L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Rocco Buttiglione dwar l-Amoris Laetitia

Il-ferħ tal-imħabba li fixel lit-teologi

Dwar xi kummenti fuq l-Eżortazzjoni appostolika tal-Papa Franġisku “Amoris lætitia”

Rocco Buttiglione

 

 

L’Osservatore Romano, 20 ta’ Lulju 2016

 

Niftakar li ħafna żmien ilu kont rajt karikatura fuq ġurnal Franċiż, naħseb L’Aube. Kien hemm ħafna teologi, kull wieħed fuq it-tumbata ċkejkna tiegħu, ifittxu fuq ix-xefaq jaraw jilmħux lil Kristu. Min-naħa l-oħra, fil-wied it-tfal sabuh lil Ġesù. Hu qabdilhom idejhom u flimkien jgħaddu minn nofs it-teologi, li jibqgħu ma jagħrfuhx. It-teologi ħarsithom fil-bogħod, meta Hu jinsab f’nofshom.

 

 

 

Ġietni f’moħħi din il-karikatura minn tant snin ilu jien u naqra ċerti kummenti fuq l-Amoris lætitia u, b’mod iktar ġenerali, fuq il-pontifikat tal-Papa Franġisku. Is-sensus fidei tal-poplu Nisrani minnufih għarfu u mexa warajh. Imma xi għorrief qed ibatu biex jifhmuh, u arahom jikkritikawh, jgħidu li qed jeħodha kontra t-tradizzjoni tal-Knisja u b’mod partikulari tal-predeċessur kbir tiegħu San Ġwanni Pawlu II. Donnu fixilhom il-fatt li fit-test tiegħu ma sabux il-konferma tat-teoriji tagħhom u b’xejn ma jridu jinqalgħu mill-iskemi mentali tagħhom biex jagħtu widen għall-element ġdid u sorprendenti tal-messaġġ tiegħu. Il-Vanġelu hu dejjem ġdid u dejjem antik. Propju għalhekk ma jixjieħ qatt.

 

Ejjew nippruvaw naqraw il-parti l-iżjed kontroversjali tal-Amoris lætitia bl-għajnejn ta’ tifel ċkejken. Il-parti l-aktar kontroversjali hi dik li fiha l-Papa jgħid li, fuq ċerti kundizzjonijiet u f’ċerti ċirkustanzi, xi divorzjati li reġgħu żżewġu jistgħu jirċievu l-Ewkaristija.

 

Meta kont għadni żgħir kelli nistudja l-Katekiżmu biex stajt nagħmel l-Ewwel Tqarbina. Kien il-katekiżmu ta’ Papa li żgur kien antimodernista: San Piju X. Niftakru jispjega li biex titqarben jeħtieġ li ruħek tkun ħielsa mid-dnub il-mejjet. U mbagħad jispjega x’kien id-dnub il-mejjet. Biex dnub ikun mejjet hemm bżonn tliet kundizzjonijiet. Irid ikun hemm għemil ħażin, gravament kuntrarju għal-liġi morali: materja serja. Rapporti sesswali ’l barra miż-żwieġ huma bla dubju gravament kuntrarji għal-liġi morali. Hekk kien qabel l-Amoris lætitia, u hekk jibqa’ fl-Amoris lætitia u naturalment anki wara l-Amoris lætitia. Il-Papa ma bidilx it-tagħlim tal-Knisja.

 

Imma San Piju X jgħidilna ħaġa oħra. Biex dnub ikun mejjet hemm bżonn ta’ żewġ kundizzjonijiet oħra, barra l-materja gravi. Hemm bżonn li wieħed ikun għalkollox konxju tal-ħażen ta’ għemilu. Dan ifisser li s-suġġett irid ikun konvint fil-kuxjenza tiegħu mill-ħażen tal-għemil. Jekk fil-kuxjenza hu konvint li l-għemil mhux (gravament) ħażin, l-għemil jaf ikun materjalment ħażin imma ma jistax jinftiehem bħala dnub mejjet. Barra minn hekk, is-suġġett irid ikun ta l-kunsens ħieles tiegħu għall-għemil ħażin. Dan ifisser li l-midneb ikun ħieles jaġixxix jew le: ħieles li jaġixxi b’mod jew b’ieħor u ma jkunx sab ruħu f’qagħda mġiegħla jew ta’ biża’ li tobbligah jagħmel xi ħaġa li jippreferi ma jagħmilhiex.

 

Nistgħu nistħajlu ċirkustanzi fejn persuna divorzjata li reġgħet iżżewġet tista’ ssib ruħha qed tgħix f’sitwazzjoni ta’ ħtija gravi mingħajr ma hi konxja jew mingħajr il-kunsens ħieles tagħha? Ġiet mgħammda imma qatt ma ġiet tassew evanġelizzata, daħlet għal żwieġ tal-qoxra, imbagħad sfat mitluqa. Imbagħad ingħaqdet ma’ persuna li għenitha f’mumenti diffiċli, ħabbitha tassew, saret missier jew omm tajba għall-ulied li kellha mill-ewwel żwieġ.

 

Wieħed jista’ jipproponilha li jgħixu flimkien bħal aħwa, imma x’jagħmlu jekk il-persuna l-oħra ma taċċettax? F’ċertu punt tal-ħajja tturmentata tagħha din il-persuna tinġibed mill-ġmiel tal-fidi, tirċievi għall-ewwel darba evanġelizzazzjoni vera. Forsi l-ewwel żwieġ mhux verament validu, imma m’hemmx il-possibbiltà li tappella għal tribunal ekkleżjastiku jew li ġġib il-provi tal-invalidità. Nieqfu hawn bl-eżempji għax ma rridux nidħlu f’każistika li ma tispiċċa qatt.

 

X’tgħidilna l-Amoris lætitia dwar każi bħal dawn? Forsi aħjar nibdew b’dak li l-Eżortazzjoni appostolika ma tgħidilniex. Ma tgħidx li d-divorzjati li reġgħu żzżewġu jistgħu trankwillament jitqarbnu. Il-Papa jistieden lid-divorzjati fit-tieni żwieġ biex jibdew (jew ikomplu) mixja ta’ konverżjoni. Jistedinhom jistaqsu lill-kuxjenza tagħhom jew isibu direttur spiritwali li jgħinhom. Jistedinhom ifittxu l-konfessjonarju u jaqsmu s-sitwazzjoni tagħhom. Jistieden lill-penitenti u lill-konfessuri biex jibdew mixja ta’ dixxerniment spiritwali. L-Eżortazzjoni appostolika ma tgħid xejn dwar meta f’din il-mixja huma jistgħu jirċievu l-assoluzzjoni u jersqu jirċievu l-Ewkaristija. Ma tgħidux għax tant hi wiesgħa l-firxa ta’ sitwazzjonijiet u ta’ ċirkustanzi umani.

 

Il-mixja li l-Papa qed jipproponi lid-divorzjati li reġgħu żżewġu hi eżattament l-istess waħda li l-Knisja tipproponi lill-midinbin kollha: mur qerr u l-konfessur tiegħek, meta jkun għarbel u wiżen iċ-ċirkustanzi kollha, jiddeċiedi jagħtikx l-assoluzzjoni u jħallikx titqarben.

 

Hi ħaġa żgura li l-penitent qed jgħix f’sitwazzjoni oġġettiva ta’ dnub gravi, sakemm ma jkunx każ ta’ żwieġ invalidu. Imma li qed jerfa’ r-responsabbiltà sħiħa suġġettiva tal-ħtija tiegħu, dan għad irridu narawh. Għalhekk imur iqerr.

 

Xi wħud jgħidu li meta jgħid dawn l-affarijiet il-Papa qed jikkontradixxi l-battalja kbira ta’ Ġwanni Pawlu II kontra s-suġġettiviżmu etiku. Dan jiddedika l-Enċiklika Veritatis splendor għal din il-battalja. Is-suġġettiviżmu etiku jgħid li għemil uman hu tajjeb jew ħażin skond l-intenzjoni ta’ min jagħmlu. Għas-suġġettiviżmu etiku, l-unika ħaġa tajba fid-dinja hi r-rieda tajba. Biex niġġudikaw l-għemil jeħtieġ allura nqisu x’inhuma l-konsegwenzi mixtieqa minn min jagħmlu. Skond din l-etika, kull għemil jista’ jkun tajjeb jew ħażin skond iċ-ċirkustanzi li fihom isir. Il-Papa Franġisku, f’sintonija perfetta mal-predeċessur kbir tiegħu, jgħidilna li xi għemejjel huma minnhom infushom ħżiena (ngħidu aħna, l-adulterju), indipendentement miċ-ċirkustanzi li fihom isiru u anki mill-fehmiet ta’ min jagħmilhom. Imma San Ġwanni Pawlu II qatt ma ddubita li ċ-ċirkustanzi jinfluwenzaw il-valutazzjoni morali ta’ min iwettaq għemil, u jagħmluh iktar jew inqas ħati tal-għemil oġġettivament ħażin li għamel. L-ebda ċirkustanza ma tista’ tibdel f’tajjeb għemil intrinsikament ħażin, imma ċ-ċirkustanzi jistgħu jżidu jew inqassu mir-responsabbiltà morali ta’ min iwettqu. Fuq dan ikellimna l-Papa Franġisku fl-Amoris lætitia. Mela fl-Amoris lætitia m’hemm l-ebda etika ċirkustanzjali, imma l-bilanċ klassiku Tomista li jagħraf bejn il-ġudizzju fuq il-fatt u l-ġudizzju fuq min jagħmlu, fejn jiġu vvalutati ċ-ċirkustanzi attenwanti jew li jeżentawh.

 

Kritiċi oħra jaraw kuntrast dirett bejn il-Familiaris consortio (n. 84) u l-Amoris lætitia (n. 305, bin-nota ‘infami’ 351). San Ġwanni Pawlu II jgħid li d-divorzjati li reġgħu żżewġu ma jistgħux jirċievu l-Ewkaristija, waqt li l-Papa Franġisku jgħid li f’xi każi jistgħu. Jewwilla mhix kuntradizzjoni din!

 

Imma ejja nippruvaw naqraw it-test iktar fil-fond. Dari d-divorzjati fit-tieni żwieġ kienu skumnikati u esklużi mill-ħajja tal-Knisja. Bil-Codex iuris canonici l-ġdid u bil-Familiaris consortio l-iskomunika tneħħiet u huma jiġu mħeġġa jieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja u jedukaw Kristjanament lil uliedhom. Kienet deċiżjoni straordinarjament kuraġġjuża wara tradizzjoni ta’ sekli sħaħ. Imma l-Familiaris consortio tgħidilna li d-divorzjati fit-tieni żwieġ ma jistgħux jirċievu s-sagrmenti. Ir-raġuni hi li qed jgħixu f’kundizzjoni pubblika ta’ dnub u li hemm bżonn nevitaw li nagħtu skandlu. Dawn ir-raġunijiet huma hekk qawwija li donnu għalxejn noqgħodu nagħmlu verifika ta’ xi jkunu ċ-ċirkustanzi attenwanti.

 

Issa l-Papa Franġisku qed jgħidilna li ta’ min jagħmilha din il-verifika. Id-differenza bejn il-Familiaris consortio u l-Amoris lætitia kollha hawn qiegħda. M’hemmx dubju li d-divorzjat li reġa’ żżewweġ jinsab f’qagħda oġġettiva ta’ dnub gravi; il-Papa Franġisku mhux qed jgħidlu li jista’ jerġa’ jibda jitqarben imma, bħall-midinbin kollha, jibagħtu jqerr. Hemm ikun jista’ jirrakkonta ċ-ċirkustanzi attenwanti u jingħad lilu x’inhuma l-kundizzjonijiet biex jista’ jirċievi l-assoluzzjoni.

 

Bla dubju ta’ xejn, San Ġwanni Pawlu II u l-Papa Franġisku mhumiex jgħidu l-istess ħaġa, imma lanqas mhuma jeħduha kontra xulxin dwar it-teoloġija taż-żwieġ. Imma jużaw b’mod differenti u f’sitwazzjonijiet differenti s-setgħa li jħollu jew iżommu dak li Alla ħalla f’idejn is-Suċċessur ta’ Pietru. Biex nifhmu aħjar dan il-punt ħa nippruvaw nistaqsu lilna nfusna hekk: Hemm kontradizzjoni bejn il-Papiet li skomunikaw id-divorzjati li reġgħu żżewġu u San Ġwanni Pawlu II li neħħa l-iskomunika?

 

Il-Papiet ta’ qabel dejjem kienu jafu li xi divorzjati fit-tieni żwieġ setgħu kienu fil-grazzja ta’ Alla minħabba bosta ċirkustanzi partikulari. Kienu jafu tajjeb li l-aħħar imħallef hu Alla waħdu. Imma għafsu fuq l-iskomunika biex fil-kuxjenza tal-poplu jinsistu fuq il-verità dwar l-indissolubbiltà taż-żwieġ. Kienet strateġija pastorali leġittima f’soċjetà omoġenja bħal dik tas-sekli l-imgħoddija. Id-divorzju kien fatt eċċezzjonali, id-divorzjati li jerġgħu jiżżewġu kienu ftit, u kienu qed iħarsu l-fidi tal-poplu meta b’għafsa ta’ qalb eskludew mill-Ewkaristija anki lil dawk li fir-realtà setgħu jirċevuha.

 

Issa d-divorzju hu fenomenu tal-massa u qed jirriskja li jkaxkar miegħu apostasija tal-massa jekk fil-fatt id-divorzjati li reġgħu żżewġu jitilqu lill-Knisja u ma jibqgħux jagħtu edukazzjoni Nisranija lil uliedhom. Is-soċjetà m’għadhiex omoġenja bħal qabel, saret likwida. L-għadd tad-divorzjati hu bil-wisq ikbar u ovvjament żdied anki dak ta’ dawk li sabu ruħhom f’qagħda “irregolari” imma jistgħu jkunu suġġettivament fil-grazzja ta’ Alla. Jeħtieġ niżviluppaw strateġija pastorali ġdida. Għalhekk il-Papiet mhux il-liġi ta’ Alla bidlu, imma l-liġijiet umani li neċessarjament imorru magħha, ladarba l-Knisja hi sieħba umana u viżibbli.

 

Ir-regola ġdida qed toħloq problemi u ġġib riskji ġodda? Daż-żgur. Hemm ir-riskju li xi wħud jersqu b’mod sagrilegu għat-tqarbin mingħajr ma jkunu fi stat ta’ grazzja? Jekk jagħmlu hekk, ikunu jieklu u jixorbu l-kundanna tagħhom stess.

 

Imma r-regola l-qadima ma kienx fiha wkoll riskji? Ma kienx hemm ir-riskju li xi wħud (jew ħafna) jintilfu għax tħallew nieqsa minn dak it-tweżin sagramentali li kellhom jedd għalih? Hu dmir tal-konferenzi episkopali tal-pajjiżi partikulari, ta’ kull isqof u fl-aħħar nett ta’ kull fidil li jadotta l-miżuri opportuni biex japplika bl-aktar  mod wiesa’ l-benefiċċji ta’ din il-linja pastorali u jnaqqas kemm jista’ r-riskji li ġġib magħha. Il-parabbola tat-talenti tgħallimna naċċettaw ir-riskju u nafdaw fil-ħniena.

 

__________

20.7.2016

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard