MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
FIL-BIDU TAL-LAQGĦA INTERNAZZJONALI
KARIŻMA GĦAS-SERVIŻŻ TAL-KNISJA U TAL-UMANITÀ"
FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊENTINARJU TAT-TWELID
TAS-SERVA T’ALLA CHIARA LUBICH

Roma, minn San Ġwann fil-Lateran, 29 ta Jannar 2020

 

Għeżież ħuti!

Merħba minn qalbi għaċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-Laqgħa internazzjonali fl-okkażjoni taċ-ċentinarju tat-twelid tas-Serva t’Alla Chiara Lubich. Din il-laqgħa qed tiġborkom ilkoll flimkien, l-ewwel fi Trento u mbagħad f’Loppiano biex tapprofondixxu t-tifsira u s-sehem tal-kariżma tal-unità llum fil-qadi tal-missjoni tal-Knisja, bħala komunjoni  li tevanġelizza.

Il-kariżmi huma «regali tal-Ispirtu mxierka fil-ġisem tal-Knisja, li jinġibdu lejn il-qalba li hu Kristu, mnejn imbagħad b’qawwa evanġelizzatriċi jiġu indirizzati lejn kanali differenti»(Esort. ap. Evangelii gaudium, 130). Għalhekk hu tajjeb li anki l-Isqfijiet  ipoġġu ruħhom mill-ġdid fl-iskola tal-Ispirtu s-Santu, li joħroġhom miċ-Ċenaklu - fejn il-Mulej Ġesù ġabarhom flimkien magħqudin ma’ Pietru u ma’ Marija, Omm Alla u Omm il-Knisja – biex bin-nar tal- Pentekoste jimxu flimkien mal-Poplu t’Alla kollu fit-toroq tal-missjoni. Id-dawl u l-qawwa tiegħu jiggwidawna biex bi ħniena u b’tenerezza niltaqgħu ma' min qed jgħix u jbati fil-periferiji eżistenzjali u soċjali, filwaqt li nxandru u nagħtu xhieda tal-Evanġelju ta’ Ġesù b’ferħ u mingħajr biża’, mogħnija biss b’fidi, tama u mħabba.

Id-doni tal-kariżmi huma ko-essenzjali mad-doni tal-ġerarkija fil-missjoni tal-Knisja[1]. Ir-Rgħajja għandhom id-don speċifiku li jagħrfu u jippromwovu l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, li jiżra’ fi ħdan il-poplu t’Alla, fost il-fidili ta’ kull vokazzjoni, «grazzji speċjali biex bihom ikunu jistgħu jidħlu aħjar u b’ħeġġa akbar għall-ħidmiet u għad-dmirijiet li bihom il-Knisja tkun tista’ tiġġedded u tinbena aktar fil-wisa’» (Lumen gentium, 12). Il-kariżma tal-unità hi waħda minn dawn il-grazzji għal żmienna, żmien li fih qed naraw isseħħ bidla epokali li titlob riforma spiritwali u pastorali sempliċi u radikali, biex il-Knisja tkompli tiġġedded u tkun dejjem għajn attwali tal-Evanġelju ta’ Ġesù.

Permezz tal-kariżma tal-unità, li hi f’sintonija sħiħa mal-maġisteru tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, l-Ispirtu s-Santu jagħtina tagħlim konkret dwar l-għajxien tal-grazzja tal-unità li Ġesù talab għaliha lill-Missier meta kien qrib l-Għid tal-mewt u l-qawmien tiegħu (ara Ġw 17,21). L-Ispirtu jistedinna nagħżlu lil Ġesù msallab - Chiara Lubich iżżid “abbandunat” (ara Mk 15,34; Mt 27,46) – bħala l-uniku kollox fil-mixja tagħna warajh u bħala l-boxxla waħdanija fil-ministeru tagħna. Aħna mistiedna nagħmlu dan  filwaqt li nsiru ħaġa waħda ma’ kulħadd, nibdew minn dawk li huma fl-aħħar post, l-imwarrbin, l-iskartati, biex inwasslulhom id-dawl, il-ferħ u l-paċi. L-Ispirtu jiftaħ it-triq għad-djalogu tal-karità u tal-verità ma’ kull raġel u mara  ta’ kull kultura, tradizzjoni reliġjuża u konvinzjoni ideali sabiex   bil-laqgħa ta’ bejniethom tinbena ċ-ċiviltà ġdida tal-imħabba.

L-Ispirtu jpoġġina fl-iskola ta’ Marija, fejn nitgħallmu li dak li jiswa u jibqa’ hi l-imħabba. Bħal Marija u flimkien magħha, aħna msejħin biex flimkien inwasslu l-preżenza ta’ Ġesu fid-dinja, preżenza li kważi tħossha b’idejk; aħna msejħin biex inwasslu fid-dinja lil Ġesu, l-Iben t’Alla, li fil-ġuf ta’ Marija  sar il-kbir fost ħafna aħwa (ara Rm 8,29) u li jgħix Rxoxt fost dawk magħqudin ħaġa waħda f’Ismu (ara Mt 18,20).

Għalhekk, flimkien magħkom, għeżież ħuti Isqfijiet,nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn Alla għad-don tal-kariżma tal-unità permezz tax-xhieda u t-tagħlim tas-Serva t’Alla Chiara Lubich.  U  b’komunjoni mġedda u taħt l-ħarsa materna ta’ Marija, «insejjaħ (...) lill-Ispirtu s-Santu, nitolbu jiġi biex iġedded, iqanqal, jixpruna lill-Knisja biex kollha kuraġġ toħroġ minnha nfisha ħalli tevanġelizza l-ġnus kollha» (Esort. ap. Evangelii gaudium, 261). 

Nagħti l-barka tiegħi lil kull wieħed minnkom u lill-komunitajiet fdati f’idejkom, u jekk jogħġobkom itolbu għalija.

Roma, minn San Ġwann fil-Lateran, 29 ta Jannar 2020


 

Franġisku
 



[1] 
ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Lett. Iuvenescit Ecclesia  dwar ir-rabta bejn id-doni ġerarċiċi u kariżmatiċi għall-ħajja u l-missjoni tal-Knisja, 15 ta’ Mejju  2016.


 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard