Il-Ħamis 12 ta’ Mejju 2016
L-insara jaħdmu għall-għaqda,
min jiżra’ s-sikrana jifred
Ġesù jitlob għall-għaqda
fost l-insara imma
fil-Knisja hemm min jiżra’
s-sikrana, dawk li jifirdu u
jeqirdu l-komunitajiet
b’ilsienhom. Dan affermah il-Papa
Franġisku dalgħodu waqt
il-quddiesa fil-kappella
tad-Dar Santa Marta. Qabel
il-Passjoni, Ġesù jitlob
għall-għaqda fost dawk li
jemmnu, fost il-komunitajiet
insara, “biex ikunu ħaġa
waħda” bħalma huma Hu u l-Missier,
biex b’hekk id-dinja temmen.
L-għaqda bejn
il-komunitajiet insara, bejn
il-familji nsara, hi xhieda
tal-fatt li l-Missier bagħat
lil Ibu Ġesù. U forsi li
naslu għall-għaqda
fil-komunità nisranija,
fil-parroċċa, fid-djoċesi,
f’istituzzjoni nisranija,
fil-familja nisranija, hi
ħaġa mill-aktar diffiċli.
L-istorja tagħna, l-istorja
tal-Knisja, kultant
tħammrilna wiċċna: għamilna
l-gwerrer kontra ħutna l-insara
l-oħra! Niftakru f’waħda dik
tat-30 sena!
Fejn l-insara jagħmlu l-gwerrer
bejniethom, afferma
Franġisku, mhemmx xhieda.
Għandna għalfejn nitolbu
ħafna maħfra lill-Mulej għal
din l-istorja! Storja spiss
ta’ firdiet u mhux
fil-passat biss, illum ukoll.
Illum ukoll id-dinja qed
tara li aħna mifrudin u
tgħid: ħa jiftehmu
bejniethom l-ewwel.. u
mbagħad naraw..... Kif jista’
jkun li d-dixxipli ma jablux
bejniethom minkejja li raw
li Ġesù qam mill-mewt,
staqsa l-Papa?
Darba, nisrani Kattoliku
saqsa lil nisrani ieħor
mill-Knisja tal-Orjent,
kattoliku wkoll: Kristu
tiegħi se jqum pitgħada,
tiegħek meta se jirxoxta?
Lanqas fl-Għid ma aħna ħaġa
waħda! U dan madwar id-dinja
kollha. B’hekk id-dinja ma
temminx.
Kienet l-għira tax-xitan,
kompla l-Papa, li daħħlet
id-dnub fid-dinja. L-istess
fil-komu,nitajiet insara hi
kważi “drawwa” li jkun hemm
l-egoiżmu, għira, firdiet li
jwasslu biex wieħed iqassas
fuq l-ieħor. Hemm wisq
tqassis bejniethna!
Fl-Arġentina dawn in-nies
huma meqjusin bħala dawk li
jiżirgħu s-sikrana, li
jifirdu. B’hekk jibdew
il-firdiet, bl-ilsien,
minħabba l-għira u anki
minħabba l-għeluq! L-ilsien
għandu s-setgħa jeqred
familja, komunità, soċjetà,
jiżra’ l-mibgħeda u joħloq
il-gwerrer.
Minflok ma nfittxu li
niċċaraw l-affarijiet,
għalina hu aktar komdu
nqassu, nkissru l-fama
tal-ieħor. Il-Papa semma’ l-istorja
magħrufa ta’ San Filippu
Neri li lil waħda mara li
kienet qasset fuq ħaddieħor,
bħala penitenza kien qalilha
biex tnittef tiġieġa,
tferrex ir-rix mat-triq u
mbagħad terġa’ tiġborhom.
Impossibbli, weġbitu. It-tqassis
lil din l-istorja jixbaħ,
osserva Franġisku.
It-tqassis ifisser li wieħed
iħammeġ lill-ieħor, min
iqassas iħammeġ, jeqred
il-fama, il-ħajja, ħafna
drabi mingħajr ebda raġuni
valida u bin-nuqqas ta’
verità.
Ġesù talab għalina, għalina
lkoll li ninsabu hawn u
għall-komunitajiet tagħna,
għall-parroċċi tagħna,
għad-djoċesijiet tagħna:
“Biex ikunu ħaġa waħda”
Nitolbu lill-Mulej li jtina
din il-grazzja, għax is-setgħa
tax-xitan, is-setgħa tad-dnub,
hi qawwija ħafna, tifridna,
dejjem. Nitolbuh itina l-grazzja,
dan ir-rigal li jnissel l-armonija,
għax Hu nnifsu hu l-armonija,
il-glorja tal-komunitajiet
tagħna. Nitolbuh il-grazzja
li jtina l-paċi fl-għaqda.
Nitolbu għall-għaqda fost l-insara,
il-grazzja l-kbira u l-grazzja
ż-żgħira, dik ta’ kuljum,
għall-komunitajiet,
għall-familji, il-grazzja li
ngħakksu lsienna, temm jgħid
il-Papa Franġisku.