KARDINAL PROSPERO GRECH OSA

 

Meditazzjoni lill-Kardinali Eletturi

 

Ftuħ tal-Konklavi fil-Kappella Sistina

It-Tlieta 12 ta’ Marzu 2013

 

Meridie diei 12 eiusdem mensis Martii in Sixtino Sacello post liturgicam horam sextam Em.mus ac R.mus Prosperus Card. Grech, OSA, hanc admonitionem habuit ad normam Constitutionis Apostolicæ ‘Universi Dominici gregis’ (n. 43).

 

Fl-età veneranda ta’ 87 sena, jien wieħed mill-aktar anzjani fil-Kulleġġ Kardinalizju, imma f’dik li hi nomina qisni tarbija tat-twelid; u billi ħajti dejjem iddedikajtha għall-istudju, l-għarfien tiegħi ta’ dak li jiġri fil-Kurja bilkemm jaqbeż it-tielet klassi tal-Primarja.  B’tali mod biss jien nindenja nippreżenta din il-meditazzjoni sempliċi in nomine Domini.

 

Dak li sejrin twettqu f’din il-Kappella Sistina hu kairos, hu mument qawwi ta’ grazzja, fl-istorja tas-salvazzjoni, li jkompli jitwettaq fil-Knisja sat-temma taż-żminijiet.  Intom konxji li dan il-mument qed jitlob minnkom l-ogħla responsabbiltà.  M’hux daqshekk importanti jekk il-Papa li se teleġġu jkunx ta’ dik in-nazzjonalità jew l-oħra, ta’ din ir-razza jew l-oħra.  Jimporta biss li, meta l-Mulej jagħmillu l-mistoqsija: “Pietru, tħobbni int?”, hu jkun jista’ jwieġeb bis-sinċerità kollha: “Mulej, int taf kollox; int taf li nħobbok”.[1]  Imbagħad in-nagħaġ li jkun fdalu Ġesù jkunu fiż-żgur, u Pietru jimxi wara Kristu, ir-Ragħaj il-kbir, kull fejn dan imur.

 

B’dan kollu m’għandi l-ebda intenzjoni li nagħtikom l-identikit tal-Papa l-ġdid, u wisq inqas li nippreżenta xi pjan ta’ ħidma lill-Papa futur.  Dan ix-xogħol l-iżjed delikat inħallih f’idejn l-Ispirtu s-Santu, li fl-aħħar għexieren ta’ snin tana serje ta’ papiet mill-aqwa u qaddisa.  Il-ħsieb tiegħi hu li nislet mill-Iskrittura xi riflessjonijiet biex jgħinuna nifhmu dak li Kristu jrid mill-Knisja tiegħu, riflessjonijiet li jistgħu jgħinukom fid-diskussjonijiet tagħkom.

Matul ħajtu, Ġesù bagħat lid-dixxipli tiegħu biex iħabbru s-Saltna ta’ Alla.[2]  Is-Saltna għandha iktar minn wiċċ wieħed, imma nistgħu niġbru fil-qosor l-essenza tagħha bħala l-mument ta’ grazzja u ta’ rikonċiljazzjoni li l-Missier joffri lid-dinja fil-persuna u l-ħidma ta’ Kristu.  Saltna u Knisja ma jseħħux ma’ xulxin; is-Saltna hi s-sovranità paterna ta’ Alla li tiġbor fiha lil dawk kollha li jgawdu mill-grazzja tiegħu.  Wara l-Qawmien tiegħu, Ġesù bagħat lill-Appostli fid-dinja kollha biex jagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha u jgħammduhom fl-isem tal-Missier, u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu.[3]  Il-Knisja dan tagħmlu billi tippreżenta l-Vanġelu mingħajr ma tnaqqas xejn minnu, mingħajr ma tfaqqar il-kelma; bil-kliem ta’ Pawlu: “Jiena ma nistħix mill-Evanġelju; għax l-Evanġelju hu qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu, l-ewwel il-Lhud u mbagħad il-Griegi”.[4]  Meta nibdew nagħmlu l-kompromessi mal-Vanġelu, inkunu qed inbattluh mid-dynamis tiegħu, qisek neħħejt l-isplussiv minn ġo bomba.  Lanqas nistgħu naqgħu għat-tentazzjoni li naħsbu li, la l-Konċilju Vatikan II fetaħ is-salvazzjoni anki għal dawk li jinsabu barra mill-Knisja, il-ħtieġa tal-Magħmudija issa saret xi ħaġa relattiva.  Il-lum inżidu wkoll l-abbuż ta’ tant Kattoliċi indifferenti li jittraskuraw jew jirrifjutaw li jgħammdu lil uliedhom.

 

It-tħabbira tal-Vanġelu tas-Saltna ta’ Alla ssir konkreta fit-tħabbira ta’ “Ġesù Kristu, u dan imsallab”.[5]  Kemm il-fatt li Kristu hu l-Iben ta’ Alla u kemm it-tislib tiegħu jagħmlu l-iscandalum crucis, “bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hi l-qawwa ta’ Alla”.[6]  Hu sewwa sew dan l-iskandlu tas-salib li jumilja l-hybris tal-ħsieb uman u jgħollih biex jilqa’ fih għerf li ġej mill-għoli.  Anki f’dan il-każ, jekk nirrelativizzaw il-persuna ta’ Kristu billi npoġġuha maġenb “salvaturi” oħrajn, inkunu qed inbattlu l-Kristjaneżmu nnifsu mis-sustanza tiegħu.  Kienet sewwa sew il-predikazzjoni tal-bluha tas-salib li f’inqas minn tliet mitt sena ġabet fix-xejn ir-reliġjonijiet ta’ l-Imperu Ruman u fetħet moħħ il-bnedmin għal viżjoni ġdida ta’ tama u ta’ qawmien.  Għal din l-istess tama hi għatxana d-dinja tal-lum, li qed tbati minn dipressjoni eżistenzjali.

 

Imma Kristu msallab hu marbut b’mod intimu mal-Knisja msallba.  Hi l-Knisja tal-martri, minn dawk ta’ l-ewwel sekli sa l-għadd kbir ta’ fidili li, f’xi pajjiżi, qed jaraw il-mewt sempliċement għax jattendu għall-Quddiesa tal-Ħadd.  Imma l-Knisja msallba ma tillimitax ruħha biss għall-martri tagħha.  Meta hi tirrifletti fiha l-persuna, it-tagħlim u l-imġiba ta’ Kristu, ma tkun tagħmel xejn ħlief tippreżenta l-Verità, li hu l-istess Kristu.[7]  Għalhekk il-Knisja titlob lill-bnedmin li jħarsu fil-mera ta’ Kristu u tagħha.  Kollha nixtiequ nafuha l-verità, imma meta din tikxef id-difetti tagħna, allura tiġi mibgħuda u ppersegwitata: Oculis ægris odiosa lux, quæ sanis amabilis,[8] jgħid Wistin.  U Ġesù jippriedka u jgħid: “Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll”.[9]  Mela l-persekuzzjoni hi quid constitutivum tal-Knisja, l-istess kif hi d-dgħufija tal-membri tagħha, li ma tistax twarrabha mingħajr ma titlef l-individwalità tagħha, hi salib li jeħtieġ tgħannaq magħha.

 

Imma l-persekuzzjoni m’hix dejjem fiżika, għax hemm anki l-persekuzzjoni tal-gideb: “Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija”.[10]  Dan doqtuh dan l-aħħar minħabba f’xi mezzi ta’ l-istampa li ma jħobbuhiex lill-Knisja.  Meta l-akkużi huma foloz, wieħed m’għandux jagħti kashom, anki jekk jikkawżaw uġigħ kbir.

 

Ħaġa oħra hi meta jgħidu l-verità kontrina, kif seħħ f’bosta mill-akkużi tal-pedofelija.  Hemm jeħtieġ nitbaxxew quddiem Alla u quddiem il-bnedmin u nfittxu li b’kull mod possibbli naqilgħu l-ħażen minn għeruqu, kif għamel, mhux mingħajr ħafna dispjaċir, Benedittu XVI.  Il-lum ħafna nies ma jaslux biex jemmnu fi Kristu għax il-wiċċ tiegħu hu mdallam u moħbi wara istituzzjoni nieqsa mit-trasparenza.

 

Imma jekk m’ilux wisq li bkejna għal tant ġrajjiet xejn sbieħ li seħħu lill-kleru u l-lajċi, saħansitra fid-Dar Pontifiċja, irridu niftakru li dan il-ħażen, anki jekk hu gravi, jekk imqabbel ma’ ċertu ħażen ta’ l-imgħoddi fl-istorja tal-Knisja, m’hux ħlief daqsxejn ta’ riħ.  Kif, bl-għajnuna ta’ Alla, dawn ġew mirbuħa, nirbħu wkoll il-kriżijiet tal-lum.  Imma anki meta jkollok riħ, dan trid tieħu ħsiebu sewwa biex ma tispiċċax b’riħ fuq ieħor.

 

L-ispirtu tal-ħażen fid-dinja, il-mysterium iniquitatis,[11] il-ħin kollu jipprova jindiehes fil-Knisja.  Barra minn hekk, ma ninsewx it-twissija tal-profeti lil Israel l-antik biex la jfittex pattijiet mal-Babilonja u lanqas ma’ l-Eġittu, imma jimxi b’politika safja ex fide u jafda biss f’Alla[12] u fil-patt miegħu.  Kuraġġ!  Kristu jagħmlilna l-qalb meta jgħid: “Agħmlu l-qalb, jiena rbaħt id-dinja”.[13]

 

Immiddu issa pass ieħor ’il quddiem fil-mistoqsija tagħna fuq ir-rieda ta’ Alla għall-Knisja.  M’hemmx dubju li l-għaqda fil-ġisem tiegħu hi s-summum desideratum ta’ Kristu, kif turi t-talba saċerdotali tiegħu fl-Aħħar Ikla.[14]  B’xorti ħażina, il-Kristjaneżmu għadu mifrud ġewwa fih, kemm fil-fidi u kemm fl-imħabba.  L-ewwel tentattivi ta’ ekumeniżmu dritt wara t-Tieni Gwerra Dinjija (niftakarni preżenti għal xi laqgħat ma’ Romano Guardini u Burg Rothenfels), kif ukoll l-impenn li qanqlet l-Unitatis redintegratio, qed jagħmlu l-frott, anki jekk fadlilna triq twila ħafna x’nimxu.  Il-preġudizzji jmutu wisq bil-mod u m’hu xejn faċli li nilħqu ftehim teoloġiku.  It-tentazzjoni hi li negħjew f’din it-triq li spiss tidher li għandha direzzjoni waħda.  Imma jekk nieqfu niddjalogaw, inkunu qed immorru espliċitament kontra r-rieda ta’ Alla.  Imma iktar mid-diskussjonijiet u l-laqgħat ekumeniċi, hu meħieġ talb fiduċjuż u intens minn kull naħa u mixja flimkien lejn il-qdusija u l-ispirtu ta’ Ġesù.

 

Xejn inqas faċli għall-Papa futur m’hu sa jkun li jżomm l-għaqda fi ħdan l-istess Knisja Kattolika.  Bejn estremisti ultratradizzjonalisti u estremisti ultraprogressisti, bejn saċerdoti ribelli għall-ubbidjenza u dawk li ma jagħrfux is-sinjali taż-żminijiet, dejjem sa jkun hemm il-periklu ta’ xiżmi żgħar li mhux biss jagħmlu l-ħsara lill-Knisja, imma jmorru kontra r-rieda ta’ Alla: l-għaqda, hu x’inhu l-prezz tagħha.  Għaqda, imma, ma tfissirx uniformità.  Hu evidenti li dan ma jagħlaqx il-bibien għad-diskussjonijiet intra-ekkleżjali, preżenti fl-istorja kollha tal-Knisja.  Kulħadd hu ħieles li jesprimi l-ħsieb tiegħu dwar il-missjoni tal-Knisja, dejjem jekk ikunu proposti fil-linja ta’ dak id-depositum fidei li l-Papa flimkien ma’ l-isqfijiet għandu d-dmir li jħares.  Il-ħidma ta’ Pietru tista’ tkun wisq eħfef meta jaqsamha ma’ l-Appostli l-oħra.

 

B’xorti ħażina, il-lum it-teoloġija qed tbati minħabba fil-ħsieb dgħajjef li jsaltan fl-ambjent filosofiku, u għandna bżonn ta’ bażi filosofika tajba biex nistgħu niżviluppaw id-domma b’ermenewtika valida li titkellem b’lingwaġġ li jinftiehem mid-dinja tal-lum.  Spiss jiġri, imma, li l-proposti ta’ tant fidili għall-progress tal-Knisja jinbnew skond il-grad ta’ libertà mogħti fl-ambitu sesswali.  Ċertament, liġijiet u tradizzjonijiet li huma purament ekkleżjastiċi jistgħu jinbidlu, imma mhux kull bidla tfisser progress; hemm bżonn niddixxernu jekk dawn il-bidliet humiex qed isiru biex iżidu l-qdusija tal-Knisja jew inkella biex ixekkluha.

 

Ngħaddu issa għal kapitlu jaħraq iżjed.  Fil-Punent, ta’ l-inqas fl-Ewropa, l-istess Kristjaneżmu jinsab fi kriżi.  L-Ewropa bilkemm riedet tikkunsidra t-tradizzjonijiet storiċi Nsara tagħha.  Jeżisti lajċiżmu u anjostiċiżmu qawwi li għandu bosta għeruq, biex inkun semmejt waħda: ir-relattivizzazzjoni tal-verità, frott tal-ħsieb dgħajjef li semmejt, li spiss jirriferi għalih Benedittu XVI, materjaliżmu li jqis kollox f’termini ekonomiċi, il-wirt ta’ gvernijiet u partiti li ħsiebhom kien li jwarrbu lil Alla mis-soċjetà, l-isplużjoni tal-libertà sesswali u dak il-progress xjentifiku mgħaġġel li ma jridx jaf b’kundizzjonamenti morali jew umanitarji.  Barra minn hekk, għandna jsaltnu fostna injoranza u indifferenza mhux biss fid-duttrina Kattolika, imma fl-istess ABĊ tal-Kristjaneżmu.  Għalhekk tinħass l-urġenza ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida li tibda mill-kerigma safja u għerja mħabbra lil dawk li ma jemmnux, li warajha mbagħad tiġi katekeżi kontinwa msaħħa bit-talb.

 

Imma l-Mulej, li qatt ma jħalli tirbaħlu t-traskuraġni umana, meta fl-Ewropa qed jagħlqulu l-bibien, donnu qed jiftaħhom beraħ xi mkien ieħor, speċjalment fl-Asja.  U anki fil-Punent, il-Mulej m’hux sa jonqos milli jżomm għalih fdal ta’ Israel li ma jinżilx għarkubbtejh quddiem Bagħal, fdal li nsibuh prinċipalment f’tant movimenti lajkali mogħnija b’għadd ta’ kariżmi li qed jagħtu kontribut qawwi lill-evanġelizzazzjoni ġdida.  Dawn il-movimenti huma mimlija żgħażagħ, tant maħbuba mill-aħħar żewġ papiet.  Huma ż-żerriegħa li, jekk nieħdu ħsiebha, għad tikber f’siġra ġdida kollha frott.  Imma rridu nżommu għajnejna miftuħa biex xi movimenti partikulari ma jaħsbux li l-Knisja sa tispiċċa fihom.

 

Insomma, Alla qatt m’hu ħa jiġi mirbuħ mill-indifferenza tagħna.  Il-Knisja hi tiegħu, il-bibien ta’ l-inferm kapaċi jferuha fl-għarqub, imma ma jistgħux jifgawha.

 

Sa issa tkellimna fuq papiet, kardinali, isqfijiet u saċerdoti, imma hemm fattur ieħor ta’ tama fil-Knisja li ma rridux ninsew, is-sensus fidelium.  Wistin isejjaħlu “l-Imgħallem interjuri” f’kull min jemmen, u San Ġwann “id-dilka” li tgħallimna kollox,[15] għax toħloq fil-fond ta’ kull qalb dak il-kriterju ta’ dixxerniment bejn il-veru u l-falz, tgħallimna nagħrfu b’mod istintiv dak li hu secundum Deum minn dak li ġej mid-dinja u mill-ħażin.[16]  Skond id-Dei Verbum 8, anki s-sensus fidelium hu locus theologicus li r-rgħajja tal-Knisja jridu jagħtu kasu.  Il-ġamar tal-fidi devota jinżamm jaqbad minn miljuni ta’ fidili sempliċi li huma ’l bogħod milli jissejħu teologi, imma li, mill-intimità tat-talb, ir-riflessjonijiet u d-devozzjonijiet tagħhom, jistgħu jagħtu pariri profondi lir-rgħajja tagħhom.  Huma dawn li “jeqirdu l-għerf ta’ l-għorrief u jwarrbu d-dehen tad-dehnin”.[17]  Dan ifisser li meta d-dinja, bl-għerf u l-intelliġenza kollha tagħha, twarrab il-logos tar-raġuni umana, il-Logos ta’ Alla jiddi fil-qlub sempliċi, li jsenslu l-għadam li minnu tieħu l-ħajja x-xewka tad-dahar tal-Knisja.

