L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Monnika Qaddisa, armla, omm, u filosfa

Awtur: Salvinu Caruana OSA

Publikazzjoni: Provinċja Agostinjana, Malta 2016

 

Patri Salvinu Caruana OSA, Monnika. Qaddisa, armla, omm u filosfa, Provinċja Agostinjana, Malta 2016 (p.125). F'dan il-ktieb ewlieni dwar il-qaddisa Monnika, omm il-qaddis kbir u Duttur tal-Knisja, Wistin ta' Ippona,

P. Salvinu ġabar tista' tgħid it-tagħrif kollu li għandna dwar din il-qaddisa. Huwa jinnota ta' spiss matul il-bijografija ta' Monnika, il-fatt li dak kollu li nafu dwarha hu dak li ħallielna miktub binha nnifsu Wistin, fl-Istqarrijiet, l-iktar fil-ktieb disa'. P. Salvinu iżda fela għadd ta' kitbiet oħrajn tal-qaddis Wistin, fosthom il-magħrufa Taħdidiet ta' Kassiċjaku li matulhom Wistin, flimkien ma' għadd ta' ħbieb tal-qalb, li huwa sejjħilhom "ħbieb bl-istess għan" (bl-Ingliż "like-minded friends").

F'dawn it-taħdidiet, Monnika mhux talli kienet hemm f'Kassiċjaku ma' binha, u ibnu Adeodatu, u xi ħbieb (ħaġa li ma kienet instemgħet qatt li mara titħalla tieħu sehem f'taħdidiet tal-filosofija, u postha kellu jkun ġewwa l-kċina u taqdi lill-grupp ta' binha), imma talli ġieli, hekk kif kienet tisma' xi ħaġa ddoqqilha dwar it-twemmin Kattoliku, kienet pront toħroġ u tagħti fehemtha. Wistin mhux biss ma ċanfarhiex, iżda wasal sabiex faħħarha bħala l-filosfa tabilħaqq. Fil-kap 17 tal-ktieb, P. Salvinu ta ħarsa lejn it-teoloġija ta' Wistin dwar il-mara, imma fid-dawl ta' dak li għadd ta' teoloġi nisa jaħsbu dwar kitbet Wistin dwar il-mara.

 

Il-ktieb jinsab għall-bejgħ fil-libreriji reliġjużi ewlenin f'Malta u f'Għawdex u mis-sagristija tal-Kunvent S. Wistin, Triq l-Ifran, il-Belt għall-prezz ta' €13 (qoxra iebsa) u €10 (qoxra normali).