												Il-qasam tal-ħidma 
												tad-dixxerniment hu dak li 
												nieħdu deċiżjonijiet u norjentaw 
												l-azzjonijiet tagħna 
												f’sitwazzjonijiet ta’ inċertezza 
												u quddiem tqanqil ġewwieni 
												kontrastanti. Dan hu terminu 
												klassiku tat-tradizzjoni 
												tal-Knisja, li jista’ jiġi 
												applikat għal għadd ta’ 
												sitwazzjonijiet. Fil-fatt hemm 
												dixxerniment tas-sinjali 
												taż-żminijiet, li jwassalna biex 
												nagħrfu l-preżenza u l-ħidma 
												tal-Ispirtu fl-istorja; 
												dixxerniment morali, li jagħżel 
												dak li hu tajjeb minn dak li hu 
												ħażin; dixxerniment spiritwali, 
												li jgħinna nagħrfu t-tentazzjoni 
												biex niċħduha u minflok nibqgħu 
												mexjin fit-triq tal-milja 
												tal-ħajja. In-nisġiet bejn dawn 
												id-diversi tifsiriet huma ċari u 
												qatt ma nistgħu nħolluhom 
												għalkollox. 
												
												
												
												  
												
												
												
												B’dan kollu f’moħħna, 
												nikkonċentraw hawn fuq 
												id-dixxerniment vokazzjonali, 
												jiġifieri fuq il-proċess li bih 
												il-persuna tasal biex twettaq, 
												fi djalogu mal-Mulej u fis-smigħ 
												tal-leħen tal-Ispirtu, 
												l-għażliet fundamentali, ibda 
												minn dik fuq l-istat ta’ 
												ħajjitha. Jekk il-mistoqsija fuq 
												kif ma titlifx l-opportunitajiet 
												li twettaq lilek innifsek tolqot 
												lill-bnedmin kollha, għal min 
												jemmen din issir iktar qawwija u 
												profonda. Kif ngħixu l-bxara 
												t-tajba tal-Vanġelu u nwieġbu 
												għas-sejħa li l-Mulej qed 
												jagħmel lil dawk kollha li 
												magħhom jiltaqa’: permezz 
												taż-żwieġ, il-ministeru ordnat, 
												il-ħajja kkonsagrata? U liema hu 
												l-qasam li fih nistgħu nħaddmu 
												bi frott it-talenti tagħna: 
												il-ħajja professjonali, 
												il-volontarjat, il-qadi 
												lill-foqra, l-impenn 
												fil-politika? 
												
												
												  
												
												
												
												L-Ispirtu 
												jitkellem u jaġixxi permezz 
												tal-ġrajjiet tal-ħajja ta’ kull 
												wieħed u waħda, imma l-ġrajjiet 
												fihom infushom ma jitkellmux u 
												huma ambigwi, għax nistgħu 
												nagħtuhom interpretazzjonijiet 
												differenti. Wieħed irid jagħmel 
												mixja ta’ dixxerniment biex 
												jista’ jsib dawl fuq it-tifsira 
												biex jista’ jieħu deċiżjoni. 
												It-tliet verbi li bihom dan hu 
												mfisser fl-Evangelii 
												gaudium, 
												51 – 
												
												tagħraf, 
												tinterpreta u tagħżel – jistgħu 
												jgħinuna nfasslu mixja adatta 
												kemm għall-individwi u kemm 
												għall-gruppi u l-komunitajiet, 
												għax nafu li fil-prattika 
												l-konfini bejn id-diversi 
												fażijiet mhuma qatt daqshekk 
												ċari. 
												
												
												
												  
												
												
												
												
												Nagħraf 
												
												
												
												L-għarfien hu 
												qabelxejn tal-effetti li 
												l-ġrajjiet ta’ ħajti, il-persuni 
												li magħhom niltaqa’, il-kliem li 
												nisma’ jew li naqra jipproduċu 
												ġewwa fija: varjetà ta’ “xewqat, 
												sentimenti, emozzjonijiet” (Amoris 
												lætitia, 
												143) 
												
												ta’ karattru 
												differenti ħafna: diqa, dalma, 
												sħuħija, biża’, ferħ, paċi, sens 
												ta’ vojt, ħlewwa, rabja, tama, 
												telqa, u oħrajn. Inħossni miġbud 
												jew imbuttat lejn elf 
												direzzjoni, mingħajr ma ebda 
												waħda minnhom ma tidhirli ċara 
												li għandi nieħu; hu l-mument 
												tal-inżul u t-tlajja’, u f’xi 
												każi ta’ taqbida vera interjuri. 
												Li nagħraf ifisser inħalli 
												jitla’ fil-wiċċ dan l-għana ta’ 
												emozzjonijiet u nsemmi dawn 
												il-passjonijiet b’isimhom 
												mingħajr ma niġġudikahom. Jitlob 
												ukoll li nifhem il-“gost” li 
												jħallu, jiġifieri s-sintonija 
												jew nuqqas tagħha bejn dak li 
												ngħaddi minnu u dak li hemm 
												fil-qiegħ nett tal-qalb tiegħi.
												 
												
												
												
												  
												
												
												
												F’din il-fażi l-Kelma ta’ Alla 
												għandha importanza kbira: 
												fil-fatt il-meditazzjoni tagħha 
												ċċaqlaq il-passjonijiet bħala 
												l-esperjenzi kollha ta’ kuntatt 
												mal-ġewwieni tagħna, imma 
												fl-istess waqt toffrilna 
												possibbiltà li noħorġuhom għax 
												nistgħu nidentifikawhom 
												mal-ġrajjiet li hi tirrakkonta. 
												Il-fażi tal-għarfien tqiegħed 
												fiċ-ċentru l-ħila li wieħed 
												jisma’ u jħobb, mingħajr ma 
												jibża’ mis-skiet. Hi mogħdija 
												fundamentali fil-mixja 
												tal-maturazzjoni personali, 
												b’mod partikulari għaż-żgħażagħ 
												li jesperimentaw b’intensità 
												akbar il-qawwa tax-xewqat u 
												jistgħu jibqgħu anki mwerwra, u 
												forsi jibqgħu anki lura milli 
												jagħmlu passi kbar li għalihom 
												ukoll iħossuhom miġbuda. 
												
												
												  
												
												
												
												
												Ninterpreta 
												
												
												
												Mhux biżżejjed nagħrfu dak li 
												ħassejna: jeħtieġ 
												“ninterpretawh”, jew, fi kliem 
												ieħor, nifhmu x’inhu li 
												l-Ispirtu qed isejħilna għalih 
												b’dak li hu jqanqal f’kull 
												wieħed u waħda. Ħafna drabi 
												nieqaf nirrakkonta esperjenza, u 
												ngħid li “laqtitni ħafna”. Ħaġa 
												iżjed iebsa hi li nifhmu l-bidu 
												u s-sens tax-xewqat u 
												tal-emozzjonijiet li nkunu 
												ġarrabna u niżnu jekk humiex qed 
												imexxuna f’direzzjoni 
												kostruttiva jew inkella humiex 
												qed iwassluna biex ningħalqu 
												iżjed fina nfusna. 
												
												
												
												  
												
												
												
												Din il-fażi ta’ 
												interpretazzjoni hi delikata 
												ħafna; titlob paċenzja, għassa u 
												anki ċertu tagħlim. Irridu nkunu 
												kapaċi nagħrfu l-effetti 
												tal-kundizzjonamenti soċjali u 
												psikoloġiċi. Titlob ukoll li 
												nħaddmu l-fakultajiet 
												intellettwali tagħna, u 
												sadattant ma naqgħux fir-riskju 
												li nibnu teoriji astratti fuq xi 
												jkun tajjeb jew sabiħ nagħmlu: 
												anki fid-dixxerniment, 
												“ir-realtà hi ogħla mill-idea” (Evangelii 
												gaudium, 
												231). 
												
												Meta 
												ninterpretaw, ma nistgħux 
												nibqgħu lura lanqas milli 
												nikkonfrontaw ruħna mar-realtà u 
												niżnu l-possibbiltajiet li 
												realistikament għandna miftuħa 
												quddiemna. 
												
												
												
												  
												
												
												
												Biex ninterpretaw ix-xewqat u 
												t-taħrik ġewwieni jeħtieġ li 
												onestament nikkonfrontaw ruħna, 
												fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, 
												anki mal-esiġenzi morali 
												tal-ħajja Nisranija, dejjem 
												infittxu li naqrawhom 
												fis-sitwazzjoni konkreta li 
												nkunu ngħixu. Dan l-isforz 
												iwassal lil min jagħmlu biex ma 
												jikkuntentax ruħu bil-loġika 
												legalistika tal-inqas 
												indispensabbli, imma li jfittex 
												il-mod kif jagħti valur 
												mill-aħjar li jista’ lid-doni 
												tiegħu u l-possibbiltajiet 
												tiegħu: għalhekk din hi proposta 
												attraenti u stimulanti 
												għaż-żgħażagħ. 
												
												
												  
												
												
												
												Din il-ħidma ta’ 
												interpretazzjoni sseħħ fi 
												djalogu ġewwieni mal-Mulej, 
												billi l-persuna tħaddem 
												il-ħiliet kollha tagħha; imma 
												l-għajnuna ta’ persuna esperta 
												fis-smigħ tal-Ispirtu hi tweżin 
												prezzjuż li l-Knisja toffri u li 
												ftit ikun għaref min ma jagħmilx 
												użu minnha. 
												
												
												  
												
												
												
												
												Nagħżel 
												
												
												
												Meta nkunu għarafna u 
												interpretajna d-dinja tax-xewqat 
												u tal-passjonijiet, l-att 
												tad-deċiżjoni jsir tħaddim ta’ 
												libertà umana awtentika u ta’ 
												responsabbiltà personali, dejjem 
												ovvjament fi spazju limitat. 
												L-għażla għalhekk taħrab 
												il-qawwa għamja tal-istint, li 
												ċertu relattiviżmu ta’ żmienna 
												spiċċa qed jagħtiha r-rwol ta’ 
												kriterju aħħari, ħaġa li tjassar 
												lill-persuna għall-instabbiltà. 
												Fl-istess ħin teħles 
												lill-persuna milli taqa’ priża 
												ta’ qawwiet ’il barra minnha u 
												allura eteronomi, u minflok 
												titlob koerenza divina. 
												
												
												
												  
												
												
												
												Għal żmien twil 
												fl-istorja d-deċiżjonijiet 
												fundamentali tal-ħajja ma 
												tteħdux minn dawk interessati 
												direttament; f’xi partijiet 
												tad-dinja hekk għadu, kif 
												aċċennajna wkoll fil-Kapitlu I. 
												L-għan ta’ kull pastorali 
												vokazzjonali serja jibqa’ li 
												tippromovi għażliet tassew 
												ħielsa u responsabbli, bla ma 
												nibqgħu influwenzati minn 
												ħwejjeġ ta’ żminijiet oħra. 
												Id-dixxerniment hu l-għodda 
												prinċipali għal dan, li 
												jippermettilna nħarsu l-ispazju 
												bla mittiefes tal-kuxjenza, 
												mingħajr ma nippretendu li 
												neħdulha postha (ara 
												
												
												Amoris lætitia, 
												37). 
												
												
												  
												
												
												
												Id-deċiżjoni titlob li tiġi 
												ppruvata mill-fatti biex tista’ 
												tiġi kkonfermata. L-għażla ma 
												tistax tibqa’ mjassra 
												f’interjorità li tirriskja li 
												tibqa’ virtwali jew 
												irrealizzabbli – dan hu periklu 
												qawwi fil-kultura ta’ żmienna –, 
												imma hi msejħa tissarraf 
												f’azzjoni, titlaħħam, tagħti 
												bidu għal mixja, tilqa’ r-riskju 
												li tikkonfronta ruħha ma’ dik 
												ir-realtà li minnha kienu 
												tqanqlu tant xewqat u 
												emozzjonijiet. Oħrajn jitnisslu 
												f’din il-fażi: li wieħed 
												jagħrafhom u jinterpretahom 
												jippermettilu li jikkonferma 
												deċiżjoni tajba li jkun ħa jew 
												jissuġġerilu jerġa’ jirrevediha. 
												Għalhekk hu importanti 
												“noħorġu”, anki mill-biża’ li 
												niżbaljaw li, kif rajna, jista’ 
												jipparalizzana. 
												
												
												
												  
												
												
												
												3. 
												
												Mixjiet ta’ 
												vokazzjoni u missjoni 
												
												
												
												Id-dixxerniment vokazzjonli ma 
												jitwettaqx f’att wieħed, anki 
												jekk fir-rakkont ta’ kull 
												vokazzjoni possibbli 
												nidentifikaw mumenti jew laqgħat 
												deċiżivi. Bħall-ħwejjeġ kollha 
												ta’ importanza fil-ħajja, anki 
												d-dixxerniment vokazzjonali hu 
												proċess twil, li jintiseġ 
												fiż-żmien, li tulu nibqgħu 
												attenti għall-indikazzjonijiet 
												li bihom il-Mulej jippreċiża u 
												jispeċifika vokazzjoni li 
												fil-ġmiel tagħha hi personali u 
												irripetibbli. Il-Mulej talab lil 
												Abram u lil Sara biex jitilqu, 
												imma kien biss huma u mexjin 
												ftit ftit, u mhux mingħajr ma 
												meddew passi żbaljati, li ċċara 
												quddiemhom x’kienet dik 
												il-misterjuża “art li jien 
												nurik” (Ġen 12:1). Marija nfisha 
												għarfet dejjem iżjed is-sejħa 
												tagħha hi u timmedita l-kliem li 
												semgħet u l-ġrajjiet li 
												seħħulha, anki dak li ma fehimtx 
												(ara Lq 2:50-51). 
												
												
												
												  
												
												
												
												Iż-żmien hu fundamentali biex 
												nivverifikaw l-orjentament 
												effettiv tad-deċiżjoni li nkunu 
												ħadna. Kif tgħallimna kull paġna 
												tat-test Bibliku, m’hemmx 
												vokazzjoni li mhix ordnata lejn 
												missjoni milqugħa b’biża’ jew 
												b’ħeġġa. 
												
												
												  
												
												
												
												Li nilqgħu l-missjoni jitlob 
												id-disponibbiltà tagħna li 
												nirriskjaw ħajjitna u nimxu 
												fit-triq tas-salib, fuq il-passi 
												ta’ Ġesù, li b’determinazzjoni 
												beda miexi lejn Ġerusalemm (ara 
												Lq 9:51) biex joffri ħajtu 
												għall-bnedmin. Jekk il-persuna 
												ma tfittixx li tokkupa l-post 
												ċentrali fix-xena bil-bżonnijiet 
												tagħha, jinfetaħ l-ispazju biex 
												tista’ tilqa’ l-pjan ta’ Alla 
												għall-ħajja tal-familja, 
												għall-ministeru ordnat jew 
												għall-ħajja kkonsagrata, kif 
												ukoll biex twettaq bir-reqqa 
												l-professjoni tagħha jew tfittex 
												b’sinċerità l-ġid komuni. B’mod 
												partikulari fil-postijiet fejn 
												il-kultura hi aktar immarkata 
												mill-individwaliżmu, irridu 
												nivverifikaw kemm l-għażliet qed 
												jiġu ddettati mit-tifitxa 
												tal-awtorealizzazzjoni 
												narċisista u kemm min-naħa 
												l-oħra qed jinkludu 
												d-disponibbiltà biex wieħed 
												jgħix ħajtu fil-loġika 
												tal-għotja ġeneruża tiegħu 
												nnifsu. Għalhekk il-kuntatt 
												mal-faqar, il-vulnerabbiltà u 
												l-bżonn jerġa’ jieħu importanza 
												kbira fil-mixjiet ta’ 
												dixxerniment vokazzjonali. F’dak 
												li għandu x’jaqsam mar-ragħajja 
												tal-futur, jixraq fuq kollox 
												ngħarblu u nippromovu l-maturità 
												fid-disponibbiltà tagħna biex 
												nittieħdu mir-“riħa tan-nagħaġ”. 
												
												
												  
												
												
												
												4. 
												
												It-tisħib 
												
												
												
												Fil-bażi tad-dixxerniment 
												nistgħu nilmħu tliet 
												konvinzjonijiet, li għeruqhom 
												huma mniżżlin sewwa 
												fl-esperjenza ta’ kull bniedem 
												jekk naqrawha fid-dawl tal-fidi 
												u tat-tradizzjoni Nisranija. 
												L-ewwel hi li l-Ispirtu ta’ Alla 
												jaġixxi fil-qalb ta’ kull 
												bniedem permezz ta’ sentimenti u 
												xewqat li jintrabtu ma’ ideat, 
												xbihat u proġetti. Jekk jagħti 
												widen bir-reqqa, ikun possibbli 
												għall-bniedem li jinterpreta 
												dawn is-sinjali. It-tieni 
												konvinzjoni hi li l-qalb 
												tal-bniedem, minħabba 
												fid-dgħufija u d-dnub tiegħu, 
												normalment hi maqsuma għax 
												miġbuda minn sejħat differenti, 
												jew saħansitra opposti għal 
												xulxin. It-tielet konvinzjoni hi 
												li xorta l-mixja tal-ħajja 
												timponi fuqna li niddeċiedu, 
												għax ma nistgħux nibqgħu għal 
												dejjem nitlajjaw. Imma jeħtieġ 
												ikollna l-għodda biex nagħrfu 
												s-sejħa tal-Mulej għall-ferħ 
												tal-imħabba u nagħżlu li nwieġbu 
												għaliha. 
												
												
												
												  
												
												
												
												Fost din l-għodda, 
												it-tradizzjoni spiritwali turina 
												bl-importanza tat-tisħib 
												personali. Biex insieħbu persuna 
												oħra, mhux biżżejjed nistudjaw 
												it-teorija tad-dixxerniment; 
												jeħtieġ ngħaddu aħna stess 
												mill-esperjenza li ninterpretaw 
												iċ-ċaqliq tal-qalb biex nagħrfu 
												fiha l-ħidma tal-Ispirtu, li 
												leħnu jaf ikellem lil kull 
												wieħed u waħda fis-singularità 
												tagħhom. It-tisħib personali 
												jitlob li l-ħin kollu nsinnu 
												s-sensibbiltà tagħna mal-leħen 
												tal-Ispirtu u jwassalna biex 
												fil-partikularitajiet personali 
												niskopru riżorsa u għana. 
												
												
												  
												
												
												
												Ifisser li ngħinu lill-persuna 
												tikber fir-relazzjoni tagħha 
												mal-Mulej, nikkollaboraw biex 
												inneħħu min-nofs dak li qed 
												ixekkilha. Hawn qiegħda 
												d-differenza bejn it-tisħib 
												għad-dixxerniment u l-għajnuna 
												psikoloġika, li wkoll, jekk 
												miftuħa għat-traxxendenza, spiss 
												tkun ta’ importanza 
												fundamentali. Il-psikologu 
												jwieżen persuna 
												fid-diffikutlajiet u jgħinha 
												tagħraf id-dgħufijiet u 
												l-potenzjalitajiet tagħha; 
												il-gwida spiritwali jerġa’ 
												jibgħat il-persuna għand 
												il-Mulej u jħejji fiha l-ħamrija 
												t-tajba għal-laqgħa tagħha 
												miegħu (ara Ġw 3:29-30). 
												 
												
												
												  
												
												
												
												Is-siltiet 
												mill-Vanġelu li jirrakkuntaw 
												il-laqgħa ta’ Ġesù man-nies ta’ 
												żmienu jixħtu dawl fuq xi 
												elementi li jistgħu jgħinuna 
												nsibu l-profil ideali ta’ min 
												isieħeb żagħżugħ jew żagħżugħa 
												fid-dixxerniment vokazzjonali: 
												il-ħarsa kollha mħabba (is-sejħa 
												tal-ewwel dixxipli, ara Ġw 1:35-51);
												
												
												il-kelma 
												awtorevoli (it-tagħlim 
												fis-sinagoga ta’ Kafarnahum, ara
												
												
												Lq 4:32);
												
												
												il-ħila li “jkun 
												proxxmu” (il-parabbola 
												tas-Samaritan it-tajjeb, ara Lq 
												10:25-37); l-għażla li “jimxi 
												ma’” (id-dixxipli ta’ Għemmaws, 
												ara Lq 24:13-35); ix-xhieda ta’ 
												awtentiċità, bla biża’ li jmur 
												kontra l-preġudizzji l-aktar 
												komuni (il-ħasil tar-riġlejn 
												fl-Aħħar Ċena, ara Ġw 13:1-20). 
												
												
												
												  
												
												
												
												Fl-impenn tagħha li ssieħeb 
												lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, 
												il-Knisja tilqa’ s-sejħa tagħha 
												li tikkollabora b’risq il-ferħ 
												taż-żgħażagħ pjuttost milli 
												tipprova taħkem fuq il-fidi 
												tagħhom (ara 2 Kor 1:24). Dan 
												is-servizz fl-aħħar mill-aħħar 
												għandu għeruqu fit-talb, 
												speċjalment għad-don tal-Ispirtu 
												li jmexxi u jdawwal lil kulħadd 
												u lil kull wieħed u waħda. 
												
												
												
												 
 
												
												
												III 
												
												
												
												
												L-AZZJONI PASTORALI 
												
												
												  
												
												
												
												Xi jfisser għall-Knisja 
												li ssieħeb liż-żgħażagħ biex 
												jilqgħu s-sejħa għall-ferħ 
												tal-Vanġelu, fuq kollox fi żmien 
												immarkat mid-dubji, 
												mill-prekarjetà, 
												mill-inċertezza? 
												
												
												  
												
												
												
												L-għan ta’ dan il-kapitlu hu li 
												jiffoka fuq xi jfisser tieħu 
												bis-serjetà l-isfida tal-kura 
												pastorali u tad-dixxerniment 
												vokazzjonali, waqt li nqisu 
												liema huma s-suġġetti, 
												il-postijiet u l-għodod li 
												għandna f’idejna. F’dan is-sens, 
												naraw li hemm inklużjoni 
												reċiproka bejn pastorali 
												taż-żgħażagħ u pastorali 
												vokazzjonali, anki fl-għarfien 
												tad-differenza bejniethom. Mhix 
												xi ħarsa li tiġbor kollox, imma 
												indikazzjonijiet li jridu 
												jitkomplew skont l-esperjenzi 
												ta’ kull Knisja lokali. 
												
												
												
												  
												
												
												
												1. 
												
												Nimxu 
												maż-żgħażagħ 
												
												
												
												Li nsieħbu ż-żgħażagħ ifisser li 
												ninqalgħu mill-iskemi maħduma u 
												lesti, u mmorru niltaqgħu 
												magħhom fejn jinsabu huma, 
												nadattaw ruħna għaż-żminijiet u 
												r-ritmi tagħhom; ifisser ukoll 
												li neħduhom bis-serjetà 
												fit-taħbit tagħhom biex 
												jiddeċifraw ir-realtà li fiha 
												jgħixu u jibdlu aħbar li rċivew 
												f’ġesti u kliem, fl-isforz ta’ 
												kuljum li jibnu l-istorja 
												tagħhom u fit-tiftixa ftit jew 
												wisq konxja ta’ tifsira għal 
												ħajjithom.  
												
												
												
												  
												
												
												
												Kull nhar ta’ Ħadd l-Insara 
												jżommu ħajja t-tifkira ta’ Ġesù 
												li miet u rxoxta, u jiltaqgħu 
												fiċ-ċelebrazzjoni 
												tal-Ewkaristija. Fil-fidi 
												tal-Knisja ħafna trabi huma 
												mgħammda u jissoktaw il-mixja 
												tagħhom tal-inizjazzjoni 
												Nisranija. Imma dan ikun għadu 
												ma jfissirx għażla matura għal 
												ħajja ta’ fidi. Biex jaslu sa 
												hemm jeħtieġu mixja, li xi drabi 
												tgħaddi wkoll minn toroq 
												imprevedibbli u mbiegħda 
												mill-postijiet li fihom 
												imdorrijin joqogħdu 
												l-komunitajiet ekkleżjali. 
												Għalhekk, kif fakkarna l-Papa 
												Franġisku, “il-pastorali 
												vokazzjonali tfisser li 
												nitgħallmu l-istil ta’ Ġesù, li 
												jgħaddi mill-imkejjen tal-ħajja 
												ta’ kuljum, jieqaf bla għaġla u, 
												waqt li jħares lejn l-aħwa bi 
												ħniena, iwassalhom għal-laqgħa 
												ma’ Alla l-Missier” (Diskors 
												lill-parteċipanti fil-Konvenju 
												tal-pastorali vokazzjonali, 
												21 ta’ Ottubru 2016). Meta nimxu 
												maż-żgħażagħ inkunu nibnu 
												lill-komunità Nisranija kollha 
												kemm hi. 
												
												
												  
												
												
												
												Propju għax hawn 
												għandna quddiemna l-libertà 
												taż-żgħażagħ, jeħtieġ nagħtu 
												valur lill-kreattività ta’ kull 
												komunità biex toffri proposti li 
												kapaċi jinterċettaw 
												l-oriġinalità ta’ kull wieħed u 
												waħda u jgħinu fl-iżvilupp 
												tagħha. F’ħafna każi jfisser 
												ukoll li nitgħallmu nagħtu 
												spazju veru lill-ġdid, bla ma 
												nifgawh fit-tentattiv li 
												nsakkruh fi skemi lesti minn 
												qabel: ma jistax ikun hemm 
												żerriegħa li tħalli l-frott ta’ 
												vokazzjonijiet jekk nibqgħu 
												sempliċiment magħluqa 
												fil-“kriterju pastorali komdu 
												ta’ ‘għax dejjem hekk sar’”, 
												mingħajr wieħed ma “jkun 
												kuraġġjuż u kreattiv f’din 
												il-ħidma tagħna li nfasslu 
												mill-ġdid l-għanijiet, 
												l-istrutturi, l-istil u l-metodi 
												ta’ evanġelizzazzjoni 
												fil-komunitajiet tagħna” 
												
												
												(Evangelii 
												gaudium, 33). 
												
												Tliet verbi, li 
												fil-Vanġeli jfissru l-mod kif 
												Ġesù jiltaqa’ man-nies ta’ 
												żmienu, jgħinuna nsawru dan 
												l-istil pastorali: noħorġu, 
												naraw, insejħu. 
												 
												
												
												
												  
												
												
												
												
												Noħorġu 
												
												
												
												Pastorali vokazzjonali f’dan 
												is-sens tfisser li nilqgħu 
												l-istedina tal-Papa Franġisku 
												biex noħorġu, qabelxejn minn dik 
												ir-riġidità li tagħmel l-aħbar 
												tal-ferħ tal-Vanġelu inqas 
												kredibbli, mill-iskemi li fihom 
												il-persuni jħossuhom 
												ikklassifikati u minn stil ta’ 
												ħajja tal-Knisja li xi drabi hu 
												anakronistiku. Li noħorġu hu 
												wkoll sinjal ta’ libertà 
												interjuri mill-attivitajiet u 
												t-tħassib tas-soltu, biex hekk 
												liż-żgħażagħ inħalluhom isiru 
												l-protagonisti. Iħossuhom 
												jinġibdu lejn il-komunità 
												Nisranija iktar ma jarawha qed 
												tilqa’ l-kontribut konkret u 
												oriġinali li jistgħu jagħtuha. 
												
												
												
												  
												
												
												
												
												Naraw 
												
												
												
												Li noħorġu fid-dinja 
												taż-żgħażagħ jitlob minna 
												d-disponibbiltà li nqattgħu 
												l-ħin magħhom, li nisimgħu 
												l-istejjer tagħhom, il-ferħ u 
												t-tamiet tagħhom, in-niket u 
												l-uġigħ tagħhom, biex naqsmuhom 
												magħhom: din hi t-triq biex 
												ninkulturaw il-Vanġelu u 
												nevanġelizzaw lil kull kultura, 
												anki dik taż-żgħażagħ. Meta 
												l-Vanġeli jirrakkuntaw 
												il-laqgħat ta’ Ġesù mal-bnedmin 
												ta’ żmienu, juru propju l-ħila 
												tiegħu li jieqaf maġenbhom u 
												l-faxxinu li jħoss min ħarstu 
												tiltaqa’ ma’ tiegħu. Din hi 
												l-ħarsa ta’ kull ragħaj 
												awtentiku, li kapaċi jara 
												fil-qiegħ nett tal-qalb mingħajr 
												ma jkun invadenti jew ta’ 
												theddida; hi l-ħarsa vera 
												tad-dixxerniment, li mhux taħkem 
												fuq il-kuxjenza ta’ ħaddieħor 
												trid, lanqas tfassal hi minn 
												qabel il-mixja tal-grazzja ta’ 
												Alla billi tuża l-iskemi tagħha. 
												
												
												
												  
												
												
												
												
												Insejħu 
												
												
												
												Fir-rakkonti tal-Vanġelu l-ħarsa 
												kollha mħabba ta’ Ġesù tinbidel 
												f’kelma, li hi sejħa għall-ġdid 
												li rridu nilqgħu, nesploraw u 
												nibnu. Issejjaħ ifisser 
												qabelxejn terġa’ tqajjem 
												ix-xewqa, iċċaqlaq il-persuni 
												minn dak li jżommhom imwaħħlin u 
												mill-kumditajiet li fihom huma 
												mxaħxħin. Issejjaħ ifisser 
												tagħmel mistoqsijiet li għalihom 
												m’hemmx tweġibiet lesti. Hu dan, 
												u mhux il-preskrizzjoni ta’ 
												normi biex jiġu rrispettati, li 
												jħeġġeġ il-persuni biex jibdew 
												mexjin u jiltaqgħu mal-ferħ 
												tal-Vanġelu. 
												
												
												
												  
												
												
												
												2. 
												
												Suġġetti 
												
												
												
												
												Iż-żgħażagħ kollha, ħadd eskluż 
												
												
												
												Għall-pastorali ż-żgħażagħ huma 
												suġġetti u mhux oġġetti. Spiss 
												bil-fatti huma ttrattati 
												mis-soċjetà bħala preżenza bla 
												siwi u skomda: il-Knisja ma 
												tistax tirriproduċi dan 
												l-atteġġjament, għax iż-żgħażagħ 
												kollha, ħadd eskluż, għandhom 
												id-dritt li jkunu msieħba 
												fil-mixja tagħhom. 
												 
												
												
												  
												
												
												
												Kull komunità mbagħad hi msejħa 
												li turi attenzjoni fuq kollox 
												liż-żgħażagħ foqra, emarġinati u 
												esklużi u tagħmilhom 
												protagonisti. Li nkunu qrib 
												taż-żgħażagħ li qed jgħixu 
												f’kundizzjonijiet ta’ faqar u 
												skumdità ikbar, ta’ vjolenza u 
												gwerra, mard, diżabbiltà u 
												tbatija, dan hu don speċjali 
												tal-Ispirtu, li fih kapaċi jilma 
												l-istil ta’ Knisja li toħroġ. 
												Il-Knisja nfisha hi msejħa 
												titgħallem miż-żgħażagħ: 
												jagħtuha xhieda mdawla bosta 
												żgħażagħ qaddisa li għadhom 
												għajn ta’ ispirazzjoni għal 
												kulħadd. 
												
												
												  
												
												
												
												
												Komunità responsabbli 
												
												
												
												Il-komunità Nisranija kollha 
												għandha tħossha responsabbli 
												għad-dmir li teduka 
												l-ġenerazzjonijiet il-ġodda u 
												rridu nagħrfu li huma ħafna 
												l-figuri ta’ Nsara li qed 
												jagħmlu dan, ibda minn dawk li 
												jimpenjaw ruħhom fil-ħajja 
												ekkleżjali. Jiġu apprezzati 
												wkoll l-isforzi ta’ min jagħti 
												xhieda tal-ħajja tajba 
												tal-Vanġelu u l-ferħ li minnha 
												joħroġ fl-oqsma tal-ħajja ta’ 
												kuljum. Fl-aħħar nett irridu 
												nagħtu valur 
												lill-opportunitajiet ta’ 
												involviment taż-żgħażagħ 
												fl-organizzazzjonijiet ta’ 
												parteċipazzjoni tal-komunitajiet 
												djoċesani u parrokkjali, ibda 
												mill-kunsilli pastorali, biex 
												nistednuhom joffru l-kontribut 
												tal-kreattività tagħhom u 
												nilqgħu l-ideat tagħhom anki 
												meta jidhru provokatorji. 
												 
												
												
												
												  
												
												
												
												Kullimkien fid-dinja huma 
												preżenti parroċċi, 
												kongregazzjonijiet reliġjużi, 
												għaqdiet, movimenti u realtajiet 
												ekkleżjali li kapaċi jippjanaw u 
												joffru liż-żgħażagħ esperjenzi 
												tassew sinifikattivi li fihom 
												jistgħu jikbru u jiddixxernu. Xi 
												kultant din id-dimensjoni 
												proġettwali tħalli spazju 
												għall-improvizzazzjoni u 
												għall-inkompetenza: hu riskju li 
												rridu nħarsu rwieħna minnu billi 
												nieħu dejjem iktar bis-serjetà 
												d-dover li naħsbu, 
												nikkonkretizzaw, nikkordinaw u 
												nwettqu l-pastorali taż-żgħażagħ 
												b’mod korrett, koerenti u 
												effikaċi. Anki hawn hi meħtieġa 
												preparazzjoni speċifika u 
												kontinwa ta’ min hu responsabbli 
												mill-formazzjoni. 
												
												
												
												  
												
												
												
												
												Il-figuri ta’ riferiment 
												
												
												
												Ir-rwol ta’ adulti denji 
												tal-fidi tagħhom, li magħhom 
												jistgħu jidħlu f’patt pożittiv, 
												hu fundamentali f’kull mixja ta’ 
												maturazzjoni umana u ta’ 
												dixxerniment vokazzjonali. Hemm 
												bżonn ta’ nies ta’ fidi li jkunu 
												awtorevoli, b’identità umana 
												ċara, appartenenza ekkleżjali 
												soda, karattru spiritwali li 
												jidher, passjoni edukattiva 
												kollha ħeġġa u ħila qawwija ta’ 
												dixxerniment. Imma xi drabi, 
												adulti li ma jkunux ippreparati 
												u maturi aktarx jaġixxu b’mod 
												possessiv u manipulattiv, u 
												joħolqu dipendenzi negattivi, 
												inkonvenjenzi qawwija u 
												kontrotestimonjanzi serji, li 
												jistgħu jaslu wkoll sal-abbuż. 
												
												
												  
												
												
												
												Biex ikollna figuri kredibbli, 
												irridu niffurmawhom u nweżnuhom, 
												u noffrulhom ukoll kompetenzi 
												pedagoġiċi akbar. Dan jgħodd 
												b’mod partikulari għal dawk li 
												f’idejhom hu fdat id-dmir li 
												jsiebħu fid-dixxerniment 
												vokazzjonali lejn il-ministeru 
												ordnat jew il-ħajja kkonsagrata. 
												
												
												  
												
												
												
												
												Ġenituri u 
												familja: F’kull 
												komunità Nisranija rridu nagħrfu 
												r-rwol edukattiv li għandhom 
												il-ġenituri u familjari oħra, 
												rwol li ħadd u xejn ma jista’ 
												jeħodlu postu. Huma l-ewwel u 
												qabel kollox il-ġenituri, fi 
												ħdan il-familja, li jesprimu ta’ 
												kuljum l-għożża ta’ Alla għal 
												kull bniedem fl-imħabba li 
												torbothom bejniethom u ma’ 
												wliedhom. F’dan huma prezzjużi 
												l-indikazzjonijiet offruti 
												mill-Papa Franġisku f’wieħed 
												mill-kapitli tal-Amoris 
												lætitia (ara
												
												
												259-290). 
												
												
												  
												
												
												
												
												Ragħajja: Il-laqgħa 
												ma’ figuri ministerjali, li 
												kapaċi jidħlu b’mod awtentiku 
												fid-dinja taż-żgħażagħ u 
												jiddedikaw għalihom ħin u 
												riżorsi, grazzi wkoll 
												għax-xhieda ġeneruża ta’ nisa u 
												rġiel ikkonsagrati, hi deċiżiva 
												biex il-ġenerazzjonijiet 
												il-ġodda jistgħu jikbru. Dan 
												fakkru wkoll il-Papa Franġisku: 
												“Dan nitolbu l-aktar mingħand 
												ir-ragħajja tal-Knisja, 
												mill-isqfijiet u mis-saċerdoti: 
												ir-responsabbiltà 
												tal-vokazzjonijiet Insara u 
												saċerdotali tinsab fuqkom, u dan 
												l-inkarigu ma tistgħux tqisuh 
												qisu xi uffiċċju burokratiku. 
												Intom ukoll għextu laqgħa li 
												bidlitilkom ħajjitkom, meta xi 
												saċerdot ieħor – il-kappillan, 
												il-konfessur, id-direttur 
												spiritwali – ġagħalkom tħossu 
												s-sbuħija tal-imħabba ta’ Alla. 
												Hekk intom ukoll: toħorġu, 
												tisimgħu liż-żgħażagħ – hemm 
												bżonn il-paċenzja! – tistgħu 
												tgħinuhom jiddixxernu ċ-ċaqliq 
												li jħossu f’qalbhom u 
												torjentawlhom il-passi tagħhom” 
												(Diskors 
												lill-parteċipanti tal-Konvenju 
												tal-pastorali vokazzjonali, 
												21 
												
												ta’ Ottubru
												
												
												2016). 
												
												
												  
												
												
												
												
												Għalliema u 
												figuri oħra edukattivi: Tant 
												għalliema Kattoliċi huma 
												impenjati bħala xhieda 
												fl-universitajiet u fl-iskejjel 
												ta’ kull ordni u grad; fid-dinja 
												tax-xogħol ħafna huma preżenti 
												b’kompetenza u passjoni; 
												fil-politika, ħafna li jemmnu, 
												ifittxu li jkunu ħmira għal 
												soċjetà iżjed ġusta; 
												fil-volontarjat ċivili ħafna 
												jirsistu għall-ġid komuni u 
												għall-għożża tal-ħolqien; 
												fl-animazzjoni tal-ħin liberu u 
												tal-isport ħafna huma impenjati 
												b’ħeġġa u ġenerożità. Dawn 
												kollha jagħtu xhieda ta’ 
												vokazzjonijiet umani u Nsara 
												milqugħa u megħjuxa b’fedeltà u 
												impenn, u hekk iqanqlu f’min 
												jarahom ix-xewqa li jagħmel 
												l-istess: li nwieġbu b’qalb 
												ġeneruża għas-sejħa tagħna hu 
												l-ewwel mod kif nagħmlu 
												l-pastorali vokazzjonali. 
												
												
												
												
												  
												
												
												
												3. 
												
												Postijiet 
												
												
												
												
												Il-ħajja ta’ kuljum u l-impenn 
												soċjali 
												
												
												
												Li nsiru adulti jfisser 
												nitgħallmu nqassmu b’mod 
												awtonomu d-dimensjonijiet 
												tal-ħajja li huma fl-istess ħin 
												fundamentali u ta’ kuljum: l-użu 
												tal-ħin u tal-flus, l-istil 
												tal-ħajja u tal-konsum, 
												l-istudju u l-ħin liberu, 
												il-ħwejjeġ u l-ikel, il-ħajja 
												affettiva u s-sesswalità. Din 
												l-edukazzjoni, li ż-żgħażagħ bla 
												dubju jsibuha bi tqila, hi 
												l-okkażjoni biex ipoġġu ftit 
												ordni fil-ħajja tagħhom u 
												fil-prijoritajiet tagħhom, u 
												jippruvaw mixjiet ta’ għażla li 
												jistgħu jsiru ġinnasju ta’ 
												dixxerniment u jsaħħu 
												l-orjentament tagħhom fid-dawl 
												tad-deċiżjonijiet iżjed 
												importanti: il-fidi, iżjed ma 
												tkun awtentika, iżjed tisfida 
												l-ħajja ta’ kuljum u tħalliha 
												tisfidaha. Insemmu b’mod 
												partikulari l-esperjenzi, spiss 
												ibsin u problematiċi, tal-ħajja 
												tax-xogħol jew dawk ta’ nuqqas 
												ta’ xogħol: anki dawn huma 
												okkażjonijiet biex wieħed 
												jagħraf u jinżel iktar fil-fond 
												tas-sejħa tiegħu. 
												
												
												
												  
												
												
												
												Il-foqra qed 
												jokorbu u magħhom l-art: 
												l-impenn biex nisimgħuhom jista’ 
												jkun okkażjoni konkreta ta’ 
												laqgħa mal-Mulej u mal-Knisja u 
												ta’ kixfa tal-vokazzjoni tagħna. 
												Kif jgħallimna l-Papa Franġisku, 
												l-azzjonijiet komunitarji 
												tal-għożża tad-dar komuni u 
												tal-kwalità tal-ħajja tal-foqra 
												“meta jesprimu mħabba li 
												tingħata, jistgħu wkoll jinbidlu 
												f’esperjenzi spiritwali 
												mill-aktar intensi” 
												(Laudato 
												sì, 
												232) 
												
												u għalhekk anki 
												f’okkażjonijiet ta’ mixjiet u 
												ta’ dixxerniment vokazzjonali. 
												
												
												  
												
												
												
												
												L-oqsma speċifiċi tal-pastorali 
												
												
												
												Il-Knisja toffri liż-żgħażagħ 
												imkejjen speċifiċi ta’ laqgħa u 
												ta’ formazzjoni kulturali, ta’ 
												edukazzjoni u ta’ 
												evanġelizzazzjoni, ta’ 
												ċelebrazzjoni u ta’ servizz, u 
												hi fuq quddiem nett biex tilqa’ 
												lil kulħadd u lil kull wieħed u 
												waħda. L-isfida għal dawn 
												il-postijiet u għal dawk li 
												janimawhom hi li jibqgħu dejjem 
												mexjin iżjed fil-loġika tal-bini 
												ta’ xibka b’saħħitha ta’ 
												proposti, u li fil-mod kif 
												jaħdmu jagħmlu tagħhom l-istil 
												ta’ min joħroġ, jara, isejjaħ. 
												
												
												  
												
												
												
												- Fuq livell dinji jispikkaw 
												il-Jiem Dinjija taż-Żgħażagħ. 
												Barra dan, il-Konferenzi 
												Episkopali u d-Djoċesijiet 
												iħossuh dejjem iżjed dmirhom li 
												joffru avvenimenti u esperjenzi 
												speċifiċi għaż-żgħażagħ. 
												
												
												
												  
												
												
												
												- 
												
												Il-parroċċi 
												joffru spazji, attivitajiet, 
												żminijiet u mixjiet 
												għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ. 
												Il-ħajja sagramentali toffrilhom 
												okkażjonijiet fundamentali biex 
												jikbru fil-ħila li jilqgħu d-don 
												ta’ Alla fil-ħajja tagħhom u 
												tistedinhom jieħdu sehem attiv 
												fil-missjoni tal-Knisja. Sinjal 
												ta’ attenzjoni għad-dinja 
												taż-żgħażagħ huma ċ-ċentri 
												taż-żgħażagħ u l-oratorji. 
												
												
												  
												
												
												
												- 
												
												L-universitajiet 
												u l-iskejjel Kattoliċi, 
												bis-servizz kulturali u 
												formattiv prezzjuż tagħhom, huma 
												strument ieħor ta’ preżenza 
												tal-Knisja fost iż-żgħażagħ. 
												
												
												  
												
												
												
												- 
												
												L-attivitajiet 
												soċjali u ta’ volontarjat joffru 
												l-opportunità li wieħed jingħata 
												f’qadi mill-qalb; il-laqgħa ma’ 
												persuni li qed iġarrbu faqar u 
												esklużjoni tista’ tkun okkażjoni 
												tajba biex wieħed jikber 
												spiritwalment u jagħmel 
												dixxerniment vokazzjonali: anki 
												minn din il-perspettiva l-foqra 
												huma għalliema, anzi huma 
												jwasslulna l-bxara t-tajba li 
												d-dgħufija hi l-post li fih 
												nagħmlu esperjenza 
												tas-salvazzjoni. 
												
												
												  
												
												
												
												- 
												
												L-għaqdiet u 
												l-movimenti ekkleżjali, imma 
												anki tant imkejjen ta’ 
												spiritwalità, joffru 
												liż-żgħażagħ mixjiet serji ta’ 
												dixxerniment; l-esperjenzi 
												missjunarji jsiru mumenti ta’ 
												qadi ġeneruż u ta’ qsim 
												għammiel; l-iskoperta mill-ġdid 
												tal-pellegrinaġġ bħala forma u 
												stil ta’ mixja tidher valida u 
												promettenti; f’ħafna kuntesti 
												l-esperjenza tal-pjetà popolari 
												twieżen u sseddaq il-fidi 
												taż-żgħażagħ. 
												
												
												  
												
												
												
												- Postijiet ta’ importanza 
												strateġika huma s-seminarji u 
												d-djar ta’ formazzjoni, li, anki 
												permezz ta’ ħajja komunitarja 
												intensa, għandhom iħallu 
												liż-żgħażagħ li jilqgħu s-sejħa 
												jagħmlu l-esperjenza li mbagħad 
												twassalhom biex huma wkoll 
												isieħbu oħrajn. 
												 
												
												
												  
												
												
												
												
												Id-dinja diġitali 
												
												
												
												Għar-raġunijiet diġà msemmija, 
												jixraq li nsemmu b’mod 
												partikulari d-dinja tal-midja 
												ġdida, li fuq kollox 
												għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar 
												saret tassew post fil-ħajja 
												tagħhom; toffri tant 
												opportunitajiet li qatt ma 
												kellhom qabel, fuq kollox f’dak 
												li hu aċċess għall-informazzjoni 
												u n-nisġa ta’ rabtiet imbiegħda 
												minn xulxin, imma tippreżenta 
												wkoll riskji (ngħidu aħna s-cyberbullying, 
												il-logħob tal-azzard, 
												il-pornografija, perikli miċ-chat 
												rooms, il-manipulazzjoni 
												ideoloġika, u ħafna aktar). 
												Imqar jekk b’ħafna differenzi 
												bejn id-diversi reġjuni, 
												il-komunità Nisranija għadha qed 
												tibni l-preżenza tagħha f’dan 
												l-arjopagu ġdid, fejn 
												iż-żgħażagħ żgur għandhom 
												x’jgħallmuha. 
												
												
												
												  
												
												
												4. 
												Strumenti 
												
												
												
												
												Il-lingwaġġi tal-pastorali 
												
												
												
												Xi drabi nintebħu li bejn 
												il-lingwaġġ tal-Knisja u dak 
												taż-żgħażagħ hemm spazju li 
												diffiċli nimlewh kollu, anki 
												jekk hemm tant esperjenzi ta’ 
												laqgħa għammiela bejn 
												is-sensibbiltà taż-żgħażagħ u 
												l-proposti tal-Knisja fil-qasam 
												Bibliku, liturġiku, artistiku, 
												kateketiku u medjatiku. Noħolmu 
												Knisja li taf tħalli spazji 
												għad-dinja taż-żgħażagħ u 
												għal-lingwaġġi tagħha, waqt li 
												tapprezza u tivvalorizza 
												l-kreattività u t-talenti 
												tagħhom. 
												
												
												  
												
												
												
												B’mod partikulari fl-isport 
												naraw riżorsa edukattiva 
												b’opportunitajiet kbar, u 
												fil-mużika u fl-espressjonijiet 
												artistiċi l-oħra lingwaġġ 
												espressiv ipprivileġġjat li 
												jsieħeb il-mixja li fiha 
												ż-żgħażagħ jistgħu jkomplu 
												jikbru. 
												
												
												  
												
												
												
												
												Il-kura edukattiva u l-mixjiet 
												ta’ evanġelizzazzjoni 
												
												
												
												Fl-azzjoni pastorali 
												maż-żgħażagħ, fejn hemm bżonn 
												nagħtu bidu għal proċessi iktar 
												milli nimlew l-ispazji, niskopru 
												qabelxejn l-importanza 
												tas-servizz biex kull persuna 
												tikber umanament u tal-għodda 
												pedagoġika u formattiva li 
												tista’ twieżen dan is-servizz. 
												Bejn evanġelizzazzjoni u 
												edukazzjoni hemm rabta ġenetika 
												għammiela, li, fir-realtà 
												tal-lum, għandha tagħti kas 
												tal-gradwalità tal-mixjiet ta’ 
												maturazzjoni tal-libertà. 
												
												
												  
												
												
												
												B’differenza mill-imgħoddi, 
												irridu nidraw mixjiet ta’ 
												tqarrib lejn il-fidi dejjem 
												inqas standardizzati u iżjed 
												attenti għall-karatteristiċi 
												personali ta’ kull persuna: 
												flimkien ma’ dawk li għadhom 
												isegwu t-tappi tradizzjonali 
												tal-inizjazzjoni Nisranija, 
												ħafna jaslu għal-laqgħa tagħhom 
												mal-Mulej u mal-komunità 
												tal-fidi minn triq oħra u f’età 
												ogħla, ngħidu aħna billi jitilqu 
												mill-prattika ta’ impenn b’risq 
												il-ġustizzja jew mil-laqgħa 
												tagħhom f’oqsma barra 
												mill-Knisja ma’ xi ħadd li 
												kapaċi jkun xhud kredibbli. 
												L-isfida għall-komunitajiet hi 
												li jilqgħu lil kulħadd, mexjin 
												wara Ġesù li kien kapaċi 
												jitkellem sew mal-Lhud u 
												mas-Samaritani, sew mal-pagani 
												ta’ kultura Griega u 
												mal-ħakkiema Rumani, u fehem 
												ix-xewqa profonda ta’ kull 
												wieħed u waħda minnhom. 
												
												
												  
												
												
												
												
												Skiet, kontemplazzjoni, talb 
												
												
												
												Fl-aħħar nett u fuq kollox, 
												m’hemmx dixxerniment mingħajr ma 
												nrawmu fina familjarità 
												mal-Mulej, fid-djalogu mal-Kelma 
												tiegħu. B’mod partikulari, il-Lectio 
												Divina hi metodu prezzjuż li 
												tagħtina t-tradizzjoni 
												tal-Knisja. 
												
												
												  
												
												
												
												F’soċjetà dejjem iżjed 
												storbjuża, li toffri kotra ta’ 
												stimoli, oġġettiv fundamentali 
												tal-pastorali vokazzjonali 
												taż-żgħażagħ hu dak li toffri 
												okkażjonijiet biex wieħed 
												itiegħem il-valur tas-skiet u 
												tal-kontemplazzjoni u li 
												tifformah jerġa’ jaqra 
												l-esperjenzi tiegħu u jisma’ 
												l-kuxjenza. 
												
												
												  
												
												
												
												5. Marija 
												ta’ Nazaret 
												
												
												
												Nafdaw lil Marija din il-mixja 
												li fiha l-Knisja qed tistaqsi 
												lilha nfisha kif għandha ssieħeb 
												liż-żgħażagħ biex jilqgħu 
												s-sejħa għall-ferħ tal-imħabba u 
												għall-ħajja fil-milja tagħha. 
												Hi, ix-xebba żagħżugħa ta’ 
												Nazaret, li f’kull pass ta’ 
												ħajjitha tilqa’ l-Kelma u 
												tgħożżha, hi u taħseb fuqha 
												bejnha u bejn ruħha (ara Lq 
												2:19), kienet l-ewwel waħda li 
												terrqet din il-mixja. 
												
												
												  
												
												
												
												Kull żagħżugħ u żagħżugħa jista’ 
												jiskopri fil-ħajja ta’ Marija 
												l-istil tas-smigħ, il-kuraġġ 
												tal-fidi, il-profondità 
												tad-dixxerniment u l-għotja 
												għall-qadi (ara Lq 1:39-45). 
												Fiċ-“ċokon” tagħha, il-Verġni 
												mgħarrsa ma’ Ġużeppi dduq 
												id-dgħufija u t-taħbit ta’ min 
												jipprova jifhem ir-rieda 
												misterjuża ta’ Alla (ara Lq 
												1:34). Anki hi msejħa tgħix 
												il-ħruġ minnha nfisha u 
												mill-pjanijiet tagħha, u 
												titgħallem tintelaq u tafda. 
												
												
												  
												
												
												
												Hi u tiftakar fil-“ħwejjeġ kbar” 
												li s-Setgħani għamel magħha (ara 
												Lq 1:49), il-Verġni Mbierka ma 
												tħosshiex waħidha, imma 
												għalkollox maħbuba u mwieżna 
												minn dik it-Tibżax 
												tal-anġlu (ara Lq 1:30). 
												Fl-għarfien tagħha li Alla hu 
												magħha, Marija tiftaħ qalbha 
												għall-Hawn jien u hekk 
												tniedi t-triq tal-Vaġelu (ara Lq 
												1:38). Mara tal-interċessjoni 
												(ara Ġw 2:3), quddiem is-salib 
												ta’ Binha, flimkien 
												mad-“dixxiplu l-maħbub”, tilqa’ 
												mill-ġdid is-sejħa biex tkun 
												għammiela u tnissel il-ħajja 
												fl-istorja tal-bnedmin. 
												F’għajnejha kull żagħżugħ u 
												żagħżugħa jista’ jiskopri 
												l-ġmiel tad-dixxerniment, 
												f’qalbha jista’ jduq il-ħlewwa 
												tal-intimità u l-kuraġġ 
												tax-xhieda u tal-missjoni. 
												
												
												
												 
 
												
												
												
												KWESTJONARJU 
												
												
												  
												
												
												
												L-għan ta’ dan 
												il-kwestjonarju hu li jgħin 
												lill-Organizzazzjonijiet li 
												għandhom il-jedd jesprimu 
												l-fehma tagħhom dwar id-dinja 
												taż-żgħażagħ u jaqraw 
												l-esperjenza tagħhom ta’ tisħib 
												vokazzjonali, fid-dawl tal-ġabra 
												tat-tagħrif kollu għat-tfassil 
												tad-Dokument ta’ ħidma 
												jew 
												
												Instrumentum 
												laboris. 
												
												
												  
												
												
												
												B’attenzjoni għad-diversi 
												sitwazzjonijiet fil-kontinenti 
												kolha, wara l-mistoqsija n. 15, 
												iddaħħlu tliet mistoqsijiet 
												speċifiċi għal kull parti 
												ġeografika, li għalihom huma 
												mistiedna jwieġbu 
												l-Organizzazzjonijiet 
												ikkonċernati.  
												
												
												  
												
												
												
												Biex dan ix-xogħol ikun iktar 
												ħafif u sostenibbli, 
												l-organizzazzjonijiet rispettivi 
												huma mitluba jibagħtu sa paġna 
												waħda bit-tweġibiet tagħhom 
												għall-mistoqsijiet ta’ 
												statistika, bejn seba’ u tmien 
												paġni għall-analiżi 
												tas-sitwazzjoni, paġna għal kull 
												waħda mit-tliet esperjenzi 
												maqsuma. Jekk ikun hemm bżonn 
												jew wieħed ikun jixtieq, jistgħu 
												jiġu mehmuża testi oħra bħala 
												sapport jew żieda ma’ din 
												il-ġabra qasira ta’ tagħrif. 
												
												
												  
												
												
												
												1. 
												
												Ġbir ta’ 
												statistika 
												
												
												
												
												Jekk possibbli, nitolbuk tindika 
												l-għejun tal-istatistika u 
												s-snin. Jista’ jiżdied tagħrif 
												ieħor fil-qosor li jidhirlek li 
												hu rilevanti biex tinftiehem 
												aħjar is-sitwazzjoni tad-diversi 
												pajjiżi.  
												
												
												
												- 
												
												L-għadd ta’ 
												abitanti fil-pajjiż/i u r-rata 
												tat-twelid. 
												
												
												
												- 
												
												L-għadd u 
												l-perċentwal ta’ żgħażagħ (16-29 
												sena fil-pajjiż/i. 
												
												
												
												- 
												
												L-għadd u 
												l-perċentewal ta’ Kattoliċi 
												fil-pajjiż/i. 
												
												
												
												- 
												
												L-età
												
												
												medja (fl-aħħar 
												ħames snin) taż-żwieġ (agħżel 
												bejn irġiel u nisa), tad-dħul 
												fis-seminarju jew tad-dħul 
												fil-ħajja kkonsagrata (agħżel 
												bejn irġiel u nisa). 
												
												
												
												- 
												
												Fil-faxxa 16-29 
												sena, il-perċentwal ta’: 
												studenti, ħaddiema (jekk 
												possibbli tispeċifika l-oqsma), 
												qiegħda, 
												
												NEET. 
												
												
												  
												
												
												
												2. 
												
												Naqraw 
												is-sitwazzjoni 
												
												
												
												a) 
												
												Żgħażagħ, Knisja 
												u soċjetà 
												
												
												
												
												Dawn il-mistoqsijiet jirriferu 
												kemm għaż-żgħażagħ li 
												jiffrekwentaw l-ambjenti 
												tal-Knisja, u kemm għal dawk li 
												huma iżjed imbiegħda jew 
												barranin. 
												
												
												
												1. B’liema mod qed tisimgħu 
												r-realtà taż-żgħażagħ? 
												
												
												
												2. Liema huma l-isfidi 
												prinċipali u liema 
												l-opportunitajiet l-iżjed 
												sinifikattivi għaż-żgħażagħ ta’ 
												pajjiżkom illum? 
												
												
												
												3. Liema tipi u postijiet fejn 
												jiltaqgħu ż-żgħażagħ, 
												istituzzjonali u mhumiex, 
												għandhom l-iżjed suċċess 
												fil-qasam ekkleżjali, u għaliex? 
												
												
												
												4. Liema tipi u postijiet fejn 
												jiltaqgħu ż-żgħażagħ, 
												istituzzjonali u mhumiex, 
												għandhom l-iżjed suċċess barra 
												mill-qasam ekkleżjali, u 
												għaliex? 
												
												
												
												5. X’qed jitolbu b’mod konkret 
												iż-żgħażagħ ta’ pajjiżkom 
												lill-Knisja llum? 
												
												
												
												6. F’pajjiżkom liema huma 
												l-ispazji ta’ parteċipazzjoni li 
												għandhom iż-żgħażagħ fil-ħajja 
												tal-komunità ekkleżjali? 
												
												
												
												7. Kif u fejn qed jirnexxilkom 
												tiltaqgħu maż-żgħażagħ li ma 
												jiffrekwentawx l-ambjenti 
												ekkleżjali tagħkom? 
												
												
												  
												
												
												
												b) 
												
												Il-pastorali 
												vokazzjonali taż-żgħażagħ 
												
												
												
												8. X’sehem għandhom il-familji u 
												l-komunitajiet fid-dixxerniment 
												vokazzjonali taż-żgħażagħ?
												 
												
												
												
												9. X’sehem għandhom 
												fil-formazzjoni 
												għad-dixxerniment vokazzjonali 
												l-iskejjel u l-universitajiet 
												jew istituzzjonijiet oħra ta’ 
												formazzjoni (ċivili jew 
												ekkleżjali)? 
												
												
												
												10. B’liema mod qed tagħtu kas 
												tal-bidla kulturali minħabba 
												fl-iżvilupp tad-dinja diġitali? 
												
												
												
												11. B’liema mod il-Jum Dinji 
												taż-Żgħażagħ jew avvenimenti 
												oħra nazzjonali jew 
												internazzjonali jidħlu 
												fil-prattika pastorali 
												ordinarja? 
												
												
												
												12. Kif fid-Djoċesijiet tagħkom 
												qed jitħejjew esperjenzi u 
												mixjiet ta’ pastorali 
												vokazzjonali maż-żgħażagħ? 
												
												
												
												  
												
												
												
												ċ)
												
												
												L-akkumpanjaturi 
												
												
												
												13. 
												
												
												X’ħinijiet u 
												spazji jiddedikaw ir-ragħajja u 
												l-edukaturi l-oħra għat-tisħib 
												spiritwali personali? 
												
												
												
												14. X’inizjattivi u mixjiet ta’ 
												formazzjoni qed isiru 
												għall-akkumpanjaturi 
												vokazzjonali? 
												
												
												
												15. X’tisħib personali qed jiġi 
												propost fis-seminarji? 
												
												
												  
												
												
												
												d) 
												
												Mistoqsijiet 
												speċifiċi għal postijiet 
												ġeografiċi 
												
												
												
												L-AFRIKA 
												
												
												
												a. 
												
												X’viżjonijiet u 
												strutturi ta’ pastorali 
												vokazzjonali maż-żgħażagħ 
												iwieġbu l-aħjar għall-bżonnijiet 
												tal-kontinent tagħkom? 
												
												
												
												b. Kif tinterpretaw 
												il-“paternità spiritwali” 
												f’kuntesti fejn wieħed jikber 
												mingħajr il-figura paterna? 
												X’formazzjoni toffru? 
												 
												
												
												
												ċ. Kif jirnexxielkom turu 
												liż-żgħażagħ li għandkom 
												bżonnhom biex tistgħu tibnu 
												futur aħjar għall-Knisja? 
												 
												
												
												
												  
												
												
												
												L-AMERIKA 
												
												
												
												a. 
												
												B’liema mod 
												il-komunitajiet tagħkom qed 
												jerfgħu r-responsabbiltà ta’ 
												żgħażagħ li jgħaddu minn 
												sitwazzjonijiet ta’ vjolenza 
												estrema (gwerrilja, gruppi 
												kriminali, ħabs, vizzji 
												tax-xorb, żwiġijiet sfurzati) u 
												jseħbuhom f’mixjiet ta’ ħajja? 
												
												
												
												b. X’formazzjoni qed toffru biex 
												tgħinu liż-żgħażagħ jimpenjaw 
												ruħhom fil-qasam soċjo-politiku 
												għall-ġid komuni? 
												 
												
												
												
												ċ. F’kuntesti ta’ 
												sekularizzazzjoni qawwija, liema 
												azzjonijiet pastorali tħossu li 
												huma l-iżjed effikaċi biex 
												tibqa’ għaddejja mixja ta’ fidi 
												wara dik tal-inizjazzjoni 
												Nisranija? 
												
												
												  
												
												
												
												L-ASJA U L-OĊEANJA 
												
												
												
												a. 
												
												Għaliex u kif 
												għandhom faxxinu fuq iż-żgħażagħ 
												il-proposti reliġjużi 
												aggregattivi li joffrulhom 
												ir-realtajiet barra mill-Knisja? 
												
												
												
												b. Kif tistgħu xxierku l-valuri 
												tal-kultura lokali mal-proposta 
												Nisranija, billi tagħtu anki 
												valur lill-pjetà popolari? 
												
												
												
												ċ. Kif qed tużaw il-pastorali 
												tal-lingwaġġi taż-żgħażagħ, fuq 
												kollox il-midja, l-isport u 
												l-mużika? 
												
												
												
												  
												
												
												
												L-EWROPA 
												
												
												
												- 
												
												Kif qed tgħinu 
												liż-żgħażagħ iħarsu lejn 
												il-futur b’fiduċja u tama, ibda 
												mill-għana tal-memorja Nisranija 
												tal-Ewropa? 
												
												
												
												- Spiss iż-żgħażagħ iħossuhom 
												mormija u miċħuda mis-sistema 
												politika, ekonomika u soċjali li 
												fiha jgħixu. Kif qed tisimgħu 
												din il-protesta li tista’ 
												tinbidel f’parteċipazzjoni u 
												kollaborazzjoni? 
												
												
												
												- Fuq liema livelli għadha 
												taħdem ir-relazzjoni bejn 
												il-ġenerazzjonijiet? U kif 
												nerġgħu nagħtuha l-ħajja hemm 
												fejn m’għadhiex? 
												
												
												  
												
												
												
												3. 
												
												Naqsmu flimkien 
												metodi ta’ prattika 
												
												
												
												1. 
												
												Semmu l-metodi 
												prinċipali ta’ prattika 
												pastorali ta’ tisħib u 
												dixxerniment vokazzjonali 
												preżenti fir-realtajiet tagħkom. 
												
												
												
												2. Agħżlu tliet prattiċi li 
												tħossu li huma l-iżjed 
												interessanti u jixraq li 
												taqsmuhom mal-Knisja universali, 
												u ppreżentawhom skont l-iskema 
												li ġejja (massimu ta’ paġna 
												għal kull esperjenza). 
												
												
												
												a) Tifsira:
												
												
												Niżżlu 
												l-esperjenza fi ftit sentenzi. 
												Min huma l-protagonisti? Kif 
												issir il-ħidma? Fejn? Eċċ. 
												
												
												
												b) Analiżi:
												
												
												Ivvalutaw 
												l-esperjenza, anki fi kliem 
												sempliċi, biex tiġbru aħjar 
												l-elementi li jikkwalifikawha: 
												Liema huma l-għanijiet? Liema 
												huma l-premessi teoriċi? Liema 
												huma l-intuwizzjonijiet l-iżjed 
												interessanti? Kif evolvew? Eċċ. 
												
												
												
												ċ) Valutazzjoni:
												
												
												Xi ntlaħaq u ma 
												ntlaħaqx? Il-punti qawwija u 
												dgħajfa? Liema huma 
												l-konsegwenzi fuq livell 
												soċjali, kulturali, ekkleżjali? 
												Għaliex u fiex l-esperjenza hi 
												sinifikattiva/formattiva? Eċċ. 
												
												
												
												  
												
												
												
												  
												
												
												
												
												miġjub mit-Taljan għall-Malti 
												minn Francesco Pio Attard 
												
												
												  
												 |