 

Imma għaliex qed ngħid dan kollu?  Għax, anki jekk ilkoll nagħmlu l-istqarrija komuni li l-Ispirtu s-Santu hu r-ruħ tal-Knisja, mhux dejjem nagħtu kasu fil-pjanijiet li nagħmlu għall-Knisja.  Hu jmur lil hinn minn kull analiżi soċjoloġika u previżjoni storika.  Jissupera l-iskandli, il-politika interna, l-ambizzjonijiet u l-problemi soċjali, li, fil-kumplessità tagħhom idallmu l-wiċċ ta’ Kristu li jrid jiddi anki qalb is-sħab.  Nisimgħu x’jgħid Wistin: “L-Appostli raw lil Kristu u emmnu fil-Knisja li ma rawx; aħna naraw il-Knisja u jeħtieġ nemmnu fi Kristu li ma narawx.  Inżommu sħiħ ma’ dak li naraw, u hekk naslu biex naraw lil dak li issa ma narawx”.[18]

 

U intom, għaliex qegħdin hawn?  Fl-1961, Ġwanni XXIII laqa’ f’udjenza lill-korp diplomatiku fi ħdan is-Santa Sede f’din il-Kappella Sistina.  Uriehom il-figura dominanti ta’ Kristu mħallef fl-affresk ta’ Michelangelo, u qalilhom li Kristu għad jiġġudika wkoll il-ħidma ta’ kull nazzjon fl-istorja.  Intom ukoll tinsabu f’din l-istess Kappella, taħt il-figura ta’ dak Kristu, b’idu mgħollija, mhux biex ikeċċi minn quddiemu, imma biex idawwal il-vot tagħkom, biex ikun secundum Spiritum, mhux secundum carnem, jiġifieri: Non in sinistrum nos ignorantia trahat, non favor inflectat, non acceptio muneris vel personæ corrumpat.  Hekk min jiġi elett ma jkunx biss tagħkom, imma essenzjalment tiegħU.

 

Nixtieq nagħlaq fuq nota iżjed ħafifa.  Dan m’hux l-ewwel konklavi li jien preżenti għalih.  Jiena kont preżenti wkoll għall-konklavi ta’ Pawlu VI, bħala sempliċi sagristan li kien jipprepara l-altari.  Darba waħda ġie ħdejja l-Kardinal Montini, li talabni nqarru.  Wara sagħtejn kien Papa!  Wara l-mewt tiegħu, huma u jħejju għall-konklavi, kien hemm joqogħdu għandna fil-Kulleġġ ta’ Santa Monika tliet kardinali, fosthom il-Kardinal Luciani.  Billi jien kont l-ixjeħ wieħed fost il-patrijiet, mess lili nsellmilhom qabel telqu għall-Kappella Sistina.  Niftakar li kont għidtilhom: “Li nawguralkom m’hix l-aħjar ħaġa.  Li ngħidilkom ‘narakom’ agħar.  Ngħidilkom biss: ‘Il-Mulej iberikkom’”.  Jien għasfur li nġib xorti tajba!  L-istess tislima nagħti lilkom: Il-Mulej ikun magħkom u jberikkom.

 

Sors: Acta Apostolicæ Sedis, 5 Aprilis – 3 Maii 2013.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard.


 

[1] Ara Ġw 21:17-19.

[2] Lq 9:2.

[3] Mt 29:19.

[4] Rum 1:16.

[5] 1 Kor 2:2.

[6] 1 Kor 1:18.

[7] Ġw 14:6.

[8] L-Istqarrijiet, VII, 22.

[9] Ġw 15:20.

[10] Mt 5:11.

[11] 2 Tess 2:7.

[12] Ara Is 30:1; 31:1-3; Ħos 12:2.

[13] Ġw 16:33.

[14] Ġw 17.

[15] 1 Ġw 2:20,27; 4:1-6.

[16] Ara Ġer 31:34.

[17] 1 Kor 1:19.

[18] Sermo 328:3.