lt-Tnejn 9 ta’ Mejju 2016
L-Ispirtu s-Santu jagħmilna
nsara veri mhux insara
“virtwali”
L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-Knisja
qal il-Papa Franġisku waqt
l-omelija ta’ dalgħodu
fid-Dar Santa Marta. Waqt
il-quddiesa l-Papa sellem
lis-sorijiet Vinċenzjani li
jaħdmu u jmexxu d-dar Santa
Marta, għax illum hija l-festa
tal-fundatriċi tagħhom Santa
Luisa Marillac.
Għall-omelija l-Papa
Franġisku ħa spunt mid-djalogu
bejn l-ewwel dixxipli u San
Pawl f’Efesu meta qalulu:
aħna lanqas biss smajna
bl-Ispirtu s-Santu.
Illum ukoll, osserva
Franġisku, jiġri bħalma ġara
lil dawk id-dixxipli, li
minkejja li kienu jemmnu
f’Ġesù ma kienux jafu min hu
l-Ispirtu s-Santu. Ħafna
jgħidu li fil-katekiżmu
tgħallmu li l-Ispirtu s-Santu
hu t-Tielet Persuna tat-Trinità,
imma jieqfu hemm u ma jkunu
jafu xejn aktar.
L-Ispirtu s-Santu hu dak li
jmexxi l-Knisja, li jaħdem
fiha, fi qlubna, hu dak li
lil kull nisrani jagħmlu
persuna differenti minn
oħrajn, imma li mbagħad
jgħaqqad lil kulħadd
flimkien.
Hu dak li jmexxi, li jiftaħ
il-bibien u jistiednek biex
tagħti xhieda ta’ Ġesù.
Smajna fil-bidu tal-quddiesa:
“Irċievu l-Ispirtu s-Santu u
tkunu xhieda tiegħi fid-dinja
kollha”.
L-Ispirtu s-Satu hu dak li
jqanqalna biex infaħħru ‘l
Alla u nitolbu. Hu dak li
jgħallimna nħarsu lejn
il-Missier u ngħidulu: “Missierna”.
Jeħlisna minn dil-qagħda ta’
orfni li fiha jrid idaħħalna
l-ispirtu tad-dinja.
L-Ispirtu s-Santu hu l-protagonista
tal-Knisja, kompla jgħid il-Papa,
hu dak li jaħdem fil-Knisja.
Il-periklu hu li aħna ma
ngħixux dan, meta ma
jkollniex ħila nwettqu din
il-missjoni u nirriduċu l-fidi
f’regoli morali, f’etika.
Ma nistgħux nieqfu biss
fil-ħarsien tal-Kmandamenti
bla ma nagħmlu xejn aktar:
dan nista’ nagħmlu u dak ma
nistax, s’hawn nista’ nasal
u mhux aktar! B’hekk
il-morali ssir ħaġa riġida,
distakkata.
Il-ħajja nisranija mhix
etika, imma hija laqgħa ma’
Ġesù Kristu. Huwa propju l-Ispirtu
s-Santu li jmexxini lejn
dil-laqgħa ma’ Ġesù Kristu.
Imma f’ħajjitna, l-Ispirtu
s-Santu qiesu priġinier
speċjali, ma nħalluhx
jimbuttana ma nħalluhx
iċaqlaqna. Kollox jagħmel,
kollox jaf, jaf ifakkrna
x’qal Ġesù, jaf jispjegalna
dak li għamel Ġesù.
Ħaġa waħda biss ma jafx
jagħmel l-Ispirtu s-Santu –
ma jafx jagħmilna nsara “tas-salott”.
Dan ma jafx jagħmlu! Ma jafx
jagħmel minna nsara virtwali
imma jaf jagħmilna nsara
bil-virtù. Hu jieħu l-ħajja
kif inhi bil-profezija li
jaqra s-sinjali
taż-żminijiet u b’hekk
imexxina ‘l quddiem.
Hu priġunier ġewwa qalbna.
Ngħidu li hu t-Tielet
Persuna tat-Trinità u nieqfu
hemm. Dil-ġimgħa, żied il-Papa,
jagħmlilna tajjeb
nirriflettu fuq dak li
jagħmel l-Ispirtu s-Santu
fija u nistaqsu lilna nfusna
jekk għallimniex it-triq
tal-libertà.
L-Ispirtu s-Santu li hemm
fija, kompla jgħid Franġisku,
jimbuttani biex noħroġ minni
nnifsi, mingħajr biża’? Kif
inhu l-kuraġġ tiegħi,
il-kuraġġ li jtini l-Ispirtu
s-Santu biex noħroġ minni
nnifsi, biex nagħti xhieda
ta’ Ġesù? U aktar: kif inhi
l-paċenzja tiegħi
fil-mumenti tal-prova? Għax
anki l-paċenzja jtihilna l-Ispirtu
s-Santu.
F’dil-ġimgħa ta’ tħejjija
għall-festa ta’ Pentekoste
naħsbu ftit: Jien verameent
nemmen jew għalija l-Ispirtu
s-Santu hu kliem biss?
Nippruvaw nitkellmu miegħu u
ngħidulu: Jiena naf min int,
Int tinsab f’qalbi, Int
ir-ruħ tal-Knisja, Int
tmexxiha ‘l quddiem, Int
tgħaqqad lil kulħadd
flimkien, aħna li aħna
differnti minn xulxin, bid-diversità,
imma lkoll ħaġa waħda.
Ngħidulu dawn l-affarijiet
kollha u nitolbuh il-grazzja
li nitgħallmu nwettqu
fil-prattika ta’ ħajjitna,
dak li jagħmel Hu. Il-grazzja
tal-ħlewwa tiegħu: inkunu
doċli bħall-Ispirtu s-Santu.
Matul dil-ġimgħa nagħmlu dan:
naħsbu fl-Ispirtu s-Santu u
nitkellmu miegħu.