ITTRA PASTORALI
MILL‑E.T. MONS. CHARLES J.
SCICLUNA
Arċisqof ta’ Malta
u
MILL‑E.T. MONS. MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex
Klikkja hawn
fuq sabiex tkun tista' tisma' l-Pastorali
tar-Randan
moqrija
mill-Arċisqof Charles J.
Scicluna ...
|
Ara
l-verżjoni bl-Ingliż ...
Pastorali tar-Randan 2017
adattata għat-Tfal mill-Kummissjoni
Djoċesana Tfal ...
GĦAŻLIET SKONT
IL-QALB TAL-MULEJ
“Qumu. La
tibżgħux” (Mt 17, 7). Dan huwa
l-kliem li Ġesù jgħid
lid-dixxipli tiegħu
-
lil Pietru, lil Ġakbu u lil ħuh
Ġwanni
-
wara l-esperjenza tiegħu fuq
it-Tabor. Huma xhieda tas-sebħ
tiegħu, huma xhieda ta’
leħen il-Missier
li jgħid fuq Ġesù: “Dan hu Ibni
l-għażiż li fih sibt l-għaxqa
tiegħi, isimgħu lilu.
Id-dixxipli, kif semgħu dan,
waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin
bil-biża’.
Ġesù resaq lejhom, messhom u
qalilhom: ‘Qumu. La tibżgħux’”
(Mt 17, 5-7).
Il-kelma ta’ Ġesù
hija kelma ta’ kuraġġ għaliex
mhux faċli li inti u tħares lejn
il-Mulej Ġesù fis-sebħ u
l-glorja tiegħu,
u
tħares lejh
ukoll
minxur fuq salib
fit-tbatija u l-agunija tiegħu,
tgħid: “Se
nimxi warajh”. Dak li jitlob
minna d-dixxipulat,
jiġifieri
li aħna nkunu dixxipli ta’ Ġesù,
mhux dejjem faċli. Jitlob minna
proċess ta’ għarfien, ta’
verità, ta’ umiltà, proċess li
nistgħu nsejħulu ta’
dixxerniment.
L-għażla bejn it-tajjeb u
l-ħażin
San Pawl
Missierna, hu u jikteb
lit-Tessalonikin, qalilhom:
“Ifirħu dejjem, itolbu bla heda,
iżżu ħajr ’l Alla f’kollox ...
Ixxekklux
l-Ispirtu, tmaqdrux
il-profezija, ippruvaw kollox;
it-tajjeb żommuh, u, fuq kollox,
warrbu kull xorta ta’ ħażen” (1
Tess 5, 16-22). Quddiemna,
ħafna drabi, tidher l-għażla
bejn it-tajjeb u l-ħażin. Kif
jgħid Ġwanni l-appostlu
lill-komunità tal-ewwel Insara:
“Mhux
lil kull xorta ta’ spirti
għandkom temmnu. L-ispirti
stħarrġuhom, biex taraw ikunux
ġejjin minn Alla; għax kienu
ħafna l-profeti foloz li ħarġu
fid-dinja” (1Ġw 4, 1). Ġesù
stess jgħidilna li s-siġra
tagħrafha mill-frott tagħha.
Jgħidilna wkoll li: “ħadd ma
jista’ jaqdi żewġ sidien; għax
jew ikun jobgħod lil wieħed u
jħobb lill-ieħor, jew jintrabat
ma’ wieħed u jistmell
lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu
lil Alla u lill-flus” (Mt 6,
24).
Il-ħajja Nisranija hija sensiela
kontinwa ta’ għażliet, u t-talba
tagħna hija li aħna nagħżlu
t-tajjeb. Kif jgħallem San Pawl
Missierna, l-Ispirtu tal-Mulej
iwassalna għall-frott bnin
tal-imħabba, tas-sabar,
tal-verità, tar-rażan, mentri
l-ispirtu ħażin jiżra’ fostna
l-firda, il-mibegħda, il-gidba,
l-għira u dak kollu li jfarrakna
u jkissirna.
Għażliet skont il-qalb tal-Mulej
Aħna l-Isqfijiet
nixtiequ ninkoraġġixxu
lill-Insara Maltin u Għawdxin,
huma u jissieltu kull jum ta’
ħajjithom, biex jagħmlu
l-għażliet skont il-qalb
tal-Mulej. Il-Papa Franġisku
jfakkarna li l-ħajja Nisranija
hija ħajja li timpenjana anke
f’taqtigħa ma’ dak il-ħażen li
hemm fil-qalb tagħna. Il-Papa
jgħidilna: “Mhux mistenni minna
li nkunu bla ħtija f’kollox,
imma pjuttost li nkunu dejjem fi
proċess li fih nibqgħu nikbru,
li ngħixu x-xewqa qawwija li
nibqgħu mexjin ’il quddiem
fit-triq tal-Evanġelju, u ejjew
ma nċedux l-armi” (Evangelii
Gaudium, 151).
Il-Papa qiegħed
jirrepetilna l-kliem ta’ Ġesù:
“La tibżgħux” (Mt 17, 7), imma
jippreparana wkoll għat-taqbida
li aħna għandna bżonn naffaċċjaw
meta jkollna bżonn nagħrfu
x’inhi r-rieda ta’ Alla għalina.
Il-Papa jgħallimna li
fil-preżenza ta’ Alla, tajjeb li
nistaqsu lilna nfusna: Mulej,
x’qed tgħid lili f’dan il-mument
din
is-silta
mill-kelma tiegħek? Xi trid
tibdel f’ħajti b’dan il-messaġġ?
X’qed idejjaqni f’din is-silta
mill-kelma tiegħek? Għaliex dan
ma jolqotnix? X’jogħġobni?
X’hemm li jħeġġiġni f’din
il-kelma? X’jiġbidni fiha?
Għaliex jiġbidni? Meta nfittxu
li nisimgħu lill-Mulej hu
normali li jkollna
t-tentazzjonijiet. Waħda minnhom
hi sempliċement meta nħossuna
mdejqin u magħfusin, u ningħalqu
fina nfusna.
Tentazzjoni
oħra komuni ħafna hi li nibdew
naħsbu li l-kelma ta’ Alla hija
għall-oħrajn, biex nevitaw li
napplikawha għal ħajjitna stess.
Jiġri wkoll li kultant nibdew
infittxu skużi li bihom infaqqru
l-messaġġ ta’ Ġesù. Drabi oħra
naħsbu li Alla qed jitlob minna
deċiżjoni kbira wisq, li
m’aħniex fi stat li nistgħu
nieħdu.
Il-Papa jkompli
jgħid li
dan
iwassal lil ħafna persuni biex
jitilfu l-ferħ tal-laqgħa
mal-kelma ta’ Ġesù, imma dan
għax inkunu qegħdin ninsew li
ħadd mhu paċenzjuż daqs Alla
l-Missier, li ħadd ma jaf jifhem
u jistenna daqs kemm jaf Hu. Hu
dejjem jistedinna biex immiddu
pass ieħor, imma ma jistenniex
tweġiba sħiħa mingħandna jekk
għadna ma għamilniex il-mixja
kollha li jagħmilha possibbli.
Il-Mulej sempliċement jixtieq li
nħarsu b’sinċerità lejn ħajjitna
u nippreżentawhielu bla
tgħawwiġ, li nkunu disposti li
nkomplu nikbru, u li nitolbu
lilu dak li s’issa għad ma
rnexxilniex naslu għalih (ara
Evangelii Gaudium, 153).
Għajnuna
lill-koppji
Nsara
Fid-dawl ta’ dan il-kliem
tal-Papa Franġisku f’Evangelii
Gaudium, bil-Malti
Il-Ferħ tal-Evanġelju, aħna
l-Isqfijiet tajna lis-saċerdoti
tagħna sensiela ta’ kriterji
biex ikunu jistgħu jgħinu
lill-koppji li qegħdin
f’sitwazzjoni kumplessa,
fil-ħajja jew taż-żwieġ jew dik
ta’ flimkien. Aħna l-Isqfijiet
m’aħniex nagħtu l-permess lil xi
kategorija ta’ nies li jitqarbnu
mingħajr ma jagħmlu proċess ta’
dixxerniment. Bl-ebda mod ma
rridu nnaqqsu mill-qawwa
tal-Evanġelju tal-Mulej fuq
il-familja u fuq iż-żwieġ. Qalb
waħda mal-Papa, aħna l-Isqfijiet
nixtiequ nwasslu l-qalb
tal-Knisja lil kull wieħed u
waħda minnkom, lil kull wieħed u
waħda minn ħutna li jinsabu
f’sitwazzjoni diffiċli.
Is-saċerdot, f’isimna u f’isem
il-Knisja, la jaħbi l-kelma ta’
Ġesù u lanqas jonqos milli
jwassal il-qalb mimlija ħniena
tal-Mulej.
It-tentazzjonijiet li semmejna,
aħna u nsegwu t-tagħlim
tal-Papa, jgħoddu għal kulħadd,
jgħoddu wkoll għall-koppji
żgħażagħ li qed jippreparaw
għaż-żwieġ. Aħna bħala komunità
Nisranija nkomplu nħabbru
ż-żwieġ kif ħalqu Alla: rabta
dejjiema bejn raġel wieħed u
mara waħda, miftuħa għad-don
tal-ħajja. Li aħna nilqgħu lil
dawk ħutna li fil-ħajja
affettiva jagħmlu għażliet
differenti ma
jħassar xejn mis-sbuħija
tal-Evanġelju li kien mill-bidu,
l-Evanġelju tal-Ferħ tal-Imħabba
bejn ir-raġel u l-mara.
L-għażliet tas-soċjetà Maltija
Is-soċjetà Maltija, bħal kull
soċjetà oħra, se jkollha
tiffaċċja għażliet importanti
dwar il-futur tagħha, dwar
il-futur tal-ġenerazzjonijiet
ta’ warajna. It-talba tagħna
l-Isqfijiet hija li l-poplu
Malti jagħraf jagħżel it-triq li
twassal għall-ħajja u
għall-paċi, li l-poplu tagħna ma
jibża’ qatt jisma’ l-vuċi
tal-Mulej Ġesù li llum, fuq
it-Tabor, deher jiddi fis-sebħ
glorjuż tiegħu. “Afda fil-qawwa
ta’ Alla” (2 Tim 1,8), jgħid San
Pawl Appostlu Missierna lil
Timotju: Afda fil-qawwa ta’ Alla
li salvana u sejħilna b’sejħa
qaddisa, mhux għax qies
l-għemejjel tagħna, imma skont
il-pjan tiegħu stess u skont
il-grazzja, jew l-imħabba tiegħu
(ara 2 Tim 1, 8-9).
Nagħtukom il-barka pastorali
tagħna.
Illum, l-1 ta’ Marzu 2017, bidu
tar-Randan Imqaddes.
✠ Charles
J. Scicluna
✠ Mario
Grech
Arċisqof
ta’ Malta
Isqof ta’ Għawdex